Lejlet l-elezzjoni tal-2017, Joseph Muscat ttanta jbeżżana bl-elezzjoni mill-ġdid tal-PN fil-gvern. Il-kuntest kien intervista televiżiva li kien għamillu Saviour Balzan meta dan staqsih kienx bi ħsiebu jżomm lil Keith Schembri f’postu. Joseph Muscat wieġeb billi fakkarna li Lawrence Gonzi kien ħatar — skużi — social worker bħala chief of staff tiegħu. Jaqq.
Konna fhimna x’ried jgħid biha. Xogħol is-social worker hu li jieħu ħsieb dawk li huma l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna. Xogħolu hu li jikkoreġi l-inugwaljanzi f’dawk li huma pagi, li jara li l-ġid jitqassam b’mod ġust, li l-kilba għall-profitti tkun kontrollata biex ma jbatux l-emarġinati u ma jibqa’ lura kemm jista’ jkun ħadd.
Joseph Muscat kien ħatar iċ-chief of staff tiegħu: negozjant li jifhem il-ħtiġijiet tan-negozju, li jsib tarf tax-xkiel fuq in-negozju u li jassigura li l-iżviluppaturi u l-investituri jingħataw il-libertà li jkunu jridu.
M’għamel ebda riferenza għall-isfidi li qed ikollna fit-tħaris tal-ambjent. Ebda diskors dwar id-dinjità tal-bniedem, ebda kelma dwar id-drittijiet tal-ħaddiema u dwar l-inklużjoni soċjali u l-ġustizzja.
Anzi, dawn l-ideat għażel li jiddieħak bihom.
Agħtu daqqa t’għajn lejn dan il-filmat.
Issa, wara li għaddew ftit aktar minn sentejn, nistgħu nintebħu fejn wassalna l-ħolqien tal-mostri tal-libertinaġġ, tal-kilba bla kontroll għall-flus u tat-twarrib ta’ kull kunsiderazzjoni soċjali.
Din m’hix biss kwistjoni dwar il-fatt li Joseph Muscat iridha ta’ soċjalista – għax il-fatti juru mod ieħor. Din hi problema li xi darba kemm hu kif ukoll il-partit tiegħu jkollhom isibu tarfha.
It-tfittxija tal-profitti li jkunu nixfin mill-etika hi mostrosità. M’hemmx dubju li lill-investituri u lill-iżviluppaturi neħtieġuhom biex jitkattar l-ġid fil-pajjiż u li neħtieġu gvern li dan kollu jifhmu sewwa. Iżda jekk gvern ikun jeħtieġ li jifhem dan biss, ma jkollna bżonn ta’ ebda gvern u l-pajjiż ikun jista’ jibda’ jitmexxa minn xi kamra f’Portomaso.
Il-gvern qiegħed hemm biex jiżgura li ħadd ma jibqa’ lura u dan ifisser li jkun jeħtieġ li l-kilba għall-profitti tkun kontrollata biex b’hekk il-ġid jitqassam kemm jista’ jkun fost kulħadd. Fi kliem ieħor, li kieku l-prim ministru kellu social worker bħala chief of staff, ma kienx jispiċċa fil-gwaj li kaxkru għal ġo fiha Keith Schembri.