Dan li ġej kont ktibtu għall-ewwel darba f’The Sunday Times of Malta f’Lulju 2017. Aħsbu ftit dwar il-raġuni l-għala Joseph Muscat irid jibqa’ bħala prim ministru “caretaker” sakemm il-Partit Laburista jagħżel il-mexxej il-ġdid tiegħu.

L-għażla ta’ Nixon

Minkejja l-fatt li kien fl-ewwel terminu presidenzjali tiegħu ta’ erba’ snin li kien wettaq ħafna taħwid, Richard Nixon kien reġa’ ġie elett bħala President b’maġġoranza ferm akbar. Il-kritika li kien beda’ jaqla’ mill-istampa ma kienitx għamlitlu tant ħsara. Lill-Partit Repubblikan, Nixon kien taħ ħajja ġdida, għall-ewwel darba Demokratiċi li jgħixu fin-nofsinhar tal-pajjiż bdew jivvutaw għall-partit tiegħu u rnexxielu wkoll jimmobilizza votanti żgħażagħ. Hu u jiċċelebra r-rebħa li kien kiseb, huwa kien deher invinċibbli. Ir-rebħa tiegħu kienet żiedet il-fiduċja kemm tiegħu kif ukoll dik tal-partit.

Madankollu, matul it-tieni terminu, beda’ jidher ċar il-qerq tiegħu u Nixon spiċċa biex kellu jħallas l-ogħla prezz politiku: iwarrab minn jeddu jew jitkeċċa.

Gerald Ford, il-Viċi-President lejali li kellu, forsi għaliex kellu ħeġġa żejda biex jeħodlu postu jew forsi minħabba s-suddizzjoni li kellu, wiegħed li joħroġlu maħfra malli jsir president hu. Hekk kien għamel u l-presidenza tiegħu spiċċat biex mietet qabel twieldet.

Tul dawn l-aħħar tmintax il-xahar, Joseph Muscat kien is-suġġett ta’ kritika ħarxa. Dakinhar li feġġet fil-beraħ l-investigazzjoni dwar il-Panama Papers, Muscat ipprova jnaqqas l-importanza ta’ dak li nkixef fis-sens li l-assistent tiegħu kien ħoloq strutturi internazzjonali biex jiskansa mill-ħlas tat-taxxi dovuti lill-kaxxa ta’ Malta. Bħal kull mexxej ieħor ta’ xi repubblika tal-banana, Muscat kellu jistqarr li ma kien jara xejn ħażin b’dak li kien ħema’ l-assistent tiegħu.

Kellu wkoll jagħlaq għajnejħ għall-fatt li, fi żmien ftit jiem minn dakinhar li ħadu r-riedni tal-pajjiż f’idejhom, l-assistent tiegħu Keith Schembri u dak li huwa ried bħala deputat mexxej tal-partit Konrad Mizzi, kienu ħolqu kumpanniji sigrieti fil-Panama.

Kien kostrett ukoll li jinjora ħaġ’oħra: meta nkixef li kien hemm ukoll it-tielet kumpannija li ngħad li kienet ta’ xi ħadd li hu “aktar importanti” minn Mizzi u Schembri, bosta kienu dawk li basru li din il-kumpannija kienet tal-prim ministru nnifsu.

Muscat dan ċaħdu. Sakemm persuna li ma kellha xejn x’takkwista u li ma kellha ebda interess tkellmet u qalet li f’idejha kellha provi li din il-kumpannija fil-fatt kienet tiegħu. Aktar tard kompla jiċħad u stqarr li “m’huwiex ħalliel”.

Muscat wera’ ħila u saħħa tremenda meta, minkejja dawn l-allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni fil-konfront tiegħu, reġa’ rebaħ b’mod konvinċenti.

Sitt ġimgħat wara l-elezzjoni, f’nofs l-istaġun sħun tas-sajf, it-tendenza kollettiva nazzjonali kienet waħda – minkejja l-provi ta’ korruzzjoni li kienu nkixfu qabel l-elezzjoni – favur bidu ġdid. It-tendenza favur bidu ġdid kienet waħda popolari: bosta huma dawk li jippreferu jibdew mill-ġdid u jaqilbu l-paġna speċjalment fuq paġna sewda bħalma hi dik tal-iskandlu tal-Panama.

L-enerġija li ħassew bosta persuni ftit qabel l-elezzjoni  jidher li ġiet fix-xejn u issa dawn qed ikollhom jammettu li s-saħħa li ħasbu li kellhom li jwettqu l-bidla ma serviet għal xejn. Speċi ta’ ġaladarba Muscat huwa ntokkabbli, ta’ xejn li toqgħod tintilef f’rabja.

Dan kellu effett straordinarju fuq ix-xenarju politiku. Dan l-istagħġib kollu b’Muscat s’issa rrenda lit-tellieqa għat-tmexxija tal-PN f’waħda ta’ bla immaġinazzjoni. Jidher li l-effett Muscat sa wasal biex intimida li uħud li wieħed kien jistenna li sejrin jikkontestaw għat-tmexxija tal-partit. Din is-sitwazzjoni ġiegħel lil bosta jħarsu lejn il-kandidati li sejrin itellqu b’għafsa ta’ qalb – l-istess għafsa ta’ qalb li ħassew dawk li b’għajnejhom raw lil Theseus jaqbad triqtu fil-labirint biex isalva lit-tfajla minn taħt id-dwiefer ta’ ġgant bil-qrun.

