Sa ċertu punt, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta għandu biss importanza simbolika. F’termini elettorali, f’din il-lokalità m’hemmx kwantità kbira ta’ voti u l-kunsill lokali tal-belt kapitali għandu s-setgħat tiegħu limitati bħalma huma limitati wkoll tal-kunsilli l-oħrajn.

Madankollu l-uġigħ jinħass xorta waħda. Fl-aħħar mill-aħħar, l-elezzjoni f’din il-lokalità spiċċat battalja bejn tnejn – Alfred Zammit u Ray Azzopardi – dwar min minnhom kellu jilħaq Sindku u Viċi-Sindku. It-tellieqa spiċċa biex rebbaħha Alfred Zammit. Tellieqa li ma kienet xejn ħlief monument għall-medjokrità li teżisti fil-ħajja pubblika Maltija.

Ftit xhur ilu l-Viċi-Sindku l-ġdid irsista kemm felaħ biex “jipprojbixxi” l-protesti quddiem il-Mafkar tal-Assedju l-Kbir u kien saħansitra refa’ jdejh fuq xi protestanti, inklużi fuq membri tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia talli dawn kellhom l-ardir li jirfsu fuq il-paviment tal-misraħ “tiegħu”.

M’hemmx dubju li ninsabu fuq l-għatba ta’ żminijiet interessanti. U dan mhux għax il-ġrajjiet li għaddejna minnhom fl-imgħoddi kienu ħallewna b’idejna fuq żaqqna.

Fit-tellieqa bejn il-partiti, il-PN baqa’ jaqla’ d-daqqiet kontinwi u qed isib ruħu bla saħħa li jilqa’ għalihom. Il-PN jinsab fil-qiegħ nett.

Iżda minkejja li l-PN bħalissa jinsab imdawwar b’ħafna tifrik, tfaċċaw ukoll f’nofs it-tifrik xi ftit raġġi tax-xemx.

Ir-riżultati tal-elezzjonijiet Ewropej u lokali jindikaw li seħħet ċaqlieqa fost l-elettorat.

Nieħdu l-elezzjoni li saret f’Ħal Balzan li ntrebħet mill-PN 4-1. Għalkemm dan ir-riżultat kien mistenni, li hu sinjifikanti huwa l-fatt li dak li kien il-Viċi Sindku tal-lokalità, ċertu Andrè Grech, baqa’ l-art. Dan kien ħadha drawwa li joħroġ jikkritika b’mod feroċi li kull minn kien jażżarda – bħalma ta’ sikwit ażżardajt jien permess ta’ din il-website – jikteb b’mod kritiku dwar Adrian Delia.

Andrè Grech iridha ta’ wieħed mill-galoppini ewlenin tal-mexxej “demokratikament elett” (ara li ma tmorrux tinsewha din!) tal-PN u paladin tat-“tmexxija” tal-mod ġdid tal-PN.

Bil-vot tagħhom, ir-residenti ta’ Ħal Balzan lil Andrè Grech għadhom kemm bgħatuh jixxejjer. Għall-erwieħ: tgħidx kemm jidhru sbieħ aktar mis-soltu il-ftit raġġi tax-xemx li jitfaċċaw meta jkun qed jinżel dulluvju.

Kien ħafna aktar ta’ sinjifikat ir-riżultat tal-elezzjoni fil-lokalità kbira ta’ San Pawl il-Baħar li ntrebaħ minn tal-Labour. L-istess ġara’ fil-Mellieħa.

Għall-elezzjoni f’San Pawl il-Baħar, l-istrateġisti tal-PN imbuttaw il-kandidatura ta’ Anthony Delia, ħu l-kap tal-partit. Iżda xorta waħda fallielhom. F’din il-lokalità, l-kunjom Delia ma serviex biex ħajjar lill-votanti biex jivvutaw PN – pjuttost serva biex naffarhom aktar.

Make your voice heard. Use your vote wisely.

