Il-Professur Ian Refalo lill-gvern taħ parir li m’hemmx għalfejn ikun hemm separazzjoni bejn is-setgħat tal-Parlament u dawk tal-gvern. U ftit jiem ilu l-kap tas-servizz ċivili Mario Cutajar għamel riferenza għal dan il-parir hu u jagħti r-raġunijiet tiegħu il-għala kien ġie deċiż li jiġu njorati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler.
Araw x’qal Mario Cutajar dwar il-parir li taħ Ian Refalo: “Il-Professur Refalo spjega li fil-Kostituzzjoni tagħna m’hemmx distinzjoni netta li tifred lill-eżekuttiv (jiġifieri lill-gvern) mil-leġislattiv (jiġifieri mill-Parlament). Jeħtieġ li ż-żewġ fergħat ikunu marbutin kostituzzjonalment in vista tal-fatt li s-setgħat li joħorġu mill-kostituzzjonijiet tar-Renju Unit u ta’ Malta huma mħaddma mill-Kamra tad-Deputati u mill-gvern tal-ġurnata, tant li l-membri tal-eżekuttiv —jiġifieri l-ministri u s-segretarji parlamentari – jeħtieġ li jkunu Membri tal-Parlament. Għaldaqstant ma teżisti ebda inkompatibilità kostituzzjonali bejn il-membri tal-eżekuttiv u l-membri parlamentari. Dan tant huwa minnu li l-Kostituzzjoni nnifisha titlob li Ministru jintgħażel biss minn fost il-Membri tal-Parlament”.
Fil-fehma tiegħi, dan il-parir huwa wieħed żbaljat għall-aħħar. Immorru għall-estrem. Jekk ma teżisti ebda raġuni il-għala l-leġislattiv u l-eżekuttiv għandhom ikunu mifrudin minn xulxin, x’inhu l-iskop wara l-iffinanzjar ta’ żewġ istituzzjonijiet li xogħolhom għandha l-ħila li tagħmlu istituzzjoni waħda? Għaliex m’għandniex nippermettu lill-gvern – li huwa elett direttament – igħaddi l-liġijiet huwa stess? Wara kollox, kif jingħad li darba kien stqarr Bismarck, hemm żewġ affarijiet li jkun aħjar jekk ma jinkixifx il-mod dwar kif tassew isiru: iz-zalzett u l-liġijiet.
Għaliex għandu jkollna Parlament? L-interpretazzjoni tiegħi tat-tradizzjoni ta’ Westminster ma’ tixbaħ xejn lil dik ta’ Ian Refalo. Il-Parlament qiegħed hemm u jiġi elett sabiex ifassal u jgħaddi l-liġijiet. Minn naħa tiegħu, l-gvern iħaddem dawk il-liġijiet u jmexxi lill-pajjiż. Iżda l-gvern huwa wkoll kontabbli lejn il-parlament u jiddependi minn espressjoni ta’ fiduċja li tista’ tiġi sospiża. Il-gvern ma jistax jagħmel it-taxxi u jonfoq il-flus mingħajr il-kunsens tal-Parlament u huwa soġġett għall-iskrutinju tiegħu.
Iżda l-Parlament m’huwiex il-gvern u ma jistax jassumi r-rwol tal-gvern. Għaldaqstant il-gvern huwa magħmul minn dawk il-persuni li, f’ċirkostanzi normali, nistennew li jgawdu l-fiduċja tal-maġġoranza tal-membri fil-Parlament. Taħt il-mudell ta’ Westminster, huwa minnu li l-Ministri huma persuni magħżulin minn fost il-partit li jgawdi l-appoġġ tal-kotra fosthom. Madankollu – u proprju hawn tinsab id-differenza l-kbira – jeżisti limitu għan-numru ta’ deputati parlamentari li jkunu jistgħu jingħataw ħatra fil-gvern u dan sabiex il-rwol ta’ skrutinju u sorveljanza li għandu l-parlament ma jiġix fix-xejn minħabba n-numru kbir ta’ membri fl-eżekuttiv.
