Stqarrija ta’ Repubblika:

Repubblika tinnota u tilqa’ l-fatt li l-gvern fl-aħħar aċċetta li tinfetaħ inkjesta indipendenti dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Għadna l-bogħod mill-wasla fit-triq it-twila għall- ġustizzja. Biex nibdew dak li kixfet Daphne bil-ġurnaliżmu tagħha – li wassal għall-assassinju tagħha – irid ikun mistħarreġ mill-awtoritajiet skont il-liġi u ssir ġustizzja mall-korrotti u mal-kriminali.

Post il-Kap tal-Uffiċju tal-Prim Ministru li tlett snin wara li kixfitu Daphne Caruana Galizia, jirrifjuta li jixhed għax jibża li jinkrimina ruħu hu fil-kamra tal-interrogazzjoni għand il-Pulizija mhux fil-Berġa ta’ Kastilja jaħkem fuq kulħadd. U dak biss eżempju wieħed.

Kien hemm bżonn 25 xahar ta’ tkaxkir tas-saqajn u 25 xahar ta’ protesta u appelli mill-familjari ta’ Daphne, mis-soċjetà ċivili u mill-komunità internazzjonali biex il-gvern għamel dak li kien obbligat jagħmel mill-bidu nett skont il-liġi.

Il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tobbliga lill-gvern li ssir din l-inkjesta u l-gvern kiser din il-Konvenzjoni għal kull jum ta’ dawn l-aħħar 25 xahar.

Illum sar pass żgħir biex noqorbu lejn verità u ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia. Iżda għadna ħafna l-bogħod minn dan l-għan. Nafu li jekk intaffu mqar ftit il-viġilanza u l-pressjoni biex issir magħrufa l-verità, il-gvern jagħmel minn kollox biex jostorha.

Bla dubju, il-gvern jixtieq li issa jieqfu l-protesti li jsejjħu għall-ġustizzja. Ilu jixtieq hekk 25 xahar.

Repubblika ttenni, b’entużjażmu u impenn imġedded, is-sejħa għall-protesta. Il-protesti jaħdmu. Ma jsirux għalxejn u r-riżultat tal-lum dan jikkonfermah. Il-gvern, anke fejn ma jridx, ikollu jisma’.

M’aħniex se nħallu lill-kriminali (fil-politika jew mhumiex) jisgiċċaw għax mietet Daphne.

Insejjħu lil kull min hu ta’ rieda tajba – lil hinn minn lealtajiet partiġġjani, lil hinn minn nuqqas ta’ qbil fuq affarijiet anqas importanti – biex għada jissieħeb magħna fil-Belt Valletta biex jipprotesta kontra l-korruzzjoni u biex tintradd lil Malta il-verità u l-ġustizzja.