Ejjew ma neċċitawx ruħna żżejjed. Il-ġimgħa li għaddiet fil-qorti Keith Schembri x’aktarx xtaq l-art tibilgħu. Iżda kien dakinhar li nkixfu l-Panama Papers li kien ħass l-art titriegħed taħt saqajh. Il-pjan korrott li kellhom biex jistagħnew personalment ma kellu qatt joħroġ fil-beraħ. Pubblikament ikomplu jilbsu l-maskra tal-indifferenza fuq wiċċhom – iżda din il-maskra m’hix isservi biex tgħatti r-rabja nfiskata li għandhom talli nqabdu b’qalziethom imniżżel sa għarqubhom.

Dan kollu ma jfissirx li t-twettiq tal-ġustizzja ser ikun inevitabbli. Aħsbu ftit dwar il-mod kif irreżistew bil-qawwa kollha t-tnedija ta’ kull forma ta’ nkjesta kriminali. Aħsbu ftit dwar l-appelli kollha li ppreżentaw biex iwaqqfu l-inkjesti għal kollox.

Ippermettuli nfakkarkom ftit.

Frar 2016: Daphne Caruana Galizia tikteb li Keith Schembri u Konrad Mizzi huma s-sidien ta’ kumpanniji reġistrati fil-Panama moħbijin ġewwa trusts reġistrati fi New Zealand. Jiċħdu kollox.

April 2016: Jitfaċċaw il-Panama Papers u tiġi konfermata l-istorja li Keith Schembri u Konrad Mizzi tassew huma sidien ta’ kumpanniji reġistrati fil-Panama u li kienu gidbu meta dawn stqarrew li dan ma kienx minnu. Simon Busuttil jistqarr li minn dak li rriżulta mill-Panama Papers, Keith Schembri huwa bniedem korrott. Keith Schembri jirreaġixxi billi jagħmel libell fil-qorti kontra Simon Busuttil.

Lulju 2017: Il-Pulizija tibqa’ ma tiċċaqlaqx u Simon Busuttil jieħu l-inizjattiva u jitlob it-tnedija ta’ inkjesta mill-qorti. Permezz ta’ digriet, il-Maġistrat Ian Farrugia jilqa’ t-talba u jordna t-tnedija ta’ inkjesta. Il-Prim Ministru u l-klikka ta’ madwaru jappellaw mid-digriet u tibda’ battalja legali twila quddiem il-qorti tal-appell.

Ottubru 2017: Keith Schembri jixhed fil-kawża tal-libell li għamel kontra  Simon Busuttil u jistqarr li hu m’huwiex bniedem korrott. Dakinhar stess,  Daphne Caruana Galizia, il-ġurnalista li kienet kixfitilhom għawwarhom tiġi assassinata permezz ta’ karrozza-bomba.

April 2018: Ta’ The Daphne Project jikxfu li l-kumpanniji 17 Black (u MacBridge) kienu ġew identifikati bħala “klijenti mira” li kellhom jittrasferixxu miljuni kbar ta’ flejjes fil-kontijiet tal-kumpanniji tal-Panama ta’ Keith Schembri u ta’  Konrad Mizzi.

Ottubru 2018: Ir-Reuters jikxfu li sid il-kumpannija 17 Black m’hu ħadd ħlief   Yorgen Fenech.

Novembru 2018: Fil-Parlament Owen Bonnici jgħid li nkjesta dwar 17 Black kienet inbdiet “numru ta’ ġimgħat” qabel ixxandar ir-rapport ta’ Reuters f’Ottubru. Qal ukoll li l-inkjesta kienet intalbet mill-Pulizija u li din qed titmexxa’ mill-Maġistrat Charmaine Galea.

Jannar 2019: L-appell ta’ Joseph Muscat u tal-klikka tal-Panama fuq l-inkjesta  dwar il-Panama Papers jintlaqa’ mill-Imħallef Giovanni Grixti. Id-digriet li kien ordna t-tnedija ta’ inkjesta jiġi revokat.

April 2019:  Il-Maġistrat Doreen Clarke tilqa’ talba ġdida minn Simon Busuttil u minn Repubblika sabiex tiġi mnedija nkjesta dwar il-Panama Papers. Il-Maġistrat Clarke tordna li l-allegazzjonijiet li saru minn Simon Busuttil u minn Repubblika jiġu mistħarrġa fl-inkjesta presjeduta mill-Maġistrat Charmaine Galea dwar 17 Black. Din l-inkjesta għadha pendenti.

Novembru 2019: Wara li jiġi ordnat jidher fil-qorti f’kawża ta’ libell li għamel huwa stess u sabiex isirlu kontro-eżami, Keith Schembri jċedi l-kawża ta’ libell li kien għamel kontra Simon Busuttil.

