Maġistrat illum aċċettat it-talba ta’ Repubblika biex titnieda inkjesta dwar jekk l-avukat Jean Philippe Chetcuti, avukat u soċju mad-ditta legali Chetcuti Cauchi, wettaqx delitt kriminali meta bis-saħħa ta’ kamera moħbija ta’ ġurnalisti Franċiżi nqabad jammetti li għandu s-saħħa li jirranġa l-ħruġ ta’ passaport Malti għal klijent Afrikan li għandu kondotta kriminali. Fil-filmat li xxandar fuq il-kanal Franċiż M6, jidher raġel b’wiċċu mħassar mill-kameraman tal-kanal televiżiv – u li aktar tard ġie identifikat li hu Jean Philippe Chetcuti – jiftaħar dwar il-kuntatti personali mill-qrib li għandu ma’ ministri tal-gvern u mal-prim ministru Joseph Muscat li f’żogħżitu kien jirkeb l-istess karrozza tal-linja tal-iskola miegħu.
Permezz tal-kamera moħbija, Jean Philippe Chetcuti inqabad ukoll jistqarr li s-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia, li hi l-ministru responsabbli għall-bejgħ tal-passaporti Maltin lil nies sinjuruni, kienet qaqoċċa ma’ martu u li l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici kien jaħdem bħala avukat mad-ditta legali tiegħu. Dan il-ftaħir kollu dwar kemm għandu min jaqilgħu fost is-setgħana f’Malta seħħ fil-preżenza ta’ ġurnalist – li taparsi kien qed jitkellem għan-nom ta’ klijenti Afrikani li riedu jixtru passaport Malti – li staqsih jekk Chetcuti Cauchi setgħux jirranġaw biex klijent tiegħu jakkwista passaport minkejja l-fatt li għandu kondotta kriminali. Fil-filmat, Jean Philippe Chetcuti jidher jassigurah li seta’ jirranġalu.
Wara li xxandar dan il-filmat, Repubblika għamlet talba lill-qorti biex titnieda inkjesta Maġisterjali dwar jekk kienx seħħ id-delitt kriminali ta’ tixħim u ta’ eżerċitar ta’ influwenza mhux xierqa. U llum il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo ddeċidiet li Repubblika kienet ipprovdiet raġunijiet biżżejjed biex tinbeda’ inkjesta dwar allegat eżerċitar ta’ influwenza mhux xierqa. Il-Maġistrat qalet ukoll li f’dan l-istadju ma kienx hemm biżżejjed raġunijiet biex tinbeda’ nkjesta dwar tixħim iżda li provi dwar dan jistgħu jirriżultaw mal-mogħdija tal-inkjesta li kienet ser tordna.
Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo hi r-raba’ Maġistrat li qablet mal-interpretazzjoni tas-soċjetà ċivili dwar il-liġi li permezz tagħha tista’ tintalab it-tnedija ta’ inkjesti minn ċittadini privati meta dawn ikollhom raġunijiet suffiċjenti dwar suspett ta’ twettiq ta’ delitt kriminali. Din l-istess interpretazzjoni waslu wkoll għaliha l-Maġistrati Ian Farrugia, Doreen Clarke u Claire Stafrace Zammit.
Għal Repubblika qed jidher l-avukat Jason Azzopardi.