Ta’ Kastilja lill-ġurnalisti qed itarrfulhom li Joseph Muscat se jħabbar li se jwarrab f’nofs Jannar. Dan m’huwiex aċċettabbli. Bi ħsiebna nkomplu bil-protesti tagħna għallinqas sa dakinhar li jwarrab. Issa li ħarġet il-verità, m’aħniex se nieqfu nissieltu biex issir ġustizzja.
Joseph Muscat ma jistax jiddetta hu ż-żmien meta għandu jwarrab. M’huwiex se jirtira u r-riedni jgħaddih lil ħaddieħor qisu xi Mosè fil-periferija tal-Art Imwiegħda. Joseph Muscat se jwarrab rasu baxxuta talli wettaq l-akbar gidba fl-istorja politika ta’ pajjiżna. Se jwarrab sabiex pajjiżna jkun jista’ jinfeda’ mill-mafja li hu ppermetta li taħkem lill-gvern tiegħu.
Jekk il-pulizija tkun trid tarrestak, ma tmurx tgħidilhom li jkunu jistgħu jagħmlu dan wara l-festi tal-Milied għax ma tkunx trid tgħarraq il-festi.
Jekk lid-dinja rridu nuruha li l-gvern tagħna m’għadux maħkum mill-ħallelin, il-ħallelin jeħtieġ li jwarrbu issa, preferibbilment niżlin it-taraġ ta’ Kastilja bil-manetti f’idejhom, libsin ġakketta tal-ħabsin u miżmumin minn pulizija mmaskati.
Dak li jħassibni wkoll hu li l-presenza tiegħu f’Kastilja tagħtih l-opportunità li jidfen il-provi: dak li t-Taljani jsejħulu insabbiamento. Dak li jħassibni issa huma s-servers tiegħu ta’ josephmuscat.com u Alla biss jaf liema e-mail accounts sigrieti għamel użu minnhom. Li jħassibni hu x’kwalità ta’ provi ħalla warajh f’daru Keith Schembri fil-lejl ta’ qabel l-arrest tiegħu.
Il-Pulizija u l-Maġistrat inkwirenti għandhom jieħdu ħsieb jippriservaw u jerfgħu l-provi.
Hemm għalfejn toqgħod tintervjeni Repubblika biex tagħmel dak li suppost qiegħdin jagħmlu l-istituzzjonijiet u titlob inkjesta maġisterjali dwar cover-up kriminali? Ibqgħu ċerti li Repubblika dan ser tagħmlu jekk ikun meħtieġ.
Tgħid ser niġu bżonn xi kelb xammiem ieħor?
X’aktarx li tal-Labour qed jittamaw li l-partit ma jiġux effettwat ħażin. Din m’hix kwistjoni dwar iċ-ċansijiet li għandhom li jirbħu l-elezzjoni li jmiss – fis-sitwazzjoni li ninsabu fiha, iċ-ċansijiet jibqgħu li jirbħu huma. Iżda ċertament qiegħdin jaraw li jeħtieġ li żżernaq repubblika ġdida li ma tkunx repubblika li fiha n-nies tiffolla biex tagħti l-appoġġ tagħha lill-ħallelin jew lil dawk li għattew ix-xtur tagħhom.
Bil-għan li jibdew jakkwistaw kredibilità ġdida, il-politiċi ta’ kull lewn għandhom l-aħħar opportunità biex bis-serjetà jżommu ruħħom il-bogħod mill-korruzzjoni li sostnew.
U biex jerġa’ jintraddilhom lura r-rispett, l-istituzzjonijiet – b’mod partikolari l-pulizija – m’għandhomx jibqa’ jkollhom suddizzjoni mill-politiċi u għandhom jieħdu azzjoni mingħajr ma jħarsu lejn l-uċuħ.
Joseph Muscat gidbilna f’wiċċna. B’mod partikolari gideb f’wiċċ il-ministri u l-kollegi tiegħu. Warrbuħ illum qabel għada.
Għada ngħaqad magħna fil-protesta.