Issa li ftakarna f’dawn il-fatti kollha, inkomplu.

Meta l-ġimgħa li għaddiet Keith Schembri kien qed jipprova jiżgiċċa mid-dmir tiegħu li jixhed f’kawża ta’ libell li kien għamel huwa stess, stqarr li ma jixtieqx jixhed għaliex jibża’ li jista’ jinkrimina ruħu. Din kienet ammissjoni ċara minn naħa tiegħu li rrabjat lil bosta nies u li wkoll nisslet xi ftit tat-tama li din id-darba Joseph Muscat kien ser jagħmel dak li kien missu ilu li għamel, għalkemm kien diġà 1,322 jum tard, kif qiegħduha tal-Moviment Graffitti il-ġimgħa li għaddiet.

Iżda kien hemm ukoll skuża oħra li kienet politikament konvenjenti u li Joseph Muscat il-bieraħ għażel li jiddendel magħha hu u jiddefendi lill-hekk imsejjaħ assistent tiegħu. Din l-iskuża hi li Keith Schembri qed jagħti x-xhieda tiegħu fl-inkjesta tal-Maġistrat Charmaine Galea. Hi appuntu din l-iskuża li qed jiddendlu magħha biex jiġġustifikaw is-“sagrifiċċju” li għamlu meta ċedew il-kawża ta’ libell li kienu għamlu kontra Simon Busuttil.

M’għandniex xi ngħidu, din l-iskuża m’hi xejn ħlief ħmerija mill-aktar banali.

Nibdew biex, skont il-liġi Maltija l-proċessi kriminali u dawk ċivili huma proċessi separati. Keith Schembri għandu kull dritt bil-liġi li jħares ir-reputazzjoni tiegħu permezz ta’ kawża ta’ libell fil-qrati ċivili fl-istess waqt li jkun qed jiġi nvestigat f’inkjesta kriminali. Dakinhar li appellaw minn digriet li ordna t-tnedija ta’ inkjesta dwar l-imġieba tagħhom (jiġifieri d-digriet ta’ Lulju 2017 li kien ġie revokat wara rebħu appell li kienu għamlu), Keith Schembri u tal-klikka tal-Panama kienu stqarrew b’saħħa li huma għandhom id-dritt li jeżerċitaw id-drittijiet kollha li tagħtihom il-liġi. Keith Schembri ma kellu għalfejn iċedi xejn minn dak li tagħtih il-liġi.

It-tieni: kien Owen Bonnici li, f’Novembru tas-sena li għaddiet, kixef li kienet qed issir inkjesta kriminali mill-Maġistrat Charmaine Galea. Anki li kieku Keith Schembri kellu jgħid li, dakinhar li fetaħ il-kawża ta’ libell, ma kien jaf b’ebda inkjesta dwar 17 Black, diġà kien hemm inkjesta għaddejja wara l-ewwel talba li kienet saret minn Simon Busuttil f’Lulju 2017. Dakinhar kien għadu ma xehedx quddiem il-qorti fis-sens li kien bi ħsiebu jagħmel kawża ta’ libell. Li kieku ried, il-kawża seta’ faċilment ċediha. Jew inkella seta’ ċediha matul din is-sena, xhur wara li Owen Bonnici kien ħabbar fil-Parlament li tinsab għaddejja nkjesta dwar 17 Black. Seta’ wkoll ċediha hekk kif, f’April li għadda, l-Maġistrat Doreen Clarke żiedet l-ilment il-ġdid dwaru li kien sar minn Simon Busuttil u minn Repubblika mal-inkjesta tal-Maġistrat Charmaine Galea.

Nistaqsi: ġaladarba li, f’kull stadju, dawn għamlu reżistenza qawwija kontra t-tnedija ta’ kull investigazzjoni dwar l-imġieba tagħhom, x’kienet ir-raġuni li Keith Schembri baqa’ m’appellax biex iwaqqa’ d-digriet li kienet ordnat il-qorti sabiex l-allegazzjonijiet dwar il-Panama jiżdiedu ma’ dawk li dwarhom qed issir inkjesta mill-Maġistrat Charmaine Galea? Wara kollox, dan id-digriet kien wieħed li jixbaħ ħafna id-digriet li ngħata f’Lulju 2017, liema digriet kienu appellaw minnu b’saħħa ġmielha. Il-għala m’għamilx l-istess din id-darba? Il-għala m’huwiex joġġezzjona li l-Maġistrat Charmaine Galea qed tniedi nkjesta dwar l-imġieba tiegħu?

Hemm ukoll ħaġ’oħra.