Geplaatst door Anthony Delia op Zaterdag 2 maart 2019

Issa jien naf li kunjomi Delia wkoll u fl-elezzjonijiet jien ukoll ma qtajtx wisq sandar u dan ferm qabel tfaċċa fix-xena Adrian Delia. Nirsisti kemm nirsisti, ċert li saħansitra lanqas f’kumitat ta’ każin tal-boċċi m’jien kapaċi li nitla’ elett.

Iżda jibqa’ l-fatt li jeżisti sinjifikat fundamentali: dan kollu jirrifletti ruħu wkoll fil-falliment ta’ dawk il-kandidati li fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew identifikaw ruħħom mat-“tmexxija” tal-PN u fis-suċċess ta’ dawk il-kandidati li naqsu li jidentifikaw ruħħom b’dan il-mod.

Matul il-kampanja elettorali, kien hemm kandidati tal-PN għall-elezzjoni Ewropea li ħasbu għal xawwathom u forsi gidmu xi ftit ilsienhom u dan biex ma jidhrux koroh ma’ dawk ta’ madwar it-tnexxija. Naturalment beżgħu li jekk jidhru li huma ostili jew kritiċi lejn it-“tmexxija”, il-partitarji kienu jpattuhielhom bil-vot tagħhom.

Matul il-kampanja, David Casa u Roberta Metsola kellhom jitbissmu u jissaportu: m’għandniex xi ngħidu, kienu beżgħana li ma jidhrux bħala kandidati li qed iżommu passi ‘l bogħod mill-ġerarkija uffiċjali tal-partit. U dan il-fatt seta’ tellifhom il-voti ta’ dawk li l-idea li jkun hemm xi ħadd bħal Adrian Delia jmexxi lill-PN ma togħġobhom xejn.

Madankollu, minkejja d-delikatezza tas-sitwazzjoni, David Casa u Roberta Metsola rnexxielhom iġibuha żewġ.

Jista’ jagħti l-każ li, minn issa ‘l quddiem, se jkun hemm aktar u aktar membri parlamentari, membri tal-eżekuttiv u dawk tal-kunsill ġenerali tal-PN li ser jintebħu li isem Adrian Delia m’huwiex wieħed li jiġbed in-nies u li jista’ jagħti l-każ li jkun jeħtieġ li jabbandunaw il-vapur biex ma jispiċċawx jegħrqu miegħu huma wkoll.

Huwa ċar li l-elettorat ġab ruħu b’għaqal li żgur ma kienx mistenni minn ċerti politiċi fi ħdan il-PN. L-elettorat wera’ li lil dawk ta’ madwar Adrian Delia xejn m’hu qed jarahom ħelwin u bis-saħħa t’hekk jista’ jagħti l-każ li politikament x’uħud jibdew jaħsbu għal rashom biex f’għajnejn in-nies ma jidhrux li huma qrib tiegħu.

M’għandniex xi ngħidu, dan kollu ma jfissirx li huwa inevitabbli li fi ħdan il-PN ser issir xi bidla mill-lum għall-għada. Adrian Delia u tal-klikka ġewwinija ta’ madwaru ma jidhirx li qed jaħsbu biex jabbandunaw il-vapur. Iżda fix-xifer ta’ din il-klikka ta’ ġewwa, hemm klikka oħra u fost dawn hemm dawk li ma rnexxielhomx jitilgħu fil-Parlament Ewropew jew inkella f’xi Kunsill Lokali.

Waħda tal-aħħar: Natius Farrugia, li kien mexxa marmalja li segwiet lil Daphne Caruana Galizia f’triq fir-Rabat u li, ħmistax wara l-assassinju tagħha, kien għadda rimarki dispreġġjattivi dwarha fil-Facebook page ta’ Jean Claude Micallef meta dan l-għaref kien kiteb li wara mewtha ma kienx jistħoqqilha rispett, spiċċa qala’ tumakka mingħand il-votanti Laburisti Żrieraq għax issa ma jistax jibqa’ jservi ta’ Sindku.

Ħaqqu.