Il-faċċata ta’ quddiem tat-Times of Malta tal-lum xandret il-qerq li permezz tiegħu il-gvern irid ibellagħha li l-każ dwar il-qtil ta’ Lassana Cisse qed jiġi trattat b’serjetà liema bħalha.  Huwa minnu li qed jieħdu dan il-qtil b’serjetà kbira, imma mhux għar-raġunijiet li qed iġibu. Qed jagħmlu dan għaliex intebħu li jinsabu mgħobbijin b’responsabbiltà politika diretta u, li kieku konna f’pajjiż li fih id-demokrazija taħdem kif suppost, issa ilhom li tqalftu ‘l barra mis-siġġu tas-setgħa.

Nispjegalkom il-għala.

Hekk kif ħa r-riedni tal-poter, il-gvern ta’ Joseph Muscat kien bidel ir-regolamenti kollha dwar il-mod kif jingħataw il-promozzjonijiet fl-Armata u dan sabiex jiżgura li jseħħu promozzjonijiet iġri  u ġerri ta’ uffiċjali li seta’ jafda għal raġunijiet purament partiġġjani. L-aktar wieħed li gawda minn dawn it-tibdiliet kien id-Deputat Kmandant Mark Mallia. Segwi dan ir-rapport tal-Ombudsman li jittratta dwar il-promozzjonijiet li ngħataw lil Mark Mallia – promozzjonijiet li ċertament ma setgħux jingħatawlu li kieku ma’ tbaxxewx il-kriterji meħtieġa u li kieku ma nbidlux ir-regolamenti fl-2013.

Mark Mallia, Viċi Kmandant tal-Armata (lemin), mal-imgħallem tiegħu il-Kmandant Jeffrey Curmi

Id-Deputat Kmandant Mark Mallia huwa direttament responsabbli għar-riżorsi umani fl-Armata. Dan ifisser li l-ingaġġ ta’ persuni fl-armata jgħaddi minn taħt idejħ.

Tard fl-2016, għax elezzjoni ġenerali kienet fil-qrib, l-armata ħarġet sejħa għall-ingaġġ ta’ suldati. F’Mejju 2017, ftit ġranet qabel l-elezzjoni, ddaħħlu 112 il-suldat. U mill-istess sejħa għall-applikazzjonijiet li saret fl-2016, iddaħħlu 72 suldat ieħor f’Ottubru 2017.

Permezz ta’ din il-mossa, kull min kien qed jistenna “pjaċir” mingħand il-gvern bi tpartit mal-vot, ingħata salarju, uniformi u arma tan-nar.

Iż-żewġ suldati li jinsabu mixlija bil-qtil kiesaħ u biered ta’ Lissana Cisse kienu ġew ingaġġati mal-armata bis-saħħa ta’ dan il-proċess.

Li kieku kellha ssir investigazzjoni dwar ir-responsabbiltà potenzjali tal-Istat u dwar in-nuqqas tal-Istat li jħares il-ħajja ta’ Lissana Cisse, min imexxi investigazzjoni bħal din kien ikollu jistaqsi jekk l-ingaġġ tagħhom kienx skont ir-regolamenti tal-armata.

Fost ir-regolamenti hemm dik li applikant għandu jkollu “imġieba tajba u korretta”.

Wieħed jeħtieġ li jsemmi wkoll li kondotta nadifa mhix biżżejjed u li r-regolamenti huma ħafna aktar ibsin f’dan ir-rigward. Fil-fatt is-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-ingaġġ fl-armata, li kienet ixxandret fil-gazzetta tal-gvern, tgħid li kull applikant għandu jawtorizza lill-armata li titkixxef mal-pulizija dwar kondotta tiegħu li ma tkunx ixxandret. Kull applikant huwa wkoll meħtieġ li jipprovdi ċertifikat li mhux biss qatt ma kien ġie misjub ħati ta’ reat kriminali iżda wkoll li ma hemm ebda investigazzjoni għaddejja dwar l-imġieba tiegħu.

Wieħed mis-suldati mixlijin bil-qtil ta’ Lassana Cisse jinsab akkużat ukoll li kien ikkometta reat kriminali wara li fl-imgħoddi kien ġie kundannat dwar reat mill-qorti (dan ir-reat ma ssemmiex x’kien) iżda kien inħeles b’kundizzjoni li ma jikkommettix reat ieħor. Il-Ministru tal-Intern Michael Farrugia qal li r-reat kriminali “ma kienx wieħed serju”, iżda baqa’ ma qalx f’hiex kien jikkonsisti dan ir-reat.

