Il-konferenza SIGMA m’hix ser tinfetaħ uffiċjalment minn Joseph Muscat li bħalissa għandu ħafna aktar affarijiet fuqhiex jixħet l-attenzjoni tiegħu.
Suppost kellu jiftaħ il-konferenza nhar l-Erbgħa b’ħafna xniexel. Din il-konferenza qed titnieda f’Ta’ Qali għalkemm il-premjijiet annwali fil-qasam tal-industrija ser isiru fil-lukanda Hilton.
Agħtu daqqa t’għajn lejn l-iscreenshot tal-programm li sal-lum għadu jgħid li l-konferenza se tinfetaħ minn Joseph Muscat iżda r-ritratt tiegħu inbidel b’dak ta’ Chris Fearne.
B’differenza minn Evarist Bartolo, Chris Fearne ma qal xejn dwar jekk Joseph Muscat għandux jibqa’ jmexxi lill-partit. Madankollu huwa indikattiv il-kumment li ta lit-Times of Malta aktar kmieni dalgħodu: “Bi ħsiebna nfasslu l-aġenda aħna stess. M’aħniex nibżgħu milli nieħdu d-deċiżjonijiet. Ħadd m’hu akbar mill-pajjiż u mill-partit. Il-liġi tgħodd għal kulħadd”.
Ir-rimarki li għadda Chris Fearne mat-Times of Malta idardruk. Kemm trid, Chris Fearne, min qatel lil Daphne Caruana Galizia għamel ħsara lill-pajjiż u ħaqqu li jiġi kastigat. Iżda għandek tkun raġel u tammetti li l-akbar inġustizzja sofrewha Daphne u l-familja tagħha.
Inkunu qed nitolbu wisq jekk turina li għalik is-sentiment uman jiġi qabel il-kilba perversa li tħares is-setgħa tiegħek u tal-partit tiegħek?