M’hix ħaġa tas-soltu li jkollok eks-kap tal-PN li joħroġ għonqu biex jagħti pariri lis-suċċessur tiegħu. Kull eks-kap għandu esperjenza dwar xi tfisser li tkun fit-tmexxija u jaf li, tajbin kemm ikunu tajbin l-intenzjonijiet, dak li jaraw bħala ndħil x’aktarx ma jkunx apprezzat.

Ma naħsibx li l-kummenti li għamel il-bieraħ Lawrence Gonzi lit-Times of Malta kienu ntenzjonati biex ikunu ta’ għajnuna, għallinqas mill-perspettiva tas-suċċessur preżenti tiegħu.

Madankollu wieħed ma jistax ma jammettix li l-parir li ngħata minn Lawrence Gonzi huwa għal kollox korrett. Parir li huwa konsistenti mal-fehmiet ta’ dawk li sfida lil Adrian Delia jħarsu lejha bħallikieku kienet xi ħaġa ta’ barra minn hawn. Il-partitarji ta’ Adrian Delia ta’ spiss jirrepetu li huwa kien ġie elett bis-saħħa tal-appoġġ tal-maġġoranza tat-tesserati tal-partit li kienu vvutaw wara li l-Kunsill Ġenerali niżżel in-numru ta’ kandidati fit-tellieqa għal tnejn.

Lil Adrian Delia, Lawrence Gonzi tah parir biex jerġa’ jiffaċċja lill-membri tal-partit biex ikejjel għadx għandu l-appoġġ tagħhom jew le.

Lil Adrian Delia m’huwiex jagħtiħ il-parir biex idabbar rasu.

Dan il-parir jagħmel sens għal diversi raġunijiet.

L-ewwel.

Jekk Adrian Delia, kontra r-rieda tiegħu, jiġi mġiegħel idabbar rasu, m’hemmx dubju li wħud mill-membri tal-partit jieħdu għalihom b’tali mod li l-għaqda fil-partit ssir kważi mpossibbli li sseħħ.

Jekk wieħed igħarbel ftit ir-riżultati tal-elezzjoni għall-Parlament Ewropew, wieħed għandu jintebaħ li l-appoġġ għal Adrian Delia – meta dan jiġi paragunat mal-appoġġ li għandhom oħrajn  b’fehmiet differenti fil-Partit – m’huwiex kbir daqskemm kemm wieħed seta’ jaħseb. Ir-riżultat li ġab Frank Psaila paragunat ma’ dak li ġabu Roberta Metsola u David Casa jitkellem waħdu. Hemm ukoll ir-riżultati fqar li ġabu numru ta’ kunsilliera lokali li huma meqjusa bħala persuni qrib it-tmexxija preżenti tal-PN.

Riżultat li mar kontra x-xejra ġenerali ta’ telfiet għall-PN kien dak tan-Nadur. M’hemmx dubju li r-riżultat tajjeb li ġie akkwistat huwa mertu tas-Sindku Edward Said, li jiġi ħu Chris Said li kien tellaq ma’ Adrian Delia fl-elezzjoni għal Kap tal-PN.

Jibqa’ l-fatt li anki li kieku l-appoġġ għal Adrian Delia jirriżulta li huwa limitat, jekk Adrian Delia jiġi mġiegħel idabbar rasu ikun hemm numru mdaqqas ta’ votanti tal-PN li jitnaffru u ebda kap ġdid ma jkun irid jibda’ paġna ġdida b’xenarju bħal dan.

It-tieni.

Il-parir ta’ Lawrence Gonzi fil-fatt huwa wieħed pożittiv. Kull kap li jkun irid isib tarf tal-battibekki nterni, jkun jeħtieġ li jfakkar lil kulħadd li r-riedni jinsab f’idejh. Adrian Delia jidher li għandu biża’ patoloġika mill-voti u din il-biża’ għamlitlu ħsara kbira matul dawn l-aħħar għoxrin xahar. Għamel minn kollox biex jaħrab minn kull opportunità li seta’ kellu biex ikejjel l-appoġġ li jgħid li għandu fl-istrutturi tal-partit u ta’ sikwit ħarab b’mod speċjali bis-saħħa ta’ voti meħudin bl-idejn.