Fir-Renju Unit, il-gvern ma jistax jimpjega d-deputati parlamentari kollha mill-partit li jappoġġjaħ. Fil-fatt il-biċċa l-kbira tad-deputati parlamentari ma jingħatawx ħatriet mill-gvern iżda jinħatru bħala membri ta’ kumitati parlamentari li qiegħdin hemm sabiex igħassu fuq il-gvern. Il-Parlament Malti huwa dgħajjef u ilu hekk għal żmien twil. Iżda mill-2013 ‘l hawn, il-Parlament sar fergħa tal-Partit Laburista. Din m’hix xi kritika diretta lejn l-oppożizzjoni nofs kedda li hemm bħalissa. Anki li kieku l-oppożizzjoni kienet waħda mimlija ħeġġa, il-gvern mhux biss għandu maġġoranza b’saħħitha ta’ deputati li tappoġġjah, iżda dawn id-deputati qegħdin ukoll jitħallsu paga mill-gvern. Għal Ian Refalo, Mario Cutajar, Peter Grech u l-bqija ma tagħmel ebda differenza. Iżda jidhirli li teżisti differenza kbira bejn dawk id-deputati li jappoġġjaw lill-gvern minħabba kriterji ta’ affiljazzjoni politika u ta’ konvinzjoni (jew, jekk niġu għal dan, anki ta’ konvenjenza politika) u dawk id-deputati li jappoġġjaw lill-gvern minħabba l-paga li jirċievu mingħandu jew għaliex l-għajxien tagħhom huwa dipendenti mill-gvern.
Din id-differenza, il-għala hi tant importanti? Għaliex – u huwa propju hawn fejn ma naqbel xejn mal-parir ta’ Ian Refalo – ma jistax ikollna demokrazija vera jekk ma jkunx hemm separazzjoni netta bejn il-leġislattiv u l-eżekuttiv. Jekk titħassar din is-separazzjoni, nistgħu ngħidu addio lill-iskrutinju, lill-kontabilità finanzjarja u lill-għodda li biha jkunu jistgħu jintlaħqu forom ta’ ftehim bejn iż-żewġ naħat. Min imur igħid li s-separazzjoni bejn l-eżekuttiv u l-leġislattiv qiegħda hemm għalxejn ikun qed jirrendi l-Parlament f’teatru li fih il-membri tal-oppożizzjoni jkunu biss spettaturi u filwaqt li l-membri tal-gvern ikunu atturi salarjati.
Il-konsegwenzi ta’ raġunar bħal dan għall-governanza tajba tal-pajjiż huma serji ħafna. F’pajjiżna għandna entitajiet indipendenti li nħolqu apposta sabiex jkunu kontabbli lejn il-Parlament u mhux lejn il-gvern għaliex jassistu lill-parlament fir-rwol tiegħu ta’ skrutinju. L-Ombudsman, l-Awditur Ġenerali u l-Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika huma lkoll kontabbli lejn il-Parlament għar-raġuni li xogħolhom hu jiġbdu l-attenzjoni meta l-gvern jonqos mid-dmirijiet u mir-responsabbiltajiet tiegħu. Dawn huma lkoll kontabbli lejn il-Parlament għaliex ikun mistenni li l-Parlament jieħu passi li jkunu msejsa fuq ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom. L-affarijiet inkunu nistgħu intejjbuhom biss kemm il-darba jkun hemm istituzzjoni li jkollha s-saħħa li tiġbed widnejn il-gvern dwar in-nuqqasijiet tiegħu. Jekk il-gvern jonfoq flus aktar milli jkun xieraq biex jixtri, ngħidu aħna, l-paperclips, il-Parlament għandu jkollu l-libertà li jagħmel pressjoni fuq il-gvern biex jikkontrolla l-infieq fuq il-paperclips. M’hemmx għalfejn li ngħaddu minn kriżi politika qabel tiġi ndirizzata l-problema tal-infieq żejjed. Iżda jekk il-maġġoranza fil-Parlament tkun komposta minn persuni li dawn il-paperclips jużawhom bir-radam, m’hu ser jinbidel xejn tipprotesta kemm tipprotesta l-oppożizzjoni dwar ir-rapport tal-awditur.
Din is-sitwazzjoni la hi waħda sewwa u l-anqas m’hi waħda demokratika għaliex lill-Parlament – istituzzjoni importanti ħafna tal-istat li għandha tkun l-ogħla waħda fil-pajjiż – tnaqqaslu mill-awtorità tiegħu. Dak li rrakkomanda l-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika huwa bażat fuq dak li osservaw tal-GRECO u tal-Kummissjoni ta’ Venezja. Dawn kienu tkellmu wkoll dwar dawk il-persuni li jinħatru f’karigi ta’ fiduċja mingħajr ma jiġu mgħoddija mill-għarbiel kostituzzjonali fejn għandu x’jaqsam ir-reklutaġġ mas-servizz pubbliku. Persuni bħal dawn kienu wkoll jinħatru qabel tal-Labour telgħu fil-gvern fl-2013. Jien kont inħtart f’pożizzjoni ta’ fiduċja fi żmien meta l-gvern kien jaħtar numru żgħir ħafna minn dawn. Taħt dan il-gvern diġà nħatru mas-700 ruħ. U kellu jkun Mario Cutajar, il-kap tas-servizz ċivili, li jistqarr li m’hemm xejn ħażin f’dan kollu u li l-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika m’għandux raġun igħid li dan mhux sewwa.
