Is-sostenituri ta’ Konrad Mizzi qed jinfexxu f’Evarist Bartolo u qed ifakkruh li l-elezzjoni tiegħu fil-Parlament u tal-Partit Laburista fil-gvern jafhom lil Konrad Mizzi. Jaqaw dawn sikru b’xi ħaġa? Eh iva. Mingħalija jgħidulu Kool-Aid.

Ċerta Coress (dan isimha proprju?) Gouder minn Raħal Ġdid, kostitwenta u sostenitriċi fanatika ta’ Konrad Mizzi lil Evarist Bartolo wissietu biex isodd ħalqu. Mid-dehra Coress Gouder jidhrilha li Konrad Mizzi ħaqqu l-appoġġ.  Din ma jinteressahiex li qed inħallsu għad-dawl u għall-ilma aktar milli suppost. Għaliha m’hix problema li l-ġurnalista li kixfet l-għawwar dwar il-kontijiet tad-dwal u l-ilma ġiet assassinata allegatament minn dak li kien xaħħam li Konrad Mizzi.

Iżda mhux fuq din l-imbierka xtaqt nikteb. Gejtu Mercieca, Laburist u eks-uffiċjal tal-General Workers’ Union għoġbu jikkummenta taħt il-kliem li xandret Coress Gouder u lil Evarist Bartolo fakkru fil-korruzzjoni li kienet seħħet taħt imnieħru.

L-aħħar artiklu li kont ktibt fuq dan il-blog qabel ġiet assassinata Daphne permezz ta’ karrozza-bomba kienet proprju dwar Evarist Bartolo u l-korruzzjoni li seħħet fi ħdan il-ministeru tiegħu. Dak iż-żmien kien messu warrab u kien messu ġie mġiegħel iwarrab. Gejtu Mercieca għandu raġun jirreferi għall-korruzzjoni fil-ministeru ta’ Evarist Bartolo.

Li jgħaġġibni huwa l-mod kif Gejtu Mercieca jammetti li kien jaf bil-ħmieġ tal-korruzzjoni fil-ministeru ta’ Evarist Bartolo fl-ogħla livelli li fiħ kienu mdaħħlin persuni ta’ fiduċja li kienu magħżulin mill-ministru nnifsu. Din il-korruzzjoni ilu jaf biha iżda żammha bejnu u bejn ruħu u ġab ruħu bħallikieku ma kienitx teżisti sakemm imbagħad intebaħ li għalih il-protezzjoni ta’ Konrad Mizzi hi aktar importanti mil-lealtà partiġġjana lejn Evarist Bartolo.

Gejtu Mercieca dan kollu m’għandux il-ħila jifhmu. Kliemu jikxfu. Joseph Muscat ħoloq ambjent li fih l-impunità setgħet tixxettel u l-partitarji tiegħu kienu kompliċi bis-skiet tagħhom.

Konrad Mizzi għadu ma xebgħax. Gejtu Mercieca għadu ma xebgħax lanqas.