Meta Daphne Caruana Galizia kitbet li kienu stabbilixew kumpaniji offshore fil-Panama, qalu li ma kienx veru. Meta ħarġu l-Panama Papers, ċaħdu li kienu għamlu ħażin.. Meta l-whistleblower ta’ Pilatus Bank ippuntat subgħajha lejhom, ċaħdu li kienu għamlu ħażin.. Ċaħdu kollox meta d-direttur finanzjarju rreżenja. U ċaħdu kollox meta rreżenja il-Kummissarju tal-Pulizija.

Meta l-avukati ta’ dawk minn Londra li kienu jbiegħu l-passaporti Maltin ġiebu ruħhom ta’ bully ma’ Daphne u ppruvaw ibeżżgħu lil Daphne Caruana Galizia,  huma ċaħdu li kien hemm xi ħaġa ħażina. Meta bomba qatlitha, qalu li min għamilha, kellu jpatti għaliha. Minn taħt, kienu qegħdin jiċħdu li kellhom x’jaqsmu ma dan il-qtil. Meta l-avukati tal- bankier ta’ Pilatus ġew bil-qawwa kollha biex jgħaffġu l-ġurnaliżmu malti, ċaħdu li huma kellhom x’jaqsmu.

Meta xhieda qalu li raw il-ministru jkelllem wieħed mill-assassini, ċaħdu li dan kien qatt ġara. Meta l-ġurnalisti sabu li kienu qegħdin jagħlqu għajnejhom għall-kuntrabandu taż-żejt, ċaħdu li kienu għamlu ħażin. Meta l-mafia nkixfet li kienet ħaslet miljuni ta’ ewro permezz tal-logħob, ċaħdu li kienu jafu xi ħaġa dwar dan.

Meta tlett sptarijiet publiċi nbiegħu lil proprjetarji misterjużi li l-isptar kienu marru biss meta kellhom xi uġigħ ta’ żaqq ċaħdu li kienu għamlu ħażin. Meta dawk li kienu biegħulhom l-isptarijiet spiċċawlhom il-flus, u waqqfu il-ftehim, ċaħdu li kien hemm xi ħaġa ħażina.

Meta x-xhieda telgħu jixhdu biex jgħidu li kienu mġiegħlin iħallsu tixħim biex jakkwistaw visa biex joħorġu mill-Libja, ċaħdu li kienu għamlu ħażin. Meta dak li kellhom ixaħħmu rawh jitkellem ma’ kriminal tal gwerra li kien ħa l-flus bit-theddid, qalu li ma kien hemm xejn ħażin li wieħed jgħaddi vaganza f’Tripli mgħakksa bil-gwerra.

Meta l-awditur qabadhom jixtru ż-żejt mill-Ażerbajġan bi prezzijiet ferm ogħla minn kif kien qiegħed jinbigħ fuq is-suq, il-karti li kienu juru dan sparrixew, u huma ċaħdu li kienu għamlu ħażin.

Meta l-membri tal-familja tal-President tal-Ażerbajġan ħaslu miljuni permezz tal-Pilatus Bank, il-bank għalquh, imma ċaħdu li kienu għamlu ħażin. Meta whistleblower li kienet taħdem fil-bank tat xhieda li kienu qegħdin jiġu mħallsa b’mod illegali minn din il-familja, ħallew l-evidenza ttir mar-riħ u qalu li ma kienetx teżisti. Ċaħdu li kienu għamlu ħażin.

Meta ddepożitaw ħlas illegali minn fuq passaporti li kienu ġew mibjugħin lil Russi, ċahdu li kien hemm xi ħaġa ħażina. Meta nqabdu jħallsu mijiet ta’ eluf f’kont barra minn Malta, lill-eks direttur prinċipali tal- kumpanija li toħroġ it-Times of Malta,  ċaħdu li dan l-aġir kien ħażin.

Meta biegħu sehem fil-kumpanija tal-elettriku tal-istat waqt li kienu qegħdin ixaħħmu n-negozjatur tal-bejjiegħa, ċaħdu li dan qatt kien sar.