Minkejja l-impatt li kellu fuq il-PN, l-impatt li Muscat kellu fuq il-PL ma kienx ward u żahar daqs kemm huwa xtaq li jkun. Muscat jaf sew il-punt sa fejn jistgħu jaslu l-investigazzjonijiet dwar il-Panama, dwar l-Egrant u dwar il-Pilatus. Għamel li seta’ biex investigazzjoni kif suppost jinnewtralizzaha, bagħbas fil-ħatriet (per eżempju fil-ħatra tal-kummissarju tal-pulizija), intimida lil min għandu kariga ta’ responsabbiltà (araw kif, per eżempju, wissa’ lill-maġistrat inkwirenti Aaron Bugeja fuq it-televiżjoni), persuni b’ħatriet kostituzzjonali nnewtralizzahom (għal darb’oħra l-kummissarju tal-pulizija, l-Avukat Ġenerali u l-uffiċċju ta’ kontra l-ħasil tal-flus and his strategic influence on the anti-money laundering office) bil-għan li jipproteġi lilu nnifsu, lis-setgħa tiegħu u lill-pożizzjoni tiegħu personali.

Ta’ ġurdien xiħ li hu, Muscat ma jistax ikun li ma ħasibx fi pjan alternattiv. Wara kollox, mhux kollox jinsab taħt il-kontroll strett tiegħu. Li kieku ma kienx hekk, il-Panama Papers ma kienux jinkixfu. Bħalissa x’aktarx qed iħoss li ħadd u xejn ma jista’ għalih. Il-ġurnalisti li kitbu b’tant reqqa dwar l-iskandlu tal-Panama issa għejjew u kważi kważi jippreferu li jiktbu dwar affarijiet oħrajn. Il-partit fl-Oppożizzjoni bħalissa għaddej mill-akbar kriżi eżistenzjali li qatt kellu mill-1947 ‘l hawn. L-investigaturi żelanti tal-Financial Intelligence Analysis Unit twarrbu bil-pulit. Min jista’ jżommu issa?

Din il-mistoqsija m’għandix il-ħila li nweġibha. Għalkemm nista’ nxomm xi ħjiel dwar tweġiba minn ċerti għejjun mhux mistennija.

Meta Louis Grech warrab minħabba raġunijiet li wieħed jista’ jifhimhom, floku Muscat xtaq li jilħaq xi ħadd tal-għamla ta’ Gerald Ford. Jiġifieri xi ħadd li ma jkollu ebda ambizzjoni li jeħodlu postu jew xi ħadd li jikkuntenta li jkun id-deputat mexxej biss.

Muscat ma qgħadx jagħmodha meta’ indika li bħala deputat tiegħu ried lil Helena Dalli jew lil Edward Scicluna. Lejlet l-elezzjoni tad-deputat mexxej, il-messaġġ tiegħu dwar il-ħtieġa li jkun hemm aktar nisa involuti fil-politika tkellem waħdu. U jekk mhux Helena Dall, xtaq lil  Scicluna – l-imgħallem li mbagħad sar l-istudent tiegħu.

Lil Chris Fearne ċertament Muscat ma ridux. B’kuntrast għat-tnejn l-oħra Fearne għandu l-kwalitajiet ta’ mexxej u għalhekk deputat mexxej perikoluż  u meta tinqala’ l-opportunità ibqgħu ċerti li ser ikun lest għat-tellieqa.

Fl-aħħar elezzjoni, Fearne ippreżenta ruħu bħala t-tweġiba sensata għall-qaddej politiku ta’ Muscat: Konrad Mizzi. Iżda Fearne, b’differenza għal Mizzi, ilu fil-partit minn żogħżitu u ħadem fih kemm fil-glorjuż kif ukoll fid-doloruż. Għandu wkoll l-immaġni ta’ soċjalist b’kuxjenza soċjali li jgħidha kif iħossha. Dan jikkuntrasta ferm mal-kliem tqil tan-negozjanti li juża Konrad Mizzi.

Iżda meta Fearne iqabbel lilu nnifsu ma’ Mizzi, mingħajr ma jaf ikun qed iqabbel lilu nnifsu ma’ Muscat. Ikun irid iwassal il-messaġġ li hu jinsab fuq in-naħa tal-pazjent fl-isptar tal-gvern u mhux fuq in-naħa tal-iżviluppatur miljunarju. Li hu daħal għal ħajja pubblika biex ikun ta’ servizz u mhux biex jerda’ l-miljuni.

Taħsbux li d-delegati Laburisti l-messaġġi ta’ Muscat ma fehmuhomx. Tant fehmuhom, li bgħatulu messaġġ b’risposta. Dawn ukoll jifhmu li mhux kollox jinsab taħt il-kontroll strett ta’ Muscat u li allura jeħtieġ li jkun hemm pjan alternattiv.

Eżatt bħal Macbeth qabel iċ-ċena, issa Muscat ser jitħasseb dwar jekk is-suċċessur tiegħu huwiex ser ikun lest jew le li jagħtih maħfra malli jiġi ffaċċjat bl-għażla li kellu Nixon.