Jekk jittieħed vot sigriet u jirbħu, jispiċċa biex isaħħaħ l-awtorità tiegħu. Iżda bil-fatt li qed jirreżisti t-teħid ta’ vot sigriet, l-awtorità tiegħu qed tiddgħajjef. Dan bħal meta wieħed jirrifjuta li jagħmel breathalyser test hekk kif jitwaqqaf mill-pulizija fil-karrozza li jkun qed isuq. Dan ir-rifjut waħdu m’huxiex prova li kien fis-sakra jew li ħa xi qatra żejda. Iżda, f’xenarju bħal dan, nafu x’kwalità ta’ ħsibijiet jgħaddu mill-imħuħ.

It-tielet.

Mhux biżżejjed li wieħed jistaqsi l-mistoqsija dwar jekk Adrian Delia għandux jibqa’ jservi bħala kap tal-PN. Wieħed ikun jeħtieġ jistaqsi wkoll dwar x’jiġri wara li dan jitlaq.

Dak li stqarr il-bieraħ Lawrence Gonzi ma kienx sfida lil Adrian Delia biss – kien sfida wkoll diretta lejn dawk li potenzjalment jistgħu jieħdu postu. U dan għaliex Lawrence Gonzi – m’huwiex waħdu f’dan – qed jara li m’hemmx xi dudu twil ħafna ta’ kandidati potenzjali li huma lesti li jerfgħu s-salib u li jmexxu lill-partit lejn żminijiet aħjar.

M’hemmx dubju li hemm numru żgħir ta’ persuni eliġibbli li jerfgħu s-salib fuq spallejhom.

Iżda l-PN jinsab fil-kriżi li jinsab fiha mhux biss minħabba l-fatt li Adrian Delia għadu ma ntebaħx li huwa stess hu parti kbira mill-problema, iżda wkoll minħabba l-fatt li dawk li potenzjalment jistgħu jieħdu postu għadhom ma ntebħux li jeħtieġ li jkunu parti mis-soluzzjoni.

Jista’ jagħti l-każ li dawn il-mexxejja potenzjali bħalissa qed jiġu midluka bix-xema’ u mħeġġa ripetutament mis-segwaċi u l-ħbieb tagħhom biex jidħlu bir-ras għat-tmexxija tal-partit. Fil-politika ftit huma dawk li jkunu jafuhulek u għalhekk m’hemm xejn ħażin jekk f’dan l-istadju jindilku b’xi ftit xema’. 

Ix-xema’ li tindilek fuqhom, dawn il-politiċi jistgħu ukoll ikejjluha mal-indiema li jista’ għandhom talli nqasu li jirreaġixxu għaliha. U jistgħu ukoll jivvintaw mitt skuża biex jibqgħu ma jippreżentawx ruħħom biex imexxu lill-Partit. Fl-2017, huwa ċar li Adrian Delia ma kienx fehem għalxiex kien ser jidħol. Tilef il-professjoni tiegħu u d-dħul finanzjarju minnha, forsi anki tilef lill- familja u dan minħabba kariga li għaliha jitħallas bil-karawett. Iżda r-responsabbiltajiet li kellu xorta baqgħu ma’ wiċċu: xorta waħda jkollu jiffaċċja spejjeż bħalma huma l-miżati tal-iskejjel ta’ wliedu u spejjeż oħrajn marbutin mat-trobbija tagħhom.

M’hi sitwazzjoni feliċi xejn.

Jista’ jkun li dawk li potenzjalment jistgħu jieħdu postu – għax jafu sew kemm huwa tqil is-salib – diġà għamlu s-somom tagħhom u jista’ jkun li kkonkludew li xejn m’hu vallapena li tidħol għal kariga bħal din li taf iġġiblek inkwiet bla tarf.

Jista’ jkun ukoll li bħalissa m’hemm ebda sostitut validu għal Adrian Delia. Jekk huwa minnu li l-kandidati potenzjali li qed jiġu mħeġġa’ jtellqu fil-fatt m’humiex interessati għall-kariga, jkun aħjar jekk dan jiddikjarawh minn issa għax inkella huma wkoll ikunu qed jagħmlu l-ħsara. Dawn ukoll għandhom ir-responsabbiltajiet x’jerfgħu.

Lawrence Gonzi sfida lil dawn il-persuni wkoll. Għaliex jekk Adrian Delia jasal biex jaċċetta li jsir vot sigriet, jeħtieġ ikun hemm oħrajn li jkunu lesti li jtellqu miegħu. U jekk imbagħad ma jkun hemm ħadd biex itellaq, l-awtorità ta’ Adrian Delia ta’ bilfors tiġi konfermata.

U l-gwerra falza li hemm għaddejja b’xi mod ikollha tieqaf.

Biex issib tarf tagħha, problema trid tkun fhimtha. Vot sigriet jista’ jsib tarf tal-problemi tal-PN.