Stqarrija ta’ Repubblika, #occupyjustice u manueldelia.com

Stqarrija ta’ Repubblika, #occupyjustice u manueldelia.com

Illejla rajna attakk fuq id-demokrazija Maltija u fuq il-ġustizzja. Il-prim ministru eżerċita l-poteri sproporzjonati tiegħu biex ipproteġa lill-akbar ħabib tiegħu jekk mhux lilu nnifsu milli jħallsu għal egħmilhom.

Ir-rilaxx ta’ Keith Schembri ma jinftihemx.

Yorgen Fenech qed ikun akkużat li qatel lil Daphne Caruana Galizia. Il-mottiv tal-qtil hu li kixfet 17 Black li twaqqfet biex ixxaħħam lil Keith Schembri u Konrad Mizzi. Keith Schembri u Konrad Mizzi jridu jħallsu t’egħmilhom. U fuq struzzjonijiet tal-prim ministru qed jiġu protetti.

Joseph Muscat kellu jirreżenja biex iħalli l-perkors tal-ġustizzja jaħdem. Minflok żamm il-kontroll fuq il-Kummissarju Lawrence Cutajar u l-Avukat Ġenerali Peter Grech u assigura li l-ħbieb tiegħu u hu ma tmisshomx il-ġustizzja.

Dan effettivament ifisser li f’Malta m’għadx baqa’ funzjonament kostituzzjonali effettiv. Għandna minflok prim ministru li jsaltan fuqna u l-ħbieb tiegħu jistgħu jisirqu, anke joqtlu, u jibqgħu jagħmlu li jridu.

M’aħniex ser naċċettaw dan l-oltraġġ viljakk u dan se ngħiduh bl-aktar mod manifest biex id-dinja tkun taf li mhux il-Maltin kollha huma korrotti, ħallelin u qattelin.

Insejjħu lill-Maltin kollha ta’ rieda tajba għada l-Ġimgħa, 29 ta’ Novembru 2019 fis-6 pm biex iseħħbuna fi protesta paċifika iżda rrabjata. Fi Pjazza Kastilja, fil-Belt Valletta.

28.11.2019