Il-ġurnal Times of Malta huwa ostaklu formidabbli għall-mira strateġika ta’ Keith Schembri li jkollu setgħa bla tarf u awtorità indiskussa. L-organizzazzjoni li tipproduċi dan il-ġurnal, bid-difetti kollha tagħha, wieġbet għat-theddida tar-reġim ta’ Joseph Muscat kontra l-libertà tal-istampa billi kompliet tisfidah. L-aqwa ġurnalisti tagħha ħadmu qatigħ u qed ikomplu jaħdmu qatigħ billi jxandru stejjer li għandhom iħammru wiċċ il-gvern.
Ivan Camilleri huwa wieħed mill-ġurnalisti tat-Times of Malta li l-gvern ċertament ma jaħmlux pinġut. F’pajjiż li fih ġurnalista ta’ stoffa spiċċat inqatlet, m’għandna għalfejn niskantaw xejn li jkun hemm min jipprova jiskredita ġurnalist ieħor.
Jekk dawn iddeċidew li joħorġu bi storja bil-għan li jwaħħlu f’raġel li wasal biex jagħlaq 50 sena għat-twettiq ta’ reat kriminali immaġinarju, kont nistenna li dawn joħorġu b’xi ħaġa ftit aktar immaġinattiva u kredibbli minn dik ta’ serqa minn supermarket li t-twettiq tagħha hu aktar identifikat maż-żgħażagħ li jkun għad għandhom ħalib ommhom fi snienhom.
Ivan Camilleri wieġeb għar-rapport tal-lum fil-Malta Today kif ġej:
L-attakk ta’ Saviour Balzan fuq Ivan Camilleri m’huwiex biss wieħed redikolu. Hu wkoll wieħed banali. Il-ġurnaliżmu ta’ Ivan Camilleri m’hu xejn ħlief servizz lill-pubbliku u l-gvern lil dan il-ġurnalist ma jaraħx ħelu għar-raġuni li ta’ sikwit jikxef informazzjoni li gvern ikun irid li tibqa’ mistura.
Saviour Balzan jagħmel bil-maqlub ta’ dan kollu. Tard bil-lejl jitħaddet bit-telefon ma’ Keith Schembri biex jiddiskuti miegħu liema informazzjoni għandha tiġi mistura u mbagħad jigdeb billi jiċħad li kellem lil Keith Schembri.
Saviour Balzan iridha ta’ ġurnalist iżda m’hu xejn ħlief propagandist li l-istejjer li jivvinta jippretendi li għandna nemmnu li huma xi aħbar.
Ifakkarni f’dak il-kollaboratur f’kamp ta’ sterminju li jagħmel l-arja mal-priġunieri eks-kollegi tiegħu biex jingħoġob mal-gwardjani tal-invażuri u biex b’hekk jipprova jsalva ġildu a spejjeż ta’ dawk li kienu sħabu.
Saviour Balzan xandar storja bil-għan li jipprova jnaqqas mill-kredibilità ta’ Ivan Camilleri. Dan l-attentat deher ċar hekk kif Balzan ikkwota l-kliem ta’ kaxxier li jaħdem fis-supermarket – li ismu ma ssemmiex – li suppost qallu li Ivan Camilleri kien imissu jistħi jmur jisraq meta dan ħlief jikteb dwar kif għandu jgħix ħajtu ħaddieħor ma jagħmilx. Kitba rrilevanti bħal din għandha xamma ta’ Keith Schembri mill-bidu sal-aħħar.
Ivan Camilleri ta’ sikwit kixef il-korruzzjoni u l-iskandli tal-gvern. Iżda l-gvern speċi ta’ qed igħidilna: dan kif qatt jista’ jitwemmen ġaladarba mar jisraq minn supermarket? Nibdew biex, Ivan Camilleri m’huwiex xi ministru tal-gvern imħallas mit-taxxi tagħna. U anki li kieku huwa minnu li wettaq serqa, dan b’xi mod iħassar id-dnub tal-korruzzjoni tal-gvern li dan il-ġurnalista b’tant ħila jikxef minn żmien għal żmien?
Saviour Balzan għandu jdaħħalha f’rasu li qabel jittanta jnaqqas mill-kredibilità ta’ ħaddieħor għandu jara li hu stess mhuwiex nieqes mill-istess kredibilità.
Saviour Balzan qatt ma nqabad jisraq. Iżda nqabad jigdeb biex igħatti xtur il-mafjużi li Ivan Camilleri ta’ sikwit jikteb dwarhom u biex jiskredita ġurnalista li kienet ixxandar stejjer dwarhom. Tiftakru dan Saviour? Int kont għajjartha “reġina tal-ħdura” u filwaqt li, int u tigdeb, kont qed tipprova tiskreditaha, tajt palata lill-mafjużi li kienu qed jippruvaw jiżolawha qabel spiċċaw qatluha. Ftit mid-demm li nxtered jinsab imċappas ma’ wiċċek.
Għadek ma xbajtx tiġġakbina lill-kollegi tiegħek?
Għidniha kemm il-darba li meta qatlu ġurnalista, kienu ser jinbtu tużżana ġurnalisti oħra biex ikomplu fejn tkun ħalliet hi.
Dan l-inċident għandu jfakkarna f’dawk il-ġurnalisti li fuq it-televiżjoni ta’ sikwit jiddikjaraw f’intervisti li jkun qed joħlom min igħid li l-ġurnalisti f’Malta jinsabu fil-periklu.
Il-periklu huwa wieħed mill-aktar reali. Min dan jinjorah jkun qed igħin biex il-periklu jiżdied.
Jista’ jmiss li xi wieħed minna.