Konrad Mizzi – sieħeb fit-taħwid kriminali ta’ Keith Schembri – kien ittanta jwaqqaf lill-Maġistrat Doreen Clarke milli tiddeċiedi, kif fil-fatt spiċċat għamlet f’April 2018, dwar jekk għandhiex tordna inkjesta dwar il-Panama Papers. Dan kien għamel kawża fil-Qorti Kostituzzjonali għax qal li l-liġi li tagħti s-setgħa lil Repubblika u lil Simon Busuttil li jagħmlu lment kontrih tikser id-drittijiet umani tiegħu. Kien talab lill-qorti biex tordna lill-Maġistrat Doreen Clarke biex tibqa’ lura milli tagħti digriet sakemm tinqata’ il-kawża kostituzzjonali li kien għamel. Il-qorti kienet ċaħdet it-talba li kien għamel u ċaħditlu wkoll il-permess li jappella mis-sentenza.

Iżda, b’għaġeb tal-għeġubijiet, Konrad Mizzi spiċċa biex ċeda l-kawża kostituzzjonali. Il-każ għadda għand il-Maġistrat Charmaine Galea li issa kellha lilu flimkien ma’ Keith Schembri bħala persuni suspettati fid-delitti kriminali ta’ tixħim, korruzzjoni u ħasil ta’ flus maħmuġin. Wara dik l-għaġeb kollu li kien  għamel, Konrad Mizzi issa mmansa u deher li għalih ma ġara’ xejn li qed issir inkjesta dwar l-imġieba tiegħu. Għala? X’kienet tassew ir-raġuni il-għala Keith Schembri (u, wara sforz qawwi, anki Konrad Mizzi) baqgħu m’għamlux użu mill-mezzi li tagħtihom il-liġi biex iwaqqfu l-inkjesta tal-Maġistrat Charmaine Galea meta kienu huma stess li għamlu minn kollox biex iwaqqfu digriet ieħor simili li kien sar fi stadju aktar kmieni? Tgħid tal-klikka tal-Panama qed jittamaw li mal-Maġistrat Charmaine Galea għandhom ċans akbar li jġibuha żewġ?

Fl-imgħoddi l-Maġistrat Charmaine Galea kienet ħasset li kellha kunflitt ta’ interess fejn għandha x’taqsam Daphne Caruana Galizia. Meta f’Diċembru 2017, l-aħwa Degiorgio u Ċensu Muscat illellgħu il-qorti u ġew mixlija bil-qtil ta’  Daphne Caruana Galizia, Charmaine Galea kienet irrikużat ruħħa għaliex ħasset li ma kellhiex tkun hi li tisma’ x-xhieda tal-kumpilazzjoni li saret kontrihom. Il-Maġistrat kienet qalet li Daphne Caruana Galizia kienet semmietha fil-blog tagħha fil-kuntest tal-ħatriet għall-ġudikatura ta’ persuni li l-Partit Laburista għandu fiduċja fihom. Meta Charmaine Galea kienet inħatret bħala Maġistrat, Daphne kienet semmiet il-fatt li din kienet soċju fl-uffiċju tad-Deputat Kap Laburista Toni Abela. Il-ħatra ta’ Charmaine Galea, Daphne kienet sejħitilha bħala ħatra “Malta Tagħna Lkoll”.

Issa jekk stqarrija bħal din kienet biżżejjed biex il-Maġistrat Charmaine Galea ħasset li ma kellhiex imparzjalità biżżejjed biex tisma’ x-xhieda (mingħajr ma tiddeċiedi dwar ħtija jew in-nuqqas tagħha) dwar il-qtil ta’ Daphne, kemm aktar kellha tħoss li m’għandhiex imparzjalità biżżejjed hi u tinvestiga dak li kitbet dwaru Daphne Caruana Galizia? Jaqaw Keith Schembri u Konrad Mizzi kienu saru jafu b’kumbinazzjoni, wara li kienu qraw il-blog ta’ Daphne, li l-ħatra ta’ Charmaine Galea kienet waħda “Tagħna Lkoll” u għalhekk dehrilhom li jkun jaqblilhom jekk l-inkjesta dwar l-imġieba tagħhom titmexxa’ minnha? Din kienet ir-raġuni il-għala baqgħu m’appellawx? Jaqaw qed ifittxu li jkollhom eżonerazzjoni stil Egrant?

