Bil-Malti ngħidu li “nqela b’żejtu”. Tliet snin ilu Keith Schembri għamel kawża ta’ libell kontra Simon Busuttil għax l-istess Simon Busuttil kien xlieħ li huwa bniedem korrott. Fis-16 ta’ Ottubru 2017, kien xehed li huwa innoċenti. Ftit sigħat wara, Daphne Caruana Galizia, il-ġurnalista li qabditu jarma karus fil-Panama, nqatlet permezz ta’ karrozza-bomba.
Minn dakinhar ‘l hawn baqa’ jipprova jiżloq milli joqgħod għall-mistoqsijiet in kontro-eżami mill-avukati ta’ Simon Busuttil u kompla jilgħab man-nar. Fi stadju minnhom, il-maġistrat li kien qed jisma’ l-kawża, għall-għarrieda ngħata promozzjoni u nħatar bħala mħallef mill-imgħallem ta’ Keith Schembri, Joseph Muscat. Francesco Depasquale inħatar bħala mħallef f’April 2019 f’ċerimonja organizzata mill-gvern wara li kienet saret kawża mis-soċjetà ċivili li talbet biex din iċ-ċerimonja tiġi dikjarata llegali. Aktar tard, Francesco Depasquale għadda s-smiegħ tal-kawża ta’ libell ta’ Keith Schembri lil Maġistrat li kien għadu kemm ħa l-ħatra fl-istess ċerimonja: Victor Axiaq.
Dalgħodu Keith Schembri ma setgħax ikompli jtawwal u deher il-qorti. Fil-bidu tas-seduta, l-Maġistrat stqarr li kien avviċinaħ informalment “xi ħadd” li ssuġġerielu li jirrikuża ruħu mis-smiegħ tal-kawża għaliex fl-imgħoddi kien l-avukat ta’ Nexia BT.
Dan ix-“xi ħadd” min hu? U dan ix-“xi ħadd” avviċinaħ informalment? X’inhi din? Jaqaw din xi farsa bħal dawk li jseħħu fir-repubbliki tal-banana?
Il-Maġistrat stqarr li xorta waħda kien bi ħsiebu jisma’ lil Keith Schembri jixhed fuq il-pedina tax-xhieda. L-avukati ta’ Keith Schembri qalu li l-klijent tagħhom m’għandux jixhed għaliex jista’ jagħti l-każ li jkun qed jinkrimina ruħu. Iżda l-Maġistrat ma qabilx u ordna lil Keith Schembri biex jixhed. L-avukati ta’ Keith Schembri talbu żmien biex jappellaw mid-digriet. Iżda l-Maġistrat deherlu li Keith Schembri kellu jixhed. L-avukati ta’ Keith Schembri talbu li l-kwistjoni tmur quddiem il-Qorti Kostituzzjonali. Il-Maġistrat reġa’ ma qabilx u ordna lil Kieth Schembri biex jixhed.
Meta Keith Schembri tela’ biex jixhed fuq il-pedana tax-xhieda, Jason Azzopardi wrieh stqarrija li huwa stess kien għamel sena ilu u li fiha kiteb li kien fassal “abbozz ta’ pjan” sabiex jagħmel in-negozju privat ma’ 17 Black u ma’ Macbridge. Qabżu l-avukati ta’ Keith Schembri u qalu li l-klijent tagħhom ma setgħax iwieġeb għaliex jibża’ li jista’ jinkrimina ruħu.
U mbagħad ċeda l-armi.
Wara li l-Maġistrat ordnalu ħames darbiet biex joqgħod għall-kontro-eżami f’kawża ta’ libell li kien għamel huwa stess u qallu li kien ser jieħu passi kontrih kemm il-darba ma joqgħodx għall-ordni tal-qorti, Keith Schembri ċeda l-armi.
Ċeda l-kawża u effettivament ammetta li:
1. l-allegazzjonijiet li kien għamel Simon Busuttil fil-konfront ta’ Keith Schembri huma minnhom;
2. jaf b’affarijiet li, jekk jinkixef dwarhom, ikun ħati ta’ reat kriminali.
Illum Repubblika stqarret li kull persuna għandha dritt li ma tiġix imġiegħla tixhed jekk din ix-xhieda tista’ tinkriminaha. Fil-qorti Keith Schembri għandu drittijiet daqs ħaddieħor. Iżda barra mill-awli tal-qorti, Keith Schembri huwa l-aktar bniedem setgħan fil-pajjiż. Huwa uffiċjal mill-aktar għoli tal-gvern. Uffiċjali għolja tal-gvern li jammettu pubblikament li jafu b’affarijiet li jistgħu jinkriminawhom għandhom bilġri jdabbru rashom b’kemm għandhom saħħa.
Aħsbu ftit fl-ispejjeż, fil-weġgħat u fit-theddid fil-konfront ta’ bosta persuni li lkoll saru minn dan il-bniedem biex jirrepeti l-gideb kollu li gideb biex igħatti x-xtur kriminali tiegħu. Keith Schembri nħaraq waħda sewwa. Ilna “nafu” għal żmien twil li Keith Schembri huwa uffiċjal pubbliku kriminali li huwa ħalliel, giddieb u korrott li jabbuża mis-setgħa permezz tat-tixħim.
Il-prim ministru dan kollu jafu.
Tiftakru kemm kien insista l-Partit Laburista li d-deputat tal-PN Toni Bezzina kellu jwarrab għaliex kien tilef kawża ta’ libell meta tal-One TV kienu xandru rapport li ħaddem gaj irġiel impjegati mal-gvern għal 5 siegħat biex ibajdu kamra fil-każin tal-PN fiż-Żurrieq?
Iżda meta Chris Cardona kien ċeda libell wara li kien ġie akkużat talli attenda f’burdell biex ikollu x’jaqsam mal-prostituti meta suppost kien fuq xogħol tal-gvern, tal-Labour ma tniffsux.
Il-każ ta’ Keith Schembri huwa ħafna aktar serju. Dan għadu kemm ċeda kawża ta’ libell li kien għamel huwa stess biex jiddefendi lilu nnifsu minn akkuża mill-aktar gravi. L-aħħar darba li Keith Schembri kien il-qorti biex jixhed, Daphne Caruana Galizia kienet għadha mimlija bil-għomor. Dakinhar kienet kitbet l-aħħar artiklu tagħha b’dan il-kliem: “Kull fejn tħares, ninsabu mdawwrin bil-ħallelin”.
Għall-mument qasir ħafna, kelli l-ħajra li nikkonkludi din il-kitba – tafu intom – bi kliem li nibqa’ mfakkar għalihom daqslikieku din ser tkun l-aħħar kitba tiegħi. Iżda m’għandhiex kliem elokwenti biżżejjed x’nikteb.
Minflok se nikteb erba’ kelmiet għall-attenzjoni ta’ Keith Schembri: Dabbar rasek. Issa. Issa. Issa.