Dalgħodu jien ktibt dwar il-kunflitt ta’ interess li għandu Alfred Pulè, il-persuna li nħatret fuq il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar f’Ottubru li għadda mill- Ministru Ian Borg biex tieħu post Matthew Pace li kien irriżenja minn fuq l-istess Bord wara li nkixef il-kunflitt ta’ interess fil-każ tat-torri tad-DB. Jien ktibt dwar il-fatt li Alfred Pulè kien fin-negozju ma’ Joseph Portelli li b’mod mill-aktar kontroversjali ngħata permess mill-Bord tal-Ippjanar biex jibni villa mdaqqsa fir-raba’ fl-irdum tal-Qala. Ftit ħin wara, l-ministru Ian Borg permezz tal-Facebook ħabbar ir-riżenja ta’ membru tal-Bord tal-Ippjanar – li ismu baqa’ ma semmieħx – u dan wara li, skont hu, kienet inġibditlu l-attenzjoni tiegħu minn membru parlamentari dwar il-“possibilità” ta’ kunflitt ta’ interess.

Il-ministru qed jinsisti li dan il-kunflitt ta’ interess m’għamel ebda effett fuq id-deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ippjanar. Mhux magħruf il-ministru fuq liema kriterju sejjes din il-konklużjoni, iżda stqarrijiet bħal dawn wieħed għandu jistennihom minn min jibqa’ jinsisti li ħofra f’triq fil-fatt mhix ħofra.

Ian Borg x’aktarx mingħaliħ li jien tirt bil-ferħ għaliex dak li ktibt wassal għar-riżenja ta’ uffiċjal pubbliku. Dan jaħseb b’dan il-mod għax bħal speċi jixtieqna nistmawħ bħallikieku hu xi xempju tal-governanza tajba. Lil Alfred Pulè ħatru hu x-xahar li għadda wara li dan “wiret” il-post battal ta’ Matthew Pace li kien inħatar mill-ministru ta’ qablu u li spiċċa biex għamel tgħaffiġa sħiħa. Iżda jidher li lil Alfred Pulè naqsu li jgħadduh mill-għarbiel biex jaraw dan il-bniedem kienx adattat għal kariga bħal din.

Taħt il-liġijiet tal-ippjanar kull uffiċjal tal-Awtorità huwa fid-dmir li jiddikjara f’reġistru l-ġid li jkollu. F’Novembru 2018, Ian Borg kien ċaħad it-talba li kien għamillu fil-Parlament Karol Aquilina biex dan ir-reġistru jkun aċessibbli għall-pubbliku. Ian Borg kien ġab skuża li l-informazzjoni f’dan ir-reġistru hi waħda ta’ natura kunfidenzjali.

Il-bieraħ jiena staqsejt lill-Awtorità dwar jekk Alfred Pulè kienx iddikjara l-interessi tiegħu qabel seħħ dan il-każ u dan fl-isfond tan-negozju li għandu mal-iżviluppatur Joseph Portelli. S’issa għandi ma rċievejt ebda tweġiba. Jista’ jkun hemm aktar minn raġuni waħda għal dan is-skiet. Jew l-Awtorità tal-Ippjanar kienet għadha ma talbitx lil Alfred Pulè – li kien ilu biss xahar fil-kariga – jiddikjara l-interessi tiegħu: imġieba li tammonta għal negliġenza grassa li għaliha xi ħadd ikun jeħtieġ li jwieġeb. Jew inkella Alfred Pulè għamel id-dikjarazzjoni li jinsab fin-negozju ma’ Joseph Portelli u xorta waħda b’mod skandaluż tħalla fuq il-Bord biex japprova l-iżvilupp tal-Qala, f’liema każ xi ħadd jeħtieġ li jwieġeb ukoll.

X’aktarx il-verità hi li Alfred Pulè naqas li jiddikjara l-interess tiegħu fin-negozju li għandu ma’ Joseph Portelli. Ma nagħmlux mod li kien Joseph Portelli stess li lil Ian Borg issuġġerielu lil Alfred Pulè bħala persuna adatta biex isservi fuq il-Bord tal-Ippjanar? Jekk dan kien il-każ, Ian Borg il-parir li ngħata kien aċċettaħ? Li kieku din l-istorja seħħet x’imkien ieħor fid-dinja, ċertament ma kinitx tieqaf ħesrem b’kitba fuq il-Facebook mill-ministru. Il-ministru kien ikollu jwarrab u l-Parlament kien jintalab jagħmel inkjesta dwar l-imġieba tal-gvern.

Iżda f’Malta affarijiet bħal dawn lanqas biss noħolmu bihom.