Aħsbu ftit ukoll dwar dak li stqarr il-bieraħ Joseph Muscat hu u jiddefendi lill-hekk imsejjaħ assistent tiegħu. Minn banda, Joseph Muscat ħareġ bit-teorija li Keith Schembri jippreferi jixhed u jikxef kollox quddiem l-inkjesta milli quddiem il-qorti f’kawża ta’ libell li għamel hu stess. Mill-banda l-oħra, stqarr li Keith Schembri kien inkwetat li kieku kellu jirbaħ il-kawża ta’ libell, quddiem il-qorti tal-appell Simon Busuttil kien igħid li l-Maġistrat Victor Axiaq — l-istess Maġistrat li ġiegħel lil Keith Schembri jegħreq l-għaraq tad-demm fil-qorti — kellu kunflitt ta’ interess u li, ipotetikament, kien ikun jista’ jipperswadi lill-qorti biex tirrevoka sentenza li Keith Schembri kien ikun rebaħ.

Din isbaħ issa! Fil-qorti, l-Maġistrat Victor Axiaq stqarr li kien hemm persuna li ppruvat tavviċinaħ biex tfakkru li huwa kellu kunflitt ta’ interess. Mid-dehra, omm il-Maġistrat kienet impjegata ma’ waħda mill-kumpanniji ta’ Keith Schembri. Kemm jekk kienu jafu b’dan jew skoprewh aktar nhar it-Tnejn stess, l-avukati ta’ Simon Busuttil ma talbux lill-Maġistrat jirrikuża ruħu. Li kieku riedu, dawn setgħu talbu r-rikuża anki minħabba l-fatt li Simon Busuttil, bħala wieħed mill-avukati ta’ Repubblika, qed jidher bħala avukat fil-kawża kostituzzjonali li saret minn Repubblika dwar l-indipendenza tal-ġudikatura: jekk il-kawża tintrebaħ minn Repubblika, potenzjalment il-ħatra ta’ Victor Axiaq bħala Maġistrat tista’ tiġi annullata għaliex dan inħatar fil-kariga f’April 2019, jiġifieri wara li Repubblika bdiet l-azzjoni fil-qorti. Jibqa’ l-fatt li Simon Busuttil baqa’ ma talabx ir-rikuża ta’ Victor Axiaq għaliex ma kienx fl-interess tiegħu li jagħmel dan. Jeħtieġ niftakru li kien ilu mat-tliet snin jissielet biex iġiegħel lil Keith Schembri jixhed fil-kawża ta’ libell.

Dan ma jistax ħlief ifisser li l-persuna li avviċinat privatament lill-Maġistrat Victor Axiaq – kontra l-ispirtu tal-liġi u tad-diċenza – hi persuna li aġixxiet fl-interess ta’ Keith Schembri. Jekk dan huwa minnu, ma nieħduha xejn bi kbira jekk Keith Schembri jasal ukoll biex jipprova jinfluwenza maġistrati li ma jkunux ta’ stoffa kbira.

M’għandna qatt inneħħu minn taħt l-attenzjoni tagħna l-fatt li f’dawn l-aħħar 6 snin, il-gvern tal-Labour ra kif għamel biex jaħtar fil-ġudikatura persuni li huma qrib tiegħu u li xi darba jaf li jista’ jiġi bżonnhom biex iħokkulu dahru. Barra minn dan, jeħtieġ niftakru wkoll li waqt li kawża ta’ libell (jew anki proċess kriminali) iseħħ bil-miftuħ u kulħadd ikun jista’ jsegwi x-xhieda li tkun qed tinstema’ u l-mistoqsijiet li jsiru lix-xhieda, dan m’huwiex il-każ f’inkjesta maġisterjali. Inkjesta ssir bil-magħluq u lix-xhieda ma ssirilhomx kontro-eżami. M’hemmx mod kif wieħed jista’ jikkontrolla biex jiżgura li kollox ikun qed isir kif suppost. U, kif turina l-esperjenza tal-inkjesta Egrant, ir-rapport finali ma jixxandarx.

Il-ġimgħa li għaddiet Keith Schembri ntebaħ li m’għandux is-setgħa li jikkontrolla l-eżitu ta’ kawża ta’ libell li kien għamel huwa stess. Iżda nistgħu ngħidu l-istess ħaġa għall-eżitu ta’ inkjesta kriminali li l-Pulizija – l-istess Pulizija li baqgħu ċassi fit-tliet snin li ilna li sirna nafu bil-kumpanniji sigrieti tal-Panama – kienu talbu li ssir? Tgħid xi ħadd mar isefsef f’widnejn il-Maġistrat Charmaine Galea bl-istess mod li xi ħadd mar isefsef f’widnejn il-Maġistrat Victor Axiaq? Tgħid Keith Schembri qed jittama li manuvra bħal din tista’ teħilsu mill-inkwiet?

Nhar it-Tnejn li għadda, xammejna r-rebħa. Iżda nkunu aktar bil-għaqal jekk noqgħodu lura milli ngħoddu l-flieles qabel ma dawn jibdew ifaqqsu.