Il-gvern iddikjara fil-qorti llum li kien reġa’ bdielu u li ddeċieda li ma jappellax mis-sentenza tal-qorti li biha ġiet aċċettata t-talba ta’ Repubblika biex il-kwistjoni dwar jekk il-membri tal-ġudikatura f’Malta humiex tassew indipendenti tgħaddi f’idejn il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Dan ifisser li l-Qorti Ewropea ser tiddeċiedi dwar jekk is-setgħa li għandu l-prim ministru ta’ Malta li jaħtar l-imħallfin u l-maġistrati tammontax għal ksur tal-liġijiet Ewropej jew le.
Is-sentenza favur li l-kwistjoni tgħaddi f’idejn il-Qorti Ewropea ingħatat il-ġimgħa li għaddiet mill-Imħallef Mark Chetcuti iżda l-Avukat Ġenerali Peter Grech immedjatament kien iddikjara fil-qorti li l-uffiċċju tiegħu kien bi ħsiebu jappella mis-sentenza.
Illum Peter Grech lill-Imħallef Chetcuti qallu li l-gvern mhux bi ħsiebu jappella. Għaldaqstant l-Imħallef għadda abbozz ta’ lista ta’ mistoqsijiet li bi ħsiebha tagħmel il-qorti lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja lill-avukati ta’ Repubblika u lil dawk tal-Avukat Ġenerali u tahom għaxart ijiem żmien biex jissottomettu l-kummenti tagħhom qabel il-qorti tibgħat it-talba finali tagħha fil-25 ta’ Novembru. Fi kliem l-Imħallef, wara dan l-istadju, il-każ ma “jibqax f’idejja”. Hekk kif ġie mistoqsi mill-Avukat Ġenerali u mill-avukat Joe Brincat (li qed jidher parte civile) jekk hux ser ikun hemm il-possibilità li jsiru aktar kummenti u sottomissjonijiet dwar il-mistoqsijiet li ser jiġu mgħoddija lill-Qorti Ewropea, l-Imħallef talab lill-partijiet jibgħatulu l-kummenti tagħhom dwar l-abbozz li kien ħejja. Jekk ma jsirx dan, iddikjara l-Imħallef, “il-kwistjoni issa tinsab f’idejja”.
Illum l-Avukat Ġenerali kien assistit minn rappreżentanti tad-Direttorat tal-UE. Repubblika qed issostni li l-gvern m’għandux jaħtar aktar persuni għall-ġudikatura sakemm tiġi riformata s-sistema tal-ħatriet. Repubblika dan l-argument kienet għamlitu fil-qorti qabel il-gvern kien qabad u għamel diversi ħatriet li permezz tagħhom inbidlu 13% tal-membri tal-ġudikatura bis-saħħa ta’ sistema li l-membri tal-Kummissjoni ta’ Venezja kienu ddikjaraw li tmur kontra l-prinċipji tad-demokrazija.
Il-Qorti Ewropea għall-ewwel mistennija tiddeċiedi dwar jekk dan il-każ għandux jinstema’ bl-urġenza.