Evarist Bartolo issa semma’ lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi u talabhom iwarrbu.

Jien nista’ nwieġbu billi ngħidlu li dak li qed jistqarr illum kien messu qalu tliet snin ilu. Nista’ nwieġbu billi ngħidlu li kieku dan kollu stqarru tliet snin ilu u għaddiet tiegħu, Daphne illum għadha mimlija bil-għomor. Nista’ nwieġbu wkoll billi ngħidlu li, kieku tliet snin ilu twarrbu Konrad Mizzi u Keith Schembri, m’aħniex fil-morsa li ninsabu fiha issa, bid-dinja kollha tħares lejna bħala pajjiż tal-ħallelin u tal-furbani.

Iżda jeħtieġ li issa ma nweġibux b’dan il-mod.

Madankollu jekk Evarist Bartolo u l-membri tal-grupp parlamentari tal-Partit Laburista jibqgħu ma jitgħallmux mill-iżball li għamlu kull jum matul dawn l-aħħar tliet snin, ikunu għamlu ħsara kbira kemm lill-politika f’Malta kif ukoll lill-pajjiż innifsu.

Huwa ċar li l-istorja li vvinta Chris Cardona fis-sens li nhar is-Sibt li għadda bgħatu għalih fil-kwartier ġenerali tal-pulizija biex jieħu belgħa tè u li issa kollox hu sewwa m’hi xejn ħlief ħmerija. Jekk il-pulizija ma kienux żguri dwar il-mistoqsijiet li riedu jagħmlulu, kienu jmorru jkellmuh f’daru. Ma kienx b’kumbinazzjoni li l-pulizija spiċċaw biex bgħatu għalih fil-kwartier tagħhom fid-dawl tax-xemx.

Tistgħu taħseb kif ser tħossok li kieku l-pulizija kellha tibgħat għalik biex tistaqsik mistoqsijiet dwar qtil li dwaru int ma kellekx x’taqsam. M’hemmx dubju li ma kontx tmur għand il-pulizija frisk bħal ħassa.

Jidher ċar li l-Pulizija m’hix sodisfatta bit-tweġibiet li taha Chris Cardona nhar is-Sibt li għadda. U l-bieraħ bgħatu għal xi persuni li jaħdmu fil-ministeru tiegħu. Ma tantx nista’ ntikom dettalji dwar dan l-iżvilupp għax il-kelliem uffiċjali tal-pulizija, Joseph Muscat, għadu ma tniffisx pubblikament dwaru. Il-kwistjoni dwar jekk il-Pulizija bgħatux għal persuna waħda jew għal aktar minn waħda, jekk dawn ġewx arrestati jew marrux il-kwartier tal-pulizija minn jeddhom m’hix daqstant importanti.

L-importanti hu li dawn iċ-ċirkostanzi kollha juru li l-Pulizija m’hix sodisfatta bl-ispjegazzjonijiet li tahom ministru tal-kabinett dwar l-allegat involviment tiegħu f’assassinju.

Ma jidhirlux Evarist Bartolo li issa huwa żmien opportun biex Chris Cardona jiġi mġiegħel iwarrab?

M’għandniex xi ngħidu, hemm ukoll Joseph Muscat. Jekk iwarrbu Konrad Mizzi u Keith Schembri dan ma jkunx ifisser li d-deċiżjonijet li jkun jeħtieġ li jieħu bħala prim ministru ser jeħfiefu. Lanqas ma jkun ifisser li l-ħila u r-rieda li għandu li jindaħal fl-investigazzjonijiet se tispiċċalhom l-importanza tagħhom.

Joseph Muscat għad għandu interess personali li jsalva l-ġilda politika ta’ Keith Schembri u ta’ Konrad Mizzi. politikament ma jistax jibqa’ jterraq fil-wiċċ fl-assenza ta’ dawn it-tnejn. Barra minn dan, wieħed ma jistax ma jissuspettax li għandu interess personali wkoll fin-negozju li kien sar ma’ tal-Ażerbajġan u mal-familji Fenech, Gasan u Apap Bologna u għaldaqstant jinsab taħt obbligazzjoni biex jiżgura li l-verità tibqa’ mistura u fl-istess waqt in-negozju ma jintmessx.

Għalhekk il-pożizzjoni tiegħu tibqa’ waħda mhux tenibbli, kemm jekk iwarrbu Keith Schembri u Konrad Mizzi kif ukoll jekk dawn jibqgħu ma jwarrbux. Il-ħila tiegħu li jibqa’ jagħtihom il-kenn għadha hemm.