F’kull investigazzjoni dwar ir-responsabbiltà potenzjali tal-Istat u dwar in-nuqqas tal-Istat li jħares il-ħajja ta’ Lissana Cisse, min ikun qed imexxi l-investigazzjoni ċertament ikun fid-dmir li jistaqsi jekk fiċ-ċertifikat is-suldat kienx iddikjara jew le li kien ġie misjub ħatja mill-qorti. Hu x’inhu, ikun fid-dmir ukoll li jitkixxef biex jara jekk l-armata kinitx saret taf li dan kien instab ħati, ż-żmien meta saru jafu u dwar jekk sarux investigazzjonijiet ulterjuri biex jistabbilixxu li verament għandu “mġieba tajba u korretta”.

X’aktarx li investigazzjoni bħal din kienet tkun kapaċi tikxef nuqqasijiet amministrattivi fil-mod kienu ġew imgħarbla l-applikanti fiż-żewġ proċessi ta’ ngaġġ li seħħ fl-2017, nuqqasijiet li seħħew bis-saħħa tal-intervent politiku dirett tal-Prim Ministru u li l-Ombudsman diġà kellu l-okkażjoni li jikkundanna fir-rapport tiegħu dwar it-tmexxija tal-armata.

Lil tan-Newsbook, illum Michael Farrugia qalilhom li f’dan il-każ ikun hemm responsabbiltà politika x’tintrefa’ kemm il-darba jiġi stabbilit li xi ħadd bgħat liż-żewġ assassini biex joqtlu lil Lassana Cisse. Ma setax igħid ħmerija akbar minn din. Jekk jiġi stabilit li kien politiku li bgħat suldat biex joqtol persuna oħra, dan il-politiku ma jkunx responsabbli politikament iżda responsabbli kriminalment għall-qtil.

F’dan il-każ, hemm ir-responsabbiltà politika. Agħtu ħarsa lejn il-famuż ritratt li kien ttieħed fi żmien il-Milied is-sena l-oħra li fih jidhru Joseph Muscat imdawwar bl-erba’ lagħqa ta’ madwaru. Dawn huma l-bażużli li ħatar biex iżommu kontroll strett fuq l-amministrazzjoni tal-pajjiż u dan sabiex tinżamm f’idejh kull awtorità fil-pajjiż.

Wieħed mill-mistednin tiegħu huwa d-Deputat Kmandant Mark Mallia li jidher bil-qiegħda bejn Edward Zammit Lewis – x’aktarx dan kien mistieden biex jurihom kemm jinqala’ għax-xorb tal-gin cocktails – u James Piscopo, il-moħħ wara t-tattiċi tal-elezzjoni tal-2013 u wieħed mis-setgħana li hemm illum.

It-Times of Malta qalet li tal-armata talbu ordni Presidenzjali biex ikunu jistgħu jissospendu liż-żewġ persuni mixlija bil-qtil. Dawn mingħalihom li mossa bħal din se timpressjona lin-nies.

Kien biss ftit ġimgħat ilu li lil Godwin Schembri ddeċidew li jdabbrulu rasu – u mhux li jissospenduh – mill-armata, dan kollu għax sieħbu xerred filmat tiegħu jiċċajta dwar l-imbierek kanċell li twaħħal f’nofs għalqa minn uffiċjali nkompetenti li kienu ngħataw promozzjonijiet biex jissorveljawh.

Ftit ġimgħat ilu il-Kmandant tal-Armata ma ħasibhiex darbtejn biex ikeċċi suldat. U issa dan jidhirlu li jeħtieġ jitlob il-permess tal-President biex jissospendi tnejn oħra. U ħalluna!

Dawn dehrilhom li kellhom iżeffnu lill-President fin-nofs biex dan iservi ta’ paraventu għall-Prim Ministru. Biex jippruvaw ibellgħuha li kellhom jirrikorru lejn awtorità aktar għolja. Li ġara’ hu li l-President spiċċa ta palata biex gvern inkompetenti u korrott jibqa’ jżomm fil-wiċċ.

Ħadd m’hu jixli lill-Prim Ministru li kien hu li bgħat liż-żewġ suldati biex joqtlu bniedem f’Birżebbuġa. Madankollu kien proprju hu li ħatar bażużlu biex jimpjega suldati bil-għan li, minflok li jaqdi l-interess nazzjonali billi jingaġġa fl-armata persuni ta’ karattru eżemplari u li għandhom it-taħriġ meħtieġ, ra kif għamel biex jaqdi l-interessi elettorali tal-Partit Laburista bir-riżultat li żewġ terroristi għamlu użu mis-setgħa u l-impunità li ngħatatilhom permezz ta’ proċess elettorali mittiefes biex joqtlu bniedem f’Birżebbuġa.

Dażgur li jeħtieġ iġorr ir-responsabbiltà politika. U kif!