F’dawn l-aħħar sigħat ta’ tħejjijiet għall-protesta tal-lejla, kien hemm min nibixna biex, bħala organizzaturi, nirreaġixxu għall-iżviluppi li jkunu qed iseħħu. Hemm partit politiku li stqarr li ser jattendi. Ieħor stqarr li ser jattendi wkoll iżda bil-patt li lill-partit l-ieħor iqiegħdu f’pożizzjoni mbarazzanti. Hemm NGO waħda stqarret li taqbel mal-protesta iżda tippreferi li ma tattendix. U hemm NGOs oħrajn, li jmisshom jafu aħjar, żammew fommhom sieket.
M’għandniex xi ngħidu, aħna għandna l-ħsibijiet tagħna dwar dan kollu. Iżda f’dan l-istadju mhux importanti li ngħidu dawn x’inhuma.
L-aktar ħaġa importanti issa hi li lill-ħallelin li qegħdin imexxu lil pajjiżna narawhom jifgaw f’demmhom hekk kif jarawna, wara kampanja ma’ tieqaf xejn ta’ 25 xahar favur il-verità u l-ġustizzja, mimlijin ħeġġa u ħerqana li nkomplu għaddejjin sakemm isseħħ il-ġustizzja u tfeġġ il-verità.
Tħallux id-dubji li jista’ jkollkom dwar uħud li jistgħu ikunu preżenti għall-protesta jikkonfondukom. Jekk int kontra l-korruzzjoni, din ir-raġuni hi biżżejjed biex iġġiegħelek tingħaqad ma’ oħrajn li m’għandhomx għalfejn ikunu ħbieb tiegħek u li jista’ jkollhom fehmiet li huma differenti minn tiegħek.
Emmnuni – u malli taqraw dan il-blog tkunu tistgħu tifhmuni aktar – li ser ikun hemm uħud fost il-folla llejla li jmisshom iżommu mera quddiem wiċċhom. Iżda llejla kulma għandkom tagħmlu hu li żżommu għajnejkom imsammrin fuq il-mira.
X’inhi din il-mira? Il-mira hi li naraw lill-verità dwar l-assassinju ta’ Daphne tfeġġ fil-wiċċ u l-ġustizzja sseħħ billi tirbaħ fuq l-impunità.
Il-mira hi wkoll li jseħħ l-għeluq dwar l-iskandli li kienet kixfet Daphne. Pajjiżna jinsab immexxi minn ġgajta ta’ persuni li kienu ppjanaw sal-inqas dettal il-mod li bih flejjes ġejjin mit-tixħim kellhom jidħlu fi bwiethom. Fil-port daħħlu tanker tal-gass li jikkawża l-periklu kull meta jonfoħ riħ qawwi. U bnew power station li tipproduċi l-elettriku li qed jiswielna ħafna aktar minn dak li jiswielna d-dawl li jwasslilna l-interconnector ta’ taħt il-baħar.
Tliet sptarijiet pubbliċi, kompriż dak ta’ Għawdex, tawhom b’xejn lil ħaddieħor huma u jonfqu miljuni kbar minn flusna.
U lil erba’ żviluppaturi tawhom il-lala biex jeqirdulna l-kampanja u lill-ambjent, lill-irħula u lill-ibliet tagħna u lill-ħajjitna. Lil Malta qerduha għall-konkos u għall-flus.
Issa ilna 25 xahar nissieltu biex inkomplu fejn ħalliet Daphne b’kampanja b’riżq is-sens komun u d-diċenza. U kemm il-darba ħassejna li ninsabu mdawwrin bil-ħallelin u li s-sitwazzjoni hi waħda ddisprata.
Ejjew ma naqtgħux qalbna. Ejjew inkomplu nissieltu. Magħqudin flimkien illejla nibqgħu b’għajnejna msammrin fuq il-mira.