Membri tad-ditta legali Chetcuti Cauchi m’attendewx u baqgħu ma ndirizzawx id-Delta Conference – dan ma kien xejn ħlief sinjal li l-iskandlu li nkixef permezz tal-kamera moħbija tal-M6 heżżet lil waħda mill-aktar aġenziji tal-bejgħ tal-passaporti li għamlu suċċess fil-pajjiż.

Priscilla Mifsud, waħda mis-sħab mad-ditta legali, kellha tkun fuq il-panel tad-diskuzzjoni iżda baqgħet m’attendietx għall-konferenza dalgħodu biex b’hekk dan il-panel kien kompost minn irġiel kompetituri biss.

L-istand li ħejjew Chetcuti Cauchi kien hemm baħħ għaliex ħadd ma kien qed jokkupah: ħadd mill-mexxejja tad-ditta legali m’attenda għax inzerta li kien il-jum li fih kellu jibda’ s-smiegħ ta’ każ kontriha quddiem il-Kummissjoni tal-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja li hi entità kostituzzjonali.

Il-każ infetaħ wara li l-każ ġie riferit lill-Kamra tal-Avukati ġie riferit lilha l-bieraħ mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo u dan wara li kkonkludiet li Jean Philippe Chetcuti, sieħeb fid-ditta legali Chetcuti Cauchi, kien kiser il-kodiċi tal-etika tal-avukati.

Din il-konklużjoni kienet konsegwenza ta’ talba li għamlet repubblika biex issir inkjesta in genere dwar suspett ta’ twettiq ta’ reati kriminali wara l-ammissjonijiet li xxandru mill-M6.

Il-Maġistrat Farrugia Frendo għad trid tiddeċiedi dwar jekk għandhiex issir inkjesta jew le.