Herman Schiavone, uffiċjalment deputat Independenti wara li ssospenda ruħu mill-Partit Nazzjonalista, iżda li fir-realtà huwa qaddej leali fad-dinja ta’ Adrian Delia, kien minn tal-ewwel dalgħodu li tkellem fuq TVM dwar dak li konna ilna diġà nafu li kien ser iseħħ fejn għandu x’jaqsam ir-riżultat tal-elezzjoni li saret il-bieraħ.

L-intervista li huwa ta fuq TVM ixxandret ftit minuti wara li għamel post fuq il-paġna tal-Facebook tiegħu.

Skond Schiavone ir-riżultat fqir li ġab il-PN huwa tort tal-fatt li votanti Nazzjonalisti naqsu mid-dmir li jappoġġjaw lill-partit tagħhom. Huwa kompla jgħid li dan il-fatt ma jirriflettix ħażin fuq il-mexxej tal-partit Adrian Delia li bi ħsiebu jibqa’ f’postu.

Adrian Delia hekk kien wiegħed. Ikun x’ikun ir-riżultat, bi ħsiebu jibqa’ jmexxi. Wieġeb bħallikieku kien xi gvern mhedded mit-terroristi – terroristi li f’moħħu jqabbilhom mal-votanti tal-PN li naqsu li jappoġġjaw lill-partit bil-vot tagħhom. U l-PN mhux bi ħsieb jinnegozja mat-terroristi  – jagħmlu x’jagħmlu m’hu ser jinbidel xejn.

M’għandniex xi ngħidu, t-terroriżmu m’għandu xejn x’jaqsam. Din ukoll hi d-demokrazija. Partit politiku għandu dejjem iżomm saqajh fl-art. Jekk ma jirnexxilux jipperswadi lin-nies tiegħu biex jivvutaw, jeħtieġ jara x’jeħtieġ li jinbidel.

Is-soluzzjoni tal-problema m’hix daqstant diffiċli.