Il-bieraħ diversi NGO’s tkellmu favur it-tkeċċija ta’ Elizabeth Ellul minn fuq il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar. Borma tbaqbaq spiċċat biex faret hekk kif il-Bord approva applikazzjoni biex kamra dilapidata li tinsab fuq l-irdum tal-Qala tiġi konvertita f’villa kbira ġmielha. Elizabeth Ellul ippretendiet li kulħadd għandu jinjora l-fatt li hi għandha relazzjoni ndiretta mal-iżviluppatur Joseph Portelli, u issa qed twaħħal fil-politika tal-ippjanar – politika li għaliha kienet hi stess parzjalment responsabbli – minflok tammetti li kienet responsabbli għall-ħruġ ta’ permess korrott u jinten seba’ pesti għal żvilupp fuq l-irdum tal-Qala li ma kien ikun xejn ħlief monument f’ġieħ il-qerda ambjentali ta’ Malta u Għawdex li issa ilha għaddejja mill-2013. M’għandniex xi ngħidu, monument biex fih Joseph Portelli kien ikollu fejn jitmattar hu u jċafċaf fil-pixxina.

U, f’ġieħ kemm hemm, naqtgħuh id-diskors li ngħad fis-sens li Joe Portelli ddeċieda minn jeddu li jirrinunzja għad-dritt tiegħu li jibni villa fir-raba’ tal-Qala. Il-permess issa nħareġ u meta jfettillu – speċjalment aħna u naljenaw rasna b’xi skandlu ieħor – jista’ legalment iqabbad lill-bennejja tiegħu biex jibdew jibnulu l-villa. Jekk nagħmlu l-iżball li niffokaw biss fuq Elizabeth Ellul, il-gvern ikun jista’ jeħles minnha ħelu ħelu u b’hekk ikun jista’ wkoll jipprova jfarfar mir-responsabbiltà tiegħu stess u bil-pulit idaħħal flokha xi bażużlu ieħor.

Nieħdu l-każ ta’ Alfred Pulè li huwa wkoll membru fuq il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar li vvota favur il-iżvilupp ta’ Joe Portelli fil-Qala. Dan ukoll għandu kunflitt ta’ interess qawwi li mingħalih li ħadd ma jaf bih. Ix-xahar li għadda Alfred Pulè nħatar mill-Ministru Ian Borg biex iservi fuq il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar biex jieħu l-post battal ta’ Matthew Pace. Għandkom tiftakru li  Matthew Pace kien irriżenja minn membru tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar minħabba kunflitt ta’ interess – kien irriżulta li l-aġenzija tiegħu Remax kienet qiegħda tbiegħ l-appartamenti tad-DB Group fl-istess waqt li hu stess kien qed jivvota favur l-approvazzjoni tal-bini ta’ dawk l-appartamenti. Dan il-kunflitt ta’ interess kien ilu magħruf għal xhur sħaħ u jien kont ktibt dwaru f’Lulju tal- 2018. Iżda ħadd ma kien tniffes dwar dan il-kunflitt sakemm imbagħad ittieħdet id-deċiżjoni u kellha tkun il-qorti li f’Ġunju 2019 annullat l-istess deċiżjoni.

F’dan l-istadju, Joseph Muscat u Ian Borg riedu bħal speċi juruna li qegħdin jagħmlu xi ħaġa biex jirrimedjaw u spiċċaw biex ġiegħelu lil Matthew Pace jirriżenja u dlonk ħatru lil Alfred Pulè minfloku. Dan Alfred Pulè kien issemma’ fl-2016 meta kien kiteb fil-ġurnali biex jirribatti dak li kienu qed isostnu diversi residenti f’Ħal Lija li kienu qed jilmentaw dwar l-iżvilupp propost ta’ blokk ta’ appartamenti enormi fil-qalba ta’ żona residenzjali ta’ dak ir-raħal ċkejken. Bosta kienu dawk ir-residenti li nkurlaw għall-fatt li dan l-iżvilupp mostruż kien ser ikerraħ l-ambjent pittoresk tar-raħal.

Alfred Pulè ma qabilx u stqarr li l-blokk ta’ appartamenti kien ser jinbena’ fit-triq li joqgħod fiha hu u li hu ma kellu ebda problema b’dan l-iżvilupp. Stqarr ukoll li dawk li kienu qed jilmentaw joqgħodu ‘l bogħod mill-post fejn kien ser isir l-iżvilupp u għalhekk ma kellhomx għalfejn joqgħodu jilmentaw. Kien kiteb ukoll biex jikkritika lil ċertu Robin Zammit u kien stqarr li dan jgħix il-bogħod ħafna mis-sit tal-iżvilupp u għalhekk ma kellux għalfejn joqgħod jilmenta.

Mal-mogħdija taż-żmien irriżulta li Robin Zammit huwa ġar ta’ Alfred Pulè u kien hemm min ħaseb li din kienet biss kwistjoni ta’ bejn il-ġirien. Kienet is-Sindku ta’ Ħal Lija ta’ dak iż-żmien, Magda Magri Naudi, li kienet kitbet ittra li xxandret f’Lulju 2016 f’The Malta Independent li serviet biex infetħu l-għajnejn. Alfred Pulè mhux biss joqgħod faċċata tal-art li fuqha kien qed jiġi propost il-bini ta’ żvilupp mostruż fil-qalba tar-raħal ta’ Ħal Lija. Kien ukoll is-sid ta’ din l-art. Ma kien għamel ebda riferenza għal dan il-fatt importanti fl-ittri li kien kiteb u, li kieku kien għamel dan, malajr konna nifhmu il-għala kien l-uniku resident ta’ dik it-triq li kien favur l-iżvilupp mostruż li spiċċa biex inbena’.

Dan m’huwiex kollox. Alfred Pulè kien is-sid ta’ din l-art iżda ma kienx ser jiżviluppaha huwa stess. L-iżvilupp tal-art għadda f’idejn żviluppatur li x’aktarx diġà qtajtu min hu: ħadd ħlief Joseph Portelli. Irriżultali