Il-ġrajjiet li seħħew il-bieraħ tant iddominaw l-aħbarijiet li dan ir-rapport minn Reuters ftit kienu dawk li ndunaw bih. Dan huwa ħażin, għaliex it-theddida li teżisti fil-konfront tal-akbar bank f’Malta jista’ jkollha riperkussjonijiet serji ħafna fuq l-ekonomija Maltija. U jekk issir ħsara lill-ekonomija Maltija, ma jkunux il-familji Gasan, Apap Bologna jew Fenech li jgħaddu minn tbatija. Jispiċċaw ibatu s-‘sinjuri żgħar’ li jibdew jintebħu kemm kienet vojta l-wegħda ta’ l-aqwa żmien.

Ir-Reuters il-bieraħ tkellmet dwar rapport intern tal-Bank Ċentrali Ewropew li jsemmi “litanija” ta’ nuqqasijiet, transazzjonijiet li m’għaddew minn ebda għarbiel u tmexxija nkompetenti fi ħdan il-Bank of Valletta.

Il-gvern ta’ Malta m’huwiex sid il-Bank of Valletta, iżda għandu s-setgħa li jikkontrollah. Dan il-kontroll, il-gvern abbużah b’tali mod li ġiegħel lill-bank isir paljazza f’idejn il-bażużli tiegħu biex dawn jilħqu l-iskopijiet korrotti tagħhom.

Aħsbu ftit fil-kuntratt tal-Electrogas. Niftakru li l-konsorzju kien tilef lil tal-Gasol bħala sieħeb ewlieni meta dan falla. Il-Gasol suppost kellu jiffinanzja l-bini tal-power station u l-imsieħba l-oħrajn spiċċaw biex tilfu l-flus li kienu jeħtieġu biex iwettqu l-kuntratt.

Iffaċċjat b’din is-sitwazzjoni, l-gvern kien messu qalilhom “grazzi ħafna – l-enerġija ser ikollna nixtruha mingħand min hu tal-lant u minn min għandu l-finanzi meħtieġa biex iħaddem power station“. Ma tarax! Li kieku l-gvern għamel li kellu jagħmel, lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi kien itellfilhom il-$5,000 kuljum u dan ma setax jagħmlu!

Allura l-gvern għamel pressjoni fuq il-Bank of Valletta biex din tgħaddi €450 miljun lill-Electrogas. Għal bosta persuni din iċ-ċifra tant hi kbira li fl-imħuħ hi waħda bla sinjifikat. Iżda hi ċifra li hi ekwivalenti għad-dħul li l-bank jagħmel f’sentejn sħaħ. U l-gvern ġiegħel lill-BoV jislef din is-somma lill-Electrogas.

Tistgħu qatt timmaġinaw x’għamlu u x’ivvintaw biex ġiegħlu lill-BoV jidħol għal piż qawwi bħal dan?

Ma kienx il-kuntratt tal-Electrogas biss li wassal lill-BoV f’xifer l-irdum. Minħabba r-regħba bla tarf tal-politiċi tiegħu, kien il-gvern li, bank b’saħħtu li bilkemm kien intmess mill-kriżi finanzjarja li fl-2008 kissret banek kbar madwar id-dinja, għamlu lsir tar-rieda tiegħu.

Il-kuntratti saru u l-korrotti qalgħu flejjes kbar. Iżda jekk il-Bank of Valletta ma jirnexxilux iżomm fil-wiċċ, min huma dawk li ser jaqilgħu l-ewwel daqqiet?

Naraw.

Meta tal-Pilatus Bank ġew imġiegħla jagħlqu l-bibien tagħhom, ma ddispjaċieni xejn għall-klijenti tagħhom. Il-klijenti korrotti u ħassiela tal-flus tagħhom kien ħaqqhom li jaqilgħu id-daqqa li qalgħu. Ċertament mhux ser inkun jien li ser jiddispjaċini għal Keith Schembri għax dan ikun spiċċa tilef lira mit-tixħim fuq il-bejgħ ta’ passaport lil xi Russu. Jew, kif ippretenda li jbellagħhielna, għax ikun tilef il-ħlas lura ta’ self li llegalment kien għadda lill-awditur tiegħu wara li mart dan tal-aħħar għamlitlu kawża għad-divorzju. Hawn xi ħadd li jiġi, jaqa’ u jqum dwar dan? M’hawn ħadd.

Meta kienu ġew imġiegħla jagħlqu tas-Satabank, ħasset xi ftit tad-dispjaċir nara bosta ħaddiema bieżlin jispiċċaw b’ta’ fuqhom senduqhom bi flushom maqbudin tort tal-abbużi f’dak li huwa ħasil ta’ flus minn naħa tas-sidien tal-bank. Rajt it-tbatija li ġew imġiegħla jgħaddu minnha dawn il-ħaddiema. Rajt negozji jfallu. Rajt ukoll id-disperazzjoni f’wiċċ dawk li tilfu kull sold li kellhom imfaddal.

Iżda dawn kienu lkoll ħaddiema barranin. B’xorti ħażina, minħabba r-razziżmu li hawn fostna ma tantx nitilfu rqad meta jkunu l-“barranin” li jgħaddu minn xi tbatija. U l-biċċa l-kbira tal-klijenti tas-Satabank kienu “barranin” u allura t-tbatija li għaddew minnha dawn il-ħaddiema bosta Maltin ġew jaqgħu u jqumu minnha.

Iżda li kieku l-Bank of Valletta kellu jiġi mġiegħel jagħlaq anki għal jum wieħed, l-istorja tkun ferm differenti. Nistaqsi: kemm nistgħu inkunu ottimisti li dan ma jseħħx meta għandna l-Bank Ċentrali Ewropew jiddikjara fil-beraħ li dawk li llum qed imexxu lill-Bank of Valletta ma jafux x’inhuma jagħmlu?

Jeħtieġ niftakru li, jekk il-Bank of Valletta jiġi mġiegħel jagħlaq il-bibien tiegħu, l-korrotti jkunu diġà ġabru l-flus maħmuġin tagħhom bil-quddiem u n-negozjanti l-kbar jkunu diġà ħaxxnu bwiethom bis-saħħa ta’ kuntratti finanzjati mid-depożitanti ż-żgħar u mill-azzjonisti tal-bank. Ikunu dawn id-depożitanti ż-żgħar li jiġu mġiegħla jaraw il-qamar bil-bir billi jispiċċaw jitilfu kull ma jkollhom imġemma’ fil-bank. U jkunu l-azzjonisti li jkollhom jaraw lill-investiment tagħhom jisfa’ fix-xejn.

Aħsbu xi ftit dwar kif qed iħossuhom dalgħodu dawk li silfu flushom f’bonds lil tat-Tumas Group biex jiġi finanzjat it-tkabbir tal-grupp. Is-sidien tal-grupp erħilhom igħixu ħajja ta’ lussu u erħilhom jitpaxxew fuq id-dgħajjes lussużi tagħhom. Ħobżhom ilu maħbuż bil-miljuni li għandhom f’diversi rkejjen. Iżda min huma dawk li l-aktar ibatu jekk il-valur tal-azzjonijiet tat-Tumas Group imur il-baħar? Ibatu l-aktar dawk iż-żgħar li jkunu nvestew fit-Tumas Group dik ix-xi ħaġa żgħira li kienu faddlu għax kellhom moħħhom mistrieħ li l-investiment tagħhom jista’ jrendilhom qliegħ żgħir.

Jekk jitkisser il-BoV, dan il-pajjiż ikollu diżastru li ftit qatt rajna bħalu.