Meta biddlu l-kundizzjonijiet biex jiffavorixxu il-konsorzju ta’ l-Ażerbajġan għall-ftehim dwar l-elettriku, ċahdu li għamlu ħażin. Meta l-konsulent li ta l-kuntratt tal-enerġija lill-Electrogas nkixef li kien wieħed mill-awdituri tagħhom, huma qalu li ma kien hemm xejn ħażin. Meta wasslu il-Bank of Valletta sal-limitu biex jiffananzja dan il-konsorzju, ċaħdu li dan ma kienx sew. U ċahdu li dan kien ta’ periklu kbir u serju għall-bank. Meta ħbew il-fatt li kienu kabbru il-limitu tal-garanzija tal-gvern fuq id-dejn tal-konsorzju, qalu li ma kienx jimporta.

Meta ġiegħlu l-pajjiż jixtri l-enerġija mill-Electrogas anke jekk oħrajn setgħu ibiegħuha ħafna aktar bl-irħis, qalu li kienu qegħdin jagħmlu sew. Meta ħareġ li konna qegħdin nħallsu miljuni kbar fuq profitti mill-bejgħ mill-ġdid li kienu ġew mħallsa lill-istat ta’ l-Ażerbajġan, ma qalu xejn. Ħlief biex jiċħdu li kienu għamlu ħażin.

Meta proprjetarju Malti tal-Electrogas ġie identifikat bħala il-proprjetarju ta’ kumpanija f’Dubai li kienet impenjat ruħha biex tħallas miljuni ta’ dollari lill-kumpaniji tal-Panama (jekk qed tħossok mħawwad erġa mur lura għall-bidu ta’ dan l-artiklu), huma ċahdu li seta jkun hemm xi irregolarita’ f’dan. Meta skoprejna li dan il-proprjetarju tal-Electrogas kien ippermetta lill-wieħed minn dawk akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia joħroġ mill-‘Casino’ tiegħu b’kważi nofs miljun ewro f’idu, qalu li kollox kien kif suppost.

U għadhom jiċħdu sal-lum. Jiċħdu li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija ġew miżmuma minn oppożizzjoni politika ostinata.  Jiċħdu li abbużaw mill-awtorità eżukuttiva tagħhom biex jimpedixxu l-protezzjoni ta’ xhieda.

Jiċħdu il-ħtieġa ta’ inkjesta verament indipendenti. Jiċħdu lill-prosekuturi l-għodda li jeħtieġu biex jiksbu l-kundanna ta’ dawk li ordnaw  il-qtil ta’ dan id-delitt.

Jiċħdu il-wirt li ħalliet Daphne. Jiċħdu lir-raġel u lit-tfal tagħha id-dritt li jipprotestaw u li jsaqsu d-domandi iebsin. Jiċħduhom mid-dritt għall-informazzjoni u għall-appoġġ tal-pulizija.

Jiċħduhom mill-indipendenza ta’ investigazzjoni kriminali neċessarja f’kaz ta’ delitt politiku.

Jiċħdu l-memorja ta’ Daphne. Jirrifjutaw li jikkomemoraw il-qtil tagħha u li jonoraw ħajjitha u xogħolha. Jidhqu b’dawk li jibqgħu jiftakruha. Jippruvaw iwaqqgħu għaċ-ċajt dawk li jfittxu l-ġustizzja għaliha. Ma jħallux lill-dawk li qegħdin jirsistu biex jikxfu l-verita’ jagħmlu xogħolhom.

Il-kruha ta’ dawk li jippruvaw inessew tidher aktar ċara. Qiegħda tibda tagħmel sens.

Għamlu minn kollox biex jidhru innocenti, iżda kienu s-sriep li jinstaħbew taħt dan it-tip ta’ aġir. Lagħbu maħmuġ għas-suċċes tagħhom, u għamlu ta’ bir-ruħhom li huma kienu innocenti meta l-affarjiet ma dehrux tajbin wisq għalihom. Biex jagħttu il-gideb ta’ qabel, kellhom bżonn ta’ gideb ġdid. Biex jagħttu delitti antiki, l-assassinju biss seta’ jservi.

Il-kompliċi u l-kospiraturi kienu marbutin flimkien l-ewwel permezz tal-profitti li kienu qegħdin jaqsmu bejniethom, imbagħad permezz tal-biża li lkoll ħassew. Wara lit tkabbru u tħanżru kemm felħu, illum il-bżonnijiet tagħhom waqgħu għal dawk essenzjali. Qabel kienu jagħmlu minn kollox biex ma jinqabdux bil-flus, illlum jagħmlu minn kollox biex ma jinqabdux li qatlu.

Ħadd minnhom jemmen lilu nnifsu meta jgħidu li Daphne ma nqatlitx għax-xogħol li kienet qiegħda tagħmel. Il-kalunja tal-matriċidju hija ammissjoni ta’ disprament , għax m’hemm l-ebda alternattiva kredibbli bħala spjegazzjoni ta’ qtil għax wieħed huwa ġurnalist.

Ħadd ma jaħseb bis-serjeta’ li l-kumpaniji ta’ Konrad Mizzi fin-New Zealand u fil-Panama, ġew mwaqqfa għal 92 ewro biss, jew biex jevadi t-taxxa tal-kunsill lokali tal-appartament tiegħu f’ Londra. U ħadd ma jemmen li Brian Tonna issellef l-flus mingħand Keith Schembri biex iħallas għal divorzju li ġieħ għali, mbagħad ħallsu lura f’daqqa.

Ħadd ma jaħseb li l-Pilatus Bank ingħalaq għal xejn b’xejn.

Ħadd ma jaħseb li 17 Black ġiet identifikat b’kumbinazzjoni bħala ‘target company’ mill-kumpaniji fil-Panama ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi. Ħadd ma jaħseb li l-bank korrott ABLV tal-Latvja li issa magħluq kien ntagħżel kif ġib u laħaq għal-dak iċ-ċittadin mill-Azerbajġan li ddepożita somma enormi ta’ flus f’ 17 Black.

Ħadd ma jaħseb li kienet kwistjoni ta’ sfortuna li kellna nħallsu lill-Electrogas bosta miljuni aktar mill-prezzijiet tas-suq għall-elettriku li stajna nħallsuh b’ħafna inqas kieku xtrajnieh mill-pipe li jgħaddi taħt il-baħar.

Ħadd ma jaħseb li għaddew sentejn u ħadd mit-tlieta li huma allegati bħala qattiela ma tkellmu fuq dak li jafu dwar minn ħallashom biex jagħmlu dan id-delitt.

Ħadd ma jaħseb li Daphne sfat maqtula għall-“akbar gidba fl-istorja politika ta’ Malta”. Gidba hija ħafna inqas perikoluża mill-verita’. Ma jistħoqqiliex li wieħed joqtol għaliha.

Dawk kollha li għandhom x’jaqsmu, kollha jiċħdu li għamlu ħażin. Iżda l-verita’ għandha vizju ħażin li b’xi mod jew ieħor, fl-aħħar dejjem toħroġ.

Imma dan mhux se jiġru waħdu. Daphne ħadmet lejl u nhar għal snin twal ta’ ħajjitha biex toħroġ il-verita’ għalina.

Aħna obbligati li niddedikawlha ftit mill-ħin tagħna biex noħorġu l-verita’ għaliha. Tħallihomx idaħħlu flusek fil-but. Tħallihomx jeħilsu mill-assassinju tagħha.

Nhar il-erbgħa 16 ta’ Ottobru, fis-sebgħa ta’ filgħaxija, ejja l-Belt u imxi magħna. Ma tkunx ġejt għal xejn.

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fil-verżjoni oriġinali bl-Ingliż f’The Sunday Times tal-Ħadd, 14 t’Ottubru 2019