Mhux bi ħsiebni noqgħod nidħol fil-mertu dwar ir-raġuni għala l-impjieg ta’ 700 persuna ta’ fiduċja (u mhux l-impjieg ta’ 50) ibiddel radikalment id-dinamika tal-kwistjoni kollha u l-argument li “hekk ukoll kien jiġri fl-imgħoddi” ma jreġix. Ngħid biss li l-Kostituzzjoni tagħna tipprovdi dwar il-mod kif għandhom jiġu mpjegati n-nies fis-servizz pubbliku għaliex din tfittex li ssir ġustizzja f’dak li huwa reklutaġġ biex b’hekk jiġi mpjegat mal-gvern min ikun ħaqqu u mhux min jiġi mgħoddi mill-għarbiel għax ikollu r-riħ politiku fil-qala’. Dan huwa ġust għaliex, wara kollox, dawn in-nies huma mħallsin mit-taxxi tagħna u għaldaqstant għandna dritt nippretendu servizz tal-aqwa kwalità mingħandhom. Il-Kostituzzjoni trid tassigura wkoll li l-amministrazzjoni impjegata tal-pajjiż tkun distinta minn dawk li jkollhom ħatra għax ikunu eletti. Il-Ministri jmorru u jiġu, iżda l-amministrazzjoni trid tibqa’ għaddejja. Sa ċertu punt, dan ilkoll naċċettawħ. Ħadd ma jgħaddilu minn rasu li għandu jkun il-Ministru tas-Saħħa li jagħżel il-kirurgi u t-tobba biex jaħdmu fl-isptar għaliex anki l-akbar bażużlu jkun irid li jkollu s-servizz tal-aqwa kirurgu tal-qalb li jista’ jkun hemm u mhux is-servizz ta’ l-aktar kirurgu partiġġjan li jkun lejali lejn il-Ministru. Barra minn dan, nistennew li x-xogħol tal-isptar ma jiġix effettwat minn elezzjoni jew minn bidla fil-gvern.
Dan il-prinċipju m’għandux japplika biss għall-isptarijiet. Is-servizz ċivili qiegħed hemm biex jaqdi lill-gvern tal-ġurnata u għandu jkollu nies li jkollhom il-ħila li jħarsu lil hinn mill-elezzjoni li jkun imiss. Nies li jassiguraw il-kontinwità u dan sabiex ma nirrepetux l-istess żbalji kull darba li jinbidel Ministru. Bħala kap tas-servizz ċivili, Mario Cutajar jkun mistenni li jiddefendi b’ħiltu kollha l-kunċett li s-servizz ċivili, hu u jaqdi lill-gvern tal-ġurnata, għandu jkun awtonomu u distint fil-parametri tal-liġi.
Iżda Mario Cutajar għamel l-oppost. Sejjaħ konferenza stampa biex jispjega il-għala, skont hu, m’hemm xejn ħażin li l-Ministri jimlew il-postijiet fil-ministeri u f’entitajiet oħra bil-bażużli. Dan l-aġir kien il-kaġun tal-qerda ta’ servizz ċivili distint li huwa istituzzjoni oħra fi ħdan il-qafas Kostituzzjonali tal-pajjiż. Tgħid Ian Refalo jkun jixtieq jipparaguna dan kollu mal-mudell ta’ Westminster biex jintebaħ kemm qed jinterpreta ħażin il-wirt istituzzjonali Ingliż tagħna u l-mod ta’ kif aħna irnexxielna neqirduħ?
Nagħlaq b’dan li ġej. Il-bieraħ il-Grupp Parlamentari Laburista “adotta” r-rapport ta’ Mario Cutajar li sejjaħ bħala mhux korretti r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika u li għalhekk dawn ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu njorati. Ma taħsbux li din l-imġieba tagħtini raġun? Il-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika huwa kontabbli lejn il-Parlament. Dan fassal rakkomandazzjonijiet dwar il-mod kif jistgħu jissaħħu s-setgħat tal-Parlament u dwar kif is-setgħa tal-eżekuttiv tista’ tiġi limitata fil-prattika. Il-gvern wieġeb billi fittex li jħares is-setgħa kbira li għandu u nqeda’ bil-kap tas-servizz ċivili li serva ta’ pupazz hu u jgħidilna li l-Parlament għandu joqgħod lura u jżomm postu.
U x’għamlu l-membri tal-Grupp Parlamentari Laburista? Minflok qabżu għall-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika li għamel rakkomandazzjonijiet favur il-Parlament li huma jagħmlu parti minnu, appoġġjaw lill-gvern li jiffirmalhom iċ-ċekkijiet tal-paga tagħhom.
Għaliex l-aqwa l-flus. L-aqwa s-setgħa.