U għalhekk il-ħtieġa li jitwarrab Joseph Muscat tibqa’ waħda urġenti.

Evarist Bartolo jmissu jagħmel dak li hu sewwa u għandu jagħti sinjal li hu favur li l-politiċi tagħna għandu jkollhom livell aċċettabbli ta’ mġieba.

Il-prim ministru kien ħatar, kien għażel u kompla jagħti l-kenn lil Chris Cardona, Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Żammhom f’posthom għal tliet snin sħaħ u fil-frattemp kompliet toħroġ il-verità dwar l-imġieba tagħhom.

Aħsbu ftit dwar il-mod kif Chris Cardona għamel reżistenza feroċi kontra l-ħruġ ta’ provi dwar il-fatt li kien attenda burdell fil-ħin tax-xogħol fl-istess waqt li kien qed jipprova jkisser finanzjarjament il-ġurnalista li kienet kixfitu. Aħsbu ftit fi ċaħdiet li għamel wara li kienet feġġet l-aħbar li kien iltaqa’ mal-assassini li jinsabu mixlija bil-qtil ta’ Daphne. Aħsbu ftit dwar il-mod kif għall-ewwel ċaħad li jafhom u mbagħad reġa’ bdielu u ammetta.

Dak iż-żmien Joseph Muscat kien messu dabbarlu rasu.

U aħsbu wkoll xi ftit dwar dak li issa huwa ċar, anki fl-imħuħ tas-sostenituri ta’ Evarist Bartolo: li l-assassinju ta’ Daphne seħħ biex titgħatta l-korruzzjoni ta’ Keith Schembri u ta’ Konrad Mizzi – korruzzjoni li aħna ilna nafu biha għal żmien twil.

Dak iż-żmien Joseph Muscat kien messu dabbrilhom rashom.

Jekk Evarist Bartolo u sħabu issa ma jwarrbux lil Joseph Muscat, ikunu kompliċi fl-akbar delitt li wettaq, jiġifieri l-glorifikazzjoni tal-impunità. Evarist Bartolo kiteb li s-siġra tal-Labour teħtieġ żabra. Jien ngħidlu li l-partit m’għandux ikun il-prijorità tiegħu. Il-priorità tiegħu għandha tkun il-ħsara li saret lill-pajjiż minn prim ministru li għatta delitti kriminali bħalma huma l-korruzzjoni u forsi anke l-qtil.

Biex Evarist Bartolo jkun jista’ jifhem il-konsegwenzi tal-impunità kulma għandu jagħmel hu li jagħti daqqa t’għajn lill-edizzjoni tal-lum tat-Times of Malta. Keith Schembri u Konrad Mizzi ntalbu jikkummentaw dwar is-sitwazzjoni preżenti. Keith Schembri, ċ-chief of staff tal-prim ministru, jinjora l-mistoqsijiet u ma jindenjax ruħu jwieġeb għall-istqarrija li saritlu fis-sens li Daphne nqatlet biex jitgħatta t-tixħim li kien qed igawdi minnu.

Minn naħa l-oħra Konrad Mizzi wieġeb b’ton ardit u insista li r-riżenja tiegħu minn deputat mexxej tal-Partit Laburista kienet il-kastig tiegħu u li l-elezzjoni mill-ġdid tiegħu fil-Parlament fl-2017 serviet ta’ assoluzzjoni. Mizzi kompla jgħid li ma kienx bi ħsiebu jħalli lin-Nazzjonalisti jeffettwawħ bil-velenu u l-mibgħeda tagħhom. Hekk jifhimha Konrad Mizzi. Jifhimha eżatt bħal Robert Musumeci li jidhirlu li bis-saħħa tar-rebħa elettorali li għamlu fl-2017 tal-Labour għandhom ħames snin li fihom id-delitti kollha tagħhom – jiġifieri korruzzjoni, qtil u x’naf jien – għandhom jiġu maħfura bis-saħħa tal-leġittimità u tal-appoġġ li tahom il-poplu. U dan kollu jażżarda jsejjaħlu s-saltna tad-dritt!

Jekk il-grupp parlamentari Laburista qed jipprova jsib tarf tas-sitwazzjoni b’ miżuri nofs kedda, in-nuqqas tagħhom li jaqbdu l-barri minn qrunu se jġib miegħu konsegwenzi bil-wisq agħar.

Illejla ser niltaqgħu quddiem il-bini tal-Parlament biex infakkruhom f’dak li huwa meħtieġ għall-pajjiż: li Joseph Muscat iwarrab.