Stqarrija ta’ Repubblika

Repubblika tirreferi għall-istqarrija uffiċjali tal-Gvern 191133.

Hu preokkupanti iżda mhux sorprendenti li l-Gvern joħroġ stqarrijiet li jinkludu gideb fuq il-fatti.

L-ewwel: il-kawża fil-Qorti tal-lum ma kinitx ta’ Simon Busuttil u Jason Azzopardi … daqs kemm ma kinitx ta’ Peter Grech u Victoria Buttigieg. L-avukati tal-partijiet mhumiex il-partijiet. Din hi kawża bejn il-Gvern fuq naħa waħda u Repubblika – organizzazzjoni reġistrata skond il-liġi bħala korp tas-soċjetà ċivili – fuq in-naħa l-oħra. Il-Gvern irid jinjora l-eżistenza tas-soċjetà ċivili u tad-dritt tagħna li nikkontestaw id-deċiżjonijiet tiegħu. Iżda kif iddeċidiet il-Qorti llum, dan id-dritt hu sanċit fil-liġi u hu l-bażi tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-lum li l-każ li għamilna jkompli jinstema’.

It-tieni, hi gidba li l-Qorti ċaħdet it-talba ta’ Repubblika li ssir riferenza għal preliminary ruling lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Anzi l-Qorti espressament qalet li mhix qed tieħu deċiżjoni fuq din il-kwistjoni għalissa u se tħalli li jinstemgħu aktar provi fil-kawża. Il-Qorti qalet ukoll li ħadet konjizzjoni tal-fehma tal-Avukat Ġenerali fil-Lussemburgu dwar il-każ analogu Kummissjoni Ewropea kontra l-Polonja u allura se tistenna l-gwida tad-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea dwar dak il-każ.

Mhemmx dubju li kull parti f’xi kwistjoni se jkollha l-interpretazzjoni tagħha ta’ xi tkun qalet il-Qorti. Iżda dan ma jagħtix dritt lill-Gvern li jigdeb fuq il-fatti.

Repubblika qed tippubblika hawn kopji tad-digrieti tal-Qorti tal-lum għax huma fuq kollox il-prova oriġinali ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti … u mhux il-gideb tal-Gvern.

22_05_2019-63_2019-116911

22_05_2019-63_2019-116913 (1)