Jeħtieġ li naħsbu il-għala qegħdin naqraw din l-istorja proprju issa. L-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia seħħ sentejn ilu. Sena ilu, Michael Farrugia ħareġ b’biċċa informazzjoni – li aktar tard ġiet irtirata – fis-sens li l-pulizija kienet identifikat persuna li tinsab taħt suspett li kienet hi li tat l-ordni biex it-tliet akkużati iwettqu d-delitt.
L-ewwel stqarrija ta’ Michael Farrugia ma jistax kien fiha salt ħmerijiet. U ma kienx irtira din l-istqarrija għaliex aktar tard induna li kien qal salt ħmerijiet.
Huwa mifhum li l-pulizija kienet ilha li tefgħet is-suspetti tagħha fuq persuna partikolari li s’issa qatt ma kienet ġiet arrestata biex twieġeb għall-mistoqsijiet dwar il-każ. L-identità ta’ din il-persuna toħroġ mill-konnessjonijiet li għandha u hi l-istess “negozjant” li llum titkellem dwaru s-Sunday Times of Malta.
Din hi l-istess persuna li, skont is-Sunday Times of Malta tal-lum, għamlet it-testment tagħha ftit siegħat biss wara l-arrest tat-tliet mixlija li setgħu ilkoll jidentifikawha. M’hemmx dubju li dakinhar din il-persuna ħasset – u għadha tħoss sal-lum – li ħajjitha tinsab f’periklu kbir.
Issa ilna żmien mhux ħażin nafu li l-uniċi tliet persuni li jafu biċ-ċert min hu l-moħħ wara l-assassinju huma t-tliet assassini nnifishom. Dawn żgur jafu min hu s-sensar ta’ bejniethom u ta’ bejn min qabbadhom. F’dawn l-aħħar sentejn kemm il-darba esprimejt l-iskantament tiegħi bl-istqarrija li kien għamel Kurt Farrugia, u dan skont ġurnalist li kien kellem lil Kurt Farrugia stess. Dak iż-żmien, bħala kelliemi ewlieni tal-gvern, Kurt Farrugia kien stqarr li l-gvern ma kienx bi ħsiebu jinnegozja mat-tliet allegati assassini biex dawn jiġi mħajjra jikxfu lil min qabbadhom. Din l-aħbar kont ktibt dwarha diversi drabi u ħadd qatt ma ċaħad din l-istorja.
Mir-rapport ta’ dalgħodu tas-Sunday Times of Malta jirriżulta li l-avukat ta’ wieħed mit-tliet mixlija – Arthur Azzopardi, li jirrappreżenta wkoll lil Vincent Muscat li jgħidulu l-Koħħu – sejjaħ bħala xhieda tad-difiża lil Joseph Muscat, Keith Schembri, l-Avukat Ġenerali Peter Grech u lill-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.
Jista’ jkun li dawn issejjħu biex jixhdu biex jgħidu x’jafu dwar l-assassinju għaliex dak li jafu jista’ jwarrab il-ħtija minn fuq Vincent Muscat.
Iżda dawn jistgħu jkunu wkoll xhieda importanti għaliex skont Arthur Azzopardi dawn jafu li l-klijent tiegħu, jiġifieri Vincent Muscat, wara diversi xhur wara l-arrest tiegħu kkopera mal-pulizija.
Jien ninsab infurmat li Vincent Muscat lill-pulizija semmielhom isem is-sensar li kien irranġa biex iseħħ il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan issemma’ waqt interrogazzjonijiet sigrieti li saru mill-pulizija.
L-interrogazzjonijiet saru b’mod sigriet għaliex Vincent Muscat qed jibża li l-mixlija l-oħrajn – jiġifieri Alfred u George Degiorgio – jistgħu isiru jafu li qed jikkopera mal-pulizija u li jista’ jixhed kontrihom waqt il-ġuri tagħhom biex b’hekk mal-provi forensiċi li diġà hemm, iżid ix-xhieda okulari tiegħu.
Xi xhur ilu, l-avukat ta’ Alfred u George Degiorgio b’mod sorprendenti kien għamel talba biex il-klijenti tiegħu jingħataw permess biex jiltaqgħu u jitkellmu mal-ewroparlamentari Ana Gomes u David Casa. Dawn l-ewroparlamentari rrifjutaw li jiltaqgħu magħhom u l-qorti ċaħditilhom it-talba.
Din it-talba kemmxejn stramba jista’ jkollha bosta tifsiriet iżda ċertament tfisser li l-aħwa Degiorgio seta’ għadda minn għala widnejhom li l-allegat kompliċi tagħhom qed jikkopera mal-pulizija.
Jien ninsab infurmat li f’dawn l-aħħar xhur Vincent Muscat għolob sew. Qed jirrifjuta li jiekol ikel msajjar fil-ħabs u l-ikel li jġibulu tal-familja qed jinsisti li jaqsmu ma’ sħabu l-ħabsin. Jidher ċar li Vincent Muscat huwa beżgħan li hemm min għandu interess li jeħles minnu.
Minkejja l-informazzjoni li Vincent Muscat għadda lill-pulizija, l-akkużat ma ngħata ebda forma ta’ immunità kundizzjonata u dan bi tpartit mal-informazzjoni li għaddielhom.
L-avukat tiegħu jista’ jkun li għandu f’moħħu li jħarrek bħala xhieda lil Joseph Muscat, Keith Schembri, Peter Grech u Lawrence Cutajar sabiex dawn jikkonfermaw bil-ġurament li mill-arrest tiegħu sal-lum huwa kkopera mal-pulizija. Bis-saħħa ta’ dan ikun jista’ jgħid li dan għandu jittieħed in konsiderazzjoni meta l-qorti tiġi biex twaħħal il-piena għar-reat ta’ omiċidju.
Jien ninsab infurmat ukoll li din l-istorja issa ħarġet fil-beraħ sforz il-fatt li l-investigaturi tilfu l-paċenzja u dan minħabba l-fatt li minkejja li issa ilhom xhur sħaħ li identifikaw x’sejrin ikunu l-passi li jmiss fl-investigazzjoni, jinsabu mxekklin minħabba l-indħil politiku.
L-isqarrija li Kurt Farrugia kien għamel lil ġurnalist xi xhur ilu jidher li tikkonferma li m’hemmx rieda politika biex jinstab tarf ta’ dan id-delitt. Dan huwa wkoll konfermat mill-fatt li l-gvern baqa’ jehda f’ħafna skużi biex ikompli jipposponi u jtawwal it-tnedija ta’ inkjesta indipendenti dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Issa jidher ukoll li, għal dawn l-aħħar xhur, kien hemm nuqqas ta’ rieda minn naħa tal-Avukat Ġeneralu u tal-Kummissarju tal-Pulizija biex b’xi mod jaslu għal xi forma ta’ ftehim ma’ xhud sabiex dan ikun jista’ jixhed kontra l-allegati assassini u sabiex igħaddi lill-pulizija informazzjoni dwar l-imħuħ wara t-twettiq tad-delitt.
Jidher li hemm ċertu tħassib dwar l-identità tas-sensar li s-Sunday Times of Malta ma semmietx min hu iżda li ġie indentifikat lill-pulizija – għalkemm huwa mifhum li l-ġurnal għandu f’idejh isem dan il-bniedem. Huwa ta’ tħassib il-fatt li xhud importanti li jista’ jwassal biex jinstab tarf id-delitt u ssir ġustizzja mal-imħuħ ma jidhirx li qed jingħata xi forma ta’ protezzjoni.
M’hemmx dubju li l-imħuħ wara d-delitt huma nies li jaslu għal kollox. Dawn ikunu lesti li jużaw kull mezz biex jiżgura li jibqgħu jgħadduha lixxa.