Għadni kemm segwejt il-film The Laundromat ta’ Steven Soderbergh.

Film li jkun maħdum tajjeb x’aktarx iservi biex ifiehem aħjar ċerti kwistjonijiet li wħud minna ilna żmien twil nippruvaw nispjegawhom lil ħaddieħor mingħajr wisq suċċess.

Wara li ssegwu l-film, malajr tifhmu u tintebħu il-għala l-Imħallef Aaron Bugeja ma kienx messu ta wisq kredtu lil Jacqueline Alexander dwar jekk il-firem fuq iċ-ċertifikati li suppost jindikaw min hu sid l-Egrant kienux tagħha jew le. Bis-saħħa ta’ dan il-film tkunu tistgħu tintebħu bil-mod kif eluf ta’ dokumenti bħal dawn kienu jiġu ffirmati bil-quddiem u min ikun iffirma ma kienx ikun jaf dawn id-dokumenti għalxiex kienu qed iservu.

Dan il-film iġiegħlek tifhem li isem Michelle Muscat ma kellu għalfejn jidher fuq ebda dokument u, fl-istess waqt, l-allegazzjoni li hi sidt l-Egrant tista’ tkun waħda li għandha mis-sewwa. Iġiegħelek tifhem ukoll kif jitfasslu l-bearer shares u dwar kif Michelle Muscat setgħet kienet sidt l-Egrant mingħajr ma din qatt kienet tassew taf jew fehmet sewwa dan kollu x’kien ifisser. U li tista’ tkun sidt numru ta’ bearer shares f’kumpannija mingħajr ma tkun konxju ta’ dan il-fatt.

Il-film ukoll iġiegħelek tifhem li l-korruzzjoni politika hi reat kriminali u dwar kif ta’ Mossack Fonseca kienu għenu biex titgħatta din il-korruzzjoni u biex jitgħattew reati kriminali oħra bħalma huma l-frodi fl-assikurazzjoni, t-traffikar ta’ droga u t-traffikar ta’ armi. Tkunu tistgħu tifhmu kif ta’ Mossack Fonseca setgħu ħaffew u ffaċilitaw mingħajr wisq sforzi t-taħwida 17 Black-Electrogas-Schembri-Mizzi.

Tkunu tistgħu tifhmu aħjar kif Brian Tonna (bħala intermedjarju barrani li kien qed jidher għal Mossack Fonseca) seta’ fassal it-taħwida kollha minn wara dahar jew anki bil-barka ta’ Mossack Fonseca. U tkunu tistgħu wkoll tifhmu x-xogħol li wettaq bħala intermedjarju l-accountant tal-prim ministru.

Barra minn dan, tkunu tistgħu tapprezzaw kemm hi vojta l-għajta ta’ Malta fis-sens li f’pajjiżna wieħed ikun jista’ jħallas inqas taxxa iżda mhux li jiskansaha totalment.

Il-film ma jsemmix il-każ ta’ Malta. Iżda jsemmi oħrajn li jixbħu l-każ ta’ pajjiżna.

Dawn l-ispjegazzjonijiet segwejthom ripetutament fl-isfond tal-fehmiet ta’ ċerti intellettwali xellugin li, fil-fantasija ideoloġika tagħhom, dejjem qiesu lill-ġurnaliżmu ta’ Daphne Caruana Galizia bħala wieħed li kien imexxi ‘l quddiem il-neo-kapitaliżmu li kien jemmen fih Reagan. Meta ssegwu The Laundromat tintebħu li Daphne Caruana Galizia nqatlet hi u tirreżisti d-domma neo-kapitalista li jirrappreżentaw Brian Tonna u l-klijenti tiegħu Joseph u Michelle Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi. B’niskata mġieba ta’ natura kriminali.

Daphne inqatlet hi u tiġġieled kontra l-inġustizzji li jġibu magħhom it-trasferimenti bla kontroll tal- flejjes ta’ sinjuruni kbar – flejjes li jkunu ġew mill-kriminalità bħal, per eżempju, evażjoni tat-taxxi u l-korruzzjoni. Korruzzjoni li tfisser l-oppost għall-prinċipju progressiv li min għandu l-ġid, għandu jgħin lil min m’għandux. Daphne nqatlet hi u tiġġieled kontra sistema li tfaqqar lill-fqir u li tkompli timla’ lill-għani bil-ġid.

F’Malta, aħna lkoll qed ikollna nħallsu kontijiet ogħla tad-dawl u l-ilma minħabba l-kriminalità li Daphne kienet kixfet tul il-karriera tagħha. Iżda jeżistu wkoll waħdiet li qed igħumu fil-miljuni misluħa minn fuq dahar il-fqar u l-batuti li bil-kemm għandhom għaxja ta’ lejla.

Il-film The Laundromat inħadem minn Topic Studios. Topic Studios xtraw id-drittijiet biex ikunu jistgħu jaħdmu film jew sensiela bażata fuq il-ktieb Murder on the Malta Express: Who Killed Daphne Caruana Galizia?

M’hemmx dubju li tkun storja ta’ min jirrakkontaha.

Fil-frattemp segwu The Laundromat. U aqraw Murder on the Malta Express.