Inħossni tassew skomdu nsejjaħ lill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia bħala “opportunità”. Il-qtil huwa ta’ min jistmerru. Il-każ tagħha ma kienx wieħed ta’ xi sagrifiċċju erojku. Hi kienet eroj u l-qtil tagħha kien sagrifiċċju enormi. Il-qtil tagħha u t-telfa li ġarrbet il-familja tagħha ma kienu meħtieġa għal ħadd.
Kif qiegħed hawn nixtieq nikteb erba’ kelmiet lil tal-Moviment Graffitti. Lil dawn jien nammirahom, naqbel ma’ bosta minn dak li jemmnu fih u, għalkemm dawn m’humiex ser ifittxu li jkunu ħbieb miegħi, nixtieq ngħidilhom li l-fehmiet tagħhom – għallinqas dawk li jgħidulna f’hiex jikkonsistu – m’humiex daqstant radikali li oħrajn – bħal dawk li forsi jħarsu lejhom bħala reazzjonarji tal-borgeżija – ma jaslux biex jaqblu magħhom.
Keith Schembri u Konrad Mizzi, Yorgen Fenech, 17 Black, Hearnville u Tillgate, l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia: dawn kollha m’humiex biss terribbli fihom innifishom iżda huma wkoll sintomu ta’ sistema mnawwra. Din is-sistema ma vvintahiex Keith Schembri. Iżda kien hu li sfruttaha, għawwiġha u nawwarha minn ġewwa. Din hi sistema ilha hemm minn qabel żmien Keith Schembri u li jeħtieġ li tinbidel drastikament.
Yorgen Fenech huwa wieħed mis-sidein tal-konsorzju Electrogas. Is-sidien ta’ dan il-konsorzju huma grupp ta’ negozjanti Maltin immexxijin minn Yorgen Fenech. Dan il-grupp ta’ negozjanti huma sidien terz kull wieħed ta’ kumpannija li ġġib l-isem ta’ GEM Holdings: terz f’idejn it-Tumas Fenech Group, terz ieħor f’idejn il-familja Apap Bologna u terz ieħor f’idejn il-familja Gasan. Ma’ dawn hemm madwar 10% tal-ishma li jinsabu f’isem Yorgen Fenech personalment.
Dawn it-tliet familji għamlu minn kollox biex jirbħu dan il-kuntratt. Bejniethom dawn, u xi familji oħrajn, jikkontrollaw in-negozju kollu ta’ ċertu daqs li jsir f’Malta. Dan ilhom jagħmluh għal snin twal u ta’ min jammirahom għall-inizjattivi kummerċjali li jieħdu u għall-kuraġġ tagħhom.
Iżda fil-frattemp ix-xitan deffes denbu u bis-saħħa tal-misħuta korruzzjoni bdew jippretendu li l-pajjiż huwa tagħhom. Il-partiti politiċi tant jiddependu fuq dawn in-negozjanti li, kważi kważi, t-tfassil tal-politika jiddettawh huma. Dawn jippretendu li għandu jkollhom il-jedd li jibqgħu deħlin fl-uffiċċju ta’ politiku biex jiddettawlu x’għandu jagħmel. Meta dawn “jappoġġjaw” il-kampanji elettorali ta’ kandidati individwali, fil-fatt isiru s-sidien tagħhom.
Taħsbux li, jien u nħabbat fuq sidri, b’xi mod qed nipprova nippatronizza. M’hemm xejn ġdid f’dak li qed nikteb. Dak li qed nikteb għextu u naf x’qed ngħid.
Fil-persuna ta’ Joseph Muscat, dawn il-familji sabu “alleat tan-negozju”. U fil-persuni ta’ Keith Schembri u ta’ Konrad Mizzi, sabu tnejn minn nies li huma lesti li jgħawwġu u jitgħawwġu dment li x-xaħam jibqa’ jidħol f’buthom b’ritmu regolari.
Mid-dehra issa wasalna għall-estremità li min jikteb kontra l-korruzzjoni u jippruvaha ikun qed jirriskja li jitlef ħajtu.
Jeħtieġ li s-sitwazzjoni ma tibqax dik li hi.
Mhux daqstant importanti l-azzjonisti tal-GEM Holdings u tal-Electrogas kienux jafu kemm kienet mifruxa l-korruzzjoni li seħħet biex setgħu jassiguraw il-qliegħ li qegħdin jagħmlu. Lanqas m’hu daqstant importanti kienux jafu jew le li kien hemm min qed jippjana assassinju biex dak il-qliegħ jibqa’ jiġi mħares.
Il-fatt hu li llum stess, minkejja dak li seħħ, għadhom sal-lum jimlew bwiethom b’dak il-qliegħ. U għandhom kull intenzjoni li jaraw dak il-qliegħ dieħel f’buthom għas-16 il-sena li ġejjin.
Dan kollu jeħtieġ li jitwaqqaf ħesrem. Il-kuntratt tal-Electrogas huwa wieħed korrott u mċappas bid-demm. Għaldaqstant huwa kuntratt null li ma jiswiex.
Ir-rabja tagħna hi diretta lejn il-qattiela u lejn dawk li xxaħħmu. iżda jekk ser nieħdu din l-opportunità – kelma li lili ma tantx tinżilli – jkun jeħtieġ li ndawru l-attenzjoni tagħna wkoll fuq dawk li xaħħmu. Ma nistgħux nippermettu li dawn ikomplu jistagħnew minn fuq dan il-ħmieġ bħallikieku ma ġara’ xejn.
Is-sistema mnawwra li għandna jeħtieġ li nsewwuha. Ma nistgħux nibqgħu ngergru biss. Ilna żmien twil li ġejna mwissijin dwar il-periklu u l-ħmieġ li ġġib magħha l-korruzzjoni
Issa li ntbaħna, jeħtieġ li nieħdu azzjoni. Daphne kienet ilha li xammet x’kien ġej.
Issa li wasalna s’hawn u mhux bi ħsibna nieqfu.