Minflok tkellimna dwar l-iskandlu tal-mijiet ta’ miljuni ta’ ewro li tħallsu lil VGH u lil Steward Health Care, liema flejjes ġew miċħuda lis-servizz nazzjonali tas-saħħa fl-istess waqt li dawk li huma morda bil-kanċer qed ikollhom jitkarrbu għall-għajnuna mill-Community Chest Fund, l-aħħar 24 siegħa għaddejnihom nippruvaw naqtgħu x’kien hemm jew ma kienx hemm fiċ-check-out trolley ta’ Ivan Camilleri.

Dan huwa l-mod li bih qiegħdin niġu manipulati minn reġim li qed jinqeda’ bl-aġent tiegħu Saviour Balzan.

F’moħħ Saviour Balzan, il-ġurnalisti huma għedewwa tal-poplu u jinsab mehdi jagħmel tweets u jikteb artikli dwar xi ġurnalisti li huma kritiċi tal-gvern li jimpjegah.

Lili jħobb ipinġini bħala “l-blogger tal-mibgħeda”.

Allura lil Saviour Balzan x’taqbad issejjaħlu? Father Christmas? Tinky winky? L-isperma newrotika fil-moħħ pervers ta’ Woody Allen?

Hekk kif Saviour Balzan xela’ lil Ivan Camilleri b’delitt kriminali li fil-fatt qatt ma seħħ, l-edituri tat-Times of Malta dlonk ħarġu jiddefenduh.  Nibdew biex, l-hekk imsejjaħ delitt kriminali ma kienx wieħed kredibbli. Ivan Camilleri kien biswit iċ-check-out counter ta’ supermarket biex iħallas dak li kellu fit-trolley u milli jidher ħalla xi oġġett fit-trolley u nesa’ jħallas tiegħu. Inġibditlu l-attenzjoni għal dan, skuża ruħu u l-istorja waqfet hemm.

Dan huwa l-famuż inċident li suppost kellu jiskredita lil Ivan Camilleri.

Ivan Camilleri ma kienx liebes maskra u lanqas kellu xi xkora mdendla ma’ dahru. Ma ppruvax jitlaq ‘il barra mis-supermarket fuq ponot subgħajh. La nqabad ħiereġ mill-post fejn jinżammu stivati l-flus u lanqas ma kellu xi karrozza tistennieh biex tħarrbu.

L-imgħallmin tiegħu tal-Allied Newspapers ingħataw konferma mis-sidien tas-supermarket li l-inċident kien biss frott ta’ żball innoċenti. Dan ma jistax ħlief ifisser li Saviour Balzan gideb meta kiteb li sid is-supermarket qallu li Ivan Camilleri pprova jisirqu.

M’hemmx dubju li Saviour Balzan mhux ser iħabbel rasu li jkompli jigdeb fil-futur. Ftit tal-ġimgħat ilu qal li m’għadux jirrapporta l-aħbarijiet għall-Malta Today. Anki fuq din jidher li gideb.

Fid-dinja ħadd m’hu perfett Salv, ibda minni. B’aljenazzjoni darba waħda bqajt ħiereġ minn ristorant mingħajr ma ħallast il-kont u malli ntbaħt b’dan kelli nerġa’ lura biex nagħmel dan. F’okkażjoni oħra, għamilt u-turn bil-karrozza meta dan kien projbit mir-regolamenti. Minn jaf kemm għamilt affarijiet li ma niftakarx x’kienu u li kont sogħbien li għamilthom wara li kont ġejt attakkat personalment.

Sieħeb Saviour Balzan – Pierre Portelli – kien kixef li jien kont ktibt xi artikli biex jidhru taħt isem Adrian Delia u dan qabel kont intbaħt li dan il-bniedem lill-partit politiku li trabbejt fih kien ser jibdlu f’partit estrem. Għandi ngħid li tlift bosta ħbieb meta kienet ixxandret din l-aħbar.

Fit-taqtigħa li għandna quddiemna b’riżq il-verità u l-ġustizzja, l-agħar ħaġa li nistgħu nagħmlu hi li noqgħodu niġġudikaw lil xulxin biex naraw minn minna huwa l-aktar wieħed safi. L-imgħallmin tat-Times of Malta wrew it-triq li għandna ngħaddu minnha.

Minflok nitkellmu dwar il-kumpanniji tal-Panama li kien ħoloq iċ-chief of staff ta’ Joseph Muscat, l-imgħallmin ta’ Saviour iriduna nintilfu fuq l-inċident ta’ Ivan Camilleri fis-supermarket.

Saviour Balzan irid jipperswadi lil min isegwieħ li jien blogger tal-mibgħeda: ċertament ma jridx ifakkarna li għamel snin sħaħ jgħajjar lil Daphne Caruana Galizia bħala r-“reġina tal-ħdura” u s-“saħħara tal-Bidnija” u li diskors bħal dan kien spiċċa għen lill-qattiela tagħha biex jeħislu minnha u fl-istess waqt jibqgħu igawdu l-impunità.

Din id-darba aħna l-ġurnalisti jeħtieġ li nibqgħu magħqudin bejnietna. Jeħtieġ li nagħlqu għajnejna għad-difetti individwali tagħna u nservu ta’ appoġġ għal xulxin biex b’hekk ma nħallux lil min irid jifridna li tgħaddi tiegħu.

F’din it-taqtigħa li ninsabu għaddejjin minnha, stennew li l-attakki jkomplu jintensifikaw. M’għandniex għalfejn inkomplu nwaħħlu fina nfusna.

Bis-saħħa tal-għaqda ta’ bejnietna, l-verità se titla’ fil-wiċċ. U meta dan iseħħ, dawn l-attakki jkollhom jieqfu ħesrem.