Dalgħodu The Malta Independent rrappurtat li Konrad Mizzi mhux bi ħsiebu jappella mid-digriet tal-Maġistrat Doreen Clarke li permezz tiegħu il-Maġistrat Charmaine Galea intalbet tiġbor il-provi u l-evidenza dwar ir-rabtiet tiegħu mal-iskandli Panama Papers u 17 Black.
Dak li ġie rappurtat jirrakkonta parti biss mill-istorja.
L-istorja prinċipali hi li, issa li skada ż-żmien biex seta’ jsir appell mid-digriet tal-Maġistrat, Keith Schembri, Yorgen Fenech u Mario Pullicino kif ukoll Konrad Mizzi ddeċidew li ma jappellawx kontra l-ġbir tal-provi dwar l-iskandli Panama Papers u 17 Black mill-inkjesta Maġisterjali.
Dan l-iżvilupp huwa sinjifikanti għal bosta raġunijiet.
L-ewwelnett din l-imġieba tikkuntrasta ferm mal-gabirjoli u mal-manuvri legali li dawn wettqu biex jippruvaw ixejjnu digriet identiku li kien ingħata f’Ġunju 2017 mill-Maġistrat Ian Farrugia li permezz tiegħu ordna l-ftuħ ta’ inkjesta. Kienu qabbdu lill-avukati tagħhom biex appellaw (Yorgen Fenech dak iż-żmien kien għadu ma ssemmiex għaliex l-iskandlu 17 Black kien għadu ma nkixifx mir-Reuters ftit aktar minn sena wara). L-appell tagħhom ippreżentawh f’żmien li fih kien imissu li jisma’ l-kawżi l-Imħallef Antonio Mizzi.
Meta Simon Busuttil kien talab ir-rikuża ta’ Antonio Mizzi, l-Avukat Ġenerali feġġ fix-xena u saħansitra sa mar quddiem il-Qorti Kostituzzjonali tal-Appell biex jiġġieled kontra t-talba għar-rikuża. Straħu biss hekk kif l-Imħallef Giovanni Grixti, li issa kien ħa post Antonio Mizzi li kien irtira, rrevoka d-digriet tal-Maġistrat Ian Farrugia li permezz tiegħu kienet ġiet ordnata t-tnedija ta’ inkjesta.
Il-proċess reġa’ nbeda’ u issa se jkun imsejjes fuq aktar provi u evidenza dettaljata dwar ir-rabtiet ma’ Yorgen Fenech, kwistjoni li kienet għadha ma nkixfitx meta l-Maġistrat Ian Farrugia kien deherlu li kien hemm biżżejjed materjal biex tinbeda’ inkjesta.
Il-Maġistrat Doreen Clarke rat aktar evidenza milli kien ra l-Maġistrat Ian Farrugia.
Issa r-riskji għal Keith Schembri, Konrad Mizzi u l-bqija tal-klikka huma ħafna akbar.
Għallinqas nistgħu ngħidu li Konrad Mizzi dan fehmu. Huwa kien talab lill-Maġistrat Dorren Clarke biex toqgħod lura milli tagħti d-digriet tagħha dwar it-tnedija tal-inkjesta sakemm tinqata’ l-kawża li kien għamel fil-Qorti Kostituzzjonali fejn allega li kienu nkisrulu drittijietu. Il-Maġistrat Clarke ma laqgħetx it-talba tiegħu. Huwa kien talab ukoll lill-Qorti Kostituzzjonali biex twaqqaf lill-Maġistrat Clarke milli tkompli bl-inkjesta u qal li jell l-inkjesta tinbeda’, il-kawża li għamel quddiem il-Qorti Kostituzzjonali tkun saret għal xejn. Huwa mbagħad ċeda t-talba tiegħu qabel il-Qorti setgħet twieġeb.
Issa tilef iċ-ċans li kellu li jappella mid-digriet tal-Maġistrat Clarke bir-riżultat li ftit fadal skop għall-kawża li huwa għamel quddiem il-Qorti Kostituzzjonali. Issa ser ikollu jispjega il-għala tellef lilu nnifsu d-dritt li jappella minn digriet li huwa kien stqarr li kisirlu d-drittijiet fundamentali tiegħu.
Għalkemm Konrad Mizzi kien ipprova – b’nofs qalb – li jwaqqaf it-tnedija ta’ inkjesta ġdida, jidher li l-partijiet interessati – jiġifieri dawk li allegatament xaħħmu u dawk li allegatament ixxaħħmu – ddeċidew li jkun aħjar għalihom jekk ma jerġgħux jirrepetu l-gabirjoli legali li wettqu matul dawn l-aħħar sentejn u li jippermettu lill-Maġistrat Charmaine Galea tkompli bil-ġbir ta’ provi u evidenza li setgħu wettqu reati kriminali – ħaġa li għamlu minn kollox biex iwaqqfu lill-Maġistrat Ian Farrugia milli jagħmel.
Ma jiskantani xejn il-fatt li, minkejja l-preżenza ta’ provi dokumentati ta’ kollużjoni kriminali bejn il-gvern u l-fornituri tiegħu, dawn ikkoordinaw l-imġieba u l-azzjonijiet tagħhom.
Tant għandhom wiċċhom qiegħed li ma jistħux jidhru f’għajnejn in-nies qishom konfoffa ta’ kriminali.
Il-fatt li daru dawra tond fil-pożizzjoni legali tagħhom huwa wieħed li jqajjem suspetti serji.
Aħna u nħabbtu mal-bibien tal-ġustizzja, ma nistgħu qatt insiru nafu x’ikun qed jitħejja.