Waqt intervista ma’ TVM aktar kmieni llejla James Debono qal li jeħtieġ li noqgħodu attenti li ma nserrħux iżżejjed fuq l-istqarrijiet ta’ persuna li għandha ma wiċċha sentenza ta’ għomorha fil-ħabs u li qed tipprova ssalva l-ġilda tagħha. Kulma jistqarr Yorgen Fenech dwar persuni kunsidrati bħala l-imħuħ wara d-delitt u li jinsabu f’pożizzjonijiet għoljin fil-gvern għandu jittieħed fil-kuntest tar-raġuni il-għala qed igħid diskors bħal dan.

M’għandniex xi ngħidu, James Debono għandu raġun.

Iżda James Debono stqarr ukoll li, tkun xi tkun id-deċiżjoni li ser jieħu l-gvern — u, kif bassarna, l-prim ministru llejla ddikjara li ġie kien deċiż li lil Yorgen Fenech ma tingħatalux maħfra biex jixhed kontra l-ħabib intimu tiegħu Keith Schembri — anki jekk din tkun għal raġunijiet ġusti, ma tista’ qatt tkun waħda kredibbli.

Teżisti raġuni loġika għal dak li ta’ sikwit jingħad li l-ġustizzja mhux biss trid issir iżda wkoll trid tidher li qed issir.

Joseph Muscat huwa protettur veteran ta’ Keith Schembri (u ta’ Konrad Mizzi u ta’ Chris Cardona). Ilu jagħtihom il-kenn għal snin twal. Wara 6 sigħat ta’ diskussjoni, lil tal-Kabinett ġiegħelhom jappoġġjawh “unanimament” u biex lil Keith Schembri jibqgħu jagħtuh il-kenn.

M’hix ħaġa normali li damu 6 sigħat sħaħ. Id-deċiżjoni li ttieħdet konna bassarniha hekk kif xterdet l-aħbar li l-kabinett kien ser jiltaqa’ fit-8pm il-bieraħ.

Minn dakinhar li ġie arrestat Melvin Theuma, konna sejjaħna għar-riżenja ta’ Joseph Muscat. Dment li jibqa’ fis-setgħa, ma jkunx possibbli li ssir il-ġustizzja u li tinkixef il-verità kollha dwar il-qtil ta’ Daphne. Tagħtux każ id-diskors tiegħu fis-sens li jrid il-każ li “jingħalaq”.

Issa għandna għażla quddiemna. Jew li nċedu, naqtgħu qalbna u naċċettaw id-destin tagħna li ngħixu f’pajjiż li fih il-ġustizzja ssir meta jkun jaqbel biss għall-prim ministru, jew inkella nibqgħu nirreżistu u ninsistu li jwarrab.

Għajnejn id-dinja jinsabu fuqna. Fis-sala tal-konferenzi ta’ Kastilja kien hemm ġurnalisti minn madwar id-dinja. Fiha raw l-immaġni ta’ Malta li hi komposta minn grupp ta’ rġiel imqanfdin (u minn żewġ nisa) liebsin pulit u minn Edward Zammit Lewis liebes ilbies sportiv b’rashom baxxuta u sottomessa għar-rieda tal-kbir imperatur. Raw ukoll grupp żgħir ta’ persuni li ħobżhom jafuh lill-issuktar fis-setgħa ta’ Joseph Muscat, ikunu xi jkunu l-kompromessi mal-kuxjenza jkun jeħtieġ li jagħmlu.

F’idejna issa biex nuruhom l-immaġni vera ta’ Malta ta’ għada: pajjiż li ċ-ċittadini ħielsa tiegħu investew fih biex uliedhom jkun jistgħu jirtuh mingħajr ma jkunu mfakkra bħala dik il-ġenerazzjoni rgħiba li, hi u tiekol mill-frak li jnewwlilha l-gvern, baqgħet ma semgħetx l-isplużjoni ta’ karrozza-bomba li fiha kienet riekba ġurnalista.

Ingħaqad magħna fil-Belt Valletta fis-6pm f’misraħ Kastilja.

Ejjew nuruhom li m’aħniex bħal Joseph Muscat.