Joseph Muscat għandu jirreżenja jew il-Parlament għandu jkeċċih

Repubblika, #occupyjustice u manueldelia.com qegħdin isejħulkom biex tinaghqdu magħhom illum.

Jekk int membru tas-soċjeta’ ċivili, jekk tħoss li darba wara l-oħra, gidbulek, jekk inti tħoss li dawk li qegħdin fid-dover li jipproteġu lil pajjiżna u l-istituzzjonijiet tagħna ttradew il-pajjiżnaż, allura tridu tkunu Kastilja illum, 20 ta’ Novembru 2019, fis-6 ta’ filgħaxija biex teżiġu li l-parlamentari jwarrbu lil Joseph Muscat minn Prim Ministru, jekk qabel dan ma jirreżenjax minn jeddu.

Joseph Muscat missu keċċa lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi minnufih fi Frar 2016. Dan m’għamlux. Minflok pproteġihom u hekk għadu qed jagħmel, anke wara li Keith Schembri rtira l-kawża tiegħu din il-gimgħa. B’dan l-aġir Joseph Muscat ħalaq stat ta’ impunità – stat tal-Mafja – li mhux biss ppermetta li kuntratt korrott jiġi mogħti imma wassal għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Joseph Muscat huwa responsabbli għal dak li huwa stess ddeskriva bħala “assalt fuq id-demokrazija tagħna”. Issa jkollu jitlaq.

Jekk ma jitlaqx minn jeddu, irid jiġi mkeċċi. Il-partit tiegħu, il-grupp parlamentari tiegħu, il-Parlament għandu il-poter u d-dover li jkeċċuh jekk ma jitlaqx.