Diġà għaddew jumejn minn dakinhar li l-Ambaxxata Amerikana pubblikament offriet l-għajnuna lill gvern għaliex, skont kif irraġunaw, “għadu m’huwiex tard wisq għal Malta biex issir ġustizzja b’mod kredibbli mal-qattiel ta’ Daphne”.
X’inhu jistenna Michael Farrugia? Għamel kuntatt magħhom? Għadu ma bgħatx għal tal-FBI?
U lil tal-Ambaxxata Olandiża kellimhom? Dawn għandhom xi informazzjoni dwar il-każ u jeħtieġ niftakru li kien hemm esperti Olandiżi li kienu taw sehemhom fl-istadju bikri tal-investigazzjoni. Tal-ambaxxata kienu organizzaw ukoll laqgħat mal-membru parlamentari Olandiż Pieter Omtzigt meta dan kien qed jgħarbel l-azzjonijiet tal-gvern biex jiġi żgurat li f’dan il-każ issir ġustizzja. L-imġieba tal-gvern lil Omtzigt ma mpressjonatu xejn. Għandi nifhem li dan ċertament kien kellem lill-ambaxxatur li kien akkumpanjah kull fejn mar waqt li kien Malta.
Lill-Ambaxxatur Olandiż, Michael Farrugia staqsieh x’ried ifisser il-ministru tal-affarijiet barranin ta’ pajjiżu meta stqarr “li jeħtieġ li ssir ġustizzja mal-ġurnaliżmu u li jittieħed eżempju b’riżq kulħadd”? Dawn m’għandhomx ikunu jafu aktar minn ħaddieħor safejn kienet waslet l-investigazzjoni tal-esperti Olandiżi?
Ir-realtà hi li t-taxxi tagħna ma nħallsuhomx la lill-gvern Amerikan u lanqas lil dak Olandiż. M’għandhom ebda obbligi magħna ċ-ċittadini Maltin.
Iżda ġaladarba dawn qiegħdin joffrulna l-għajnuna tagħhom b’mod tant espliċitu u b’mod tant pubbliku, allura għandna dritt li nduru fuq il-gvern – l-istess gvern lil min inħallsu t-taxxi – u nistaqsuh kif wieġeb għall-għajnuna li offrewlu.?
Michael Farrugia, tista’ tgħidilna ftit kif bqajt ma’ tal-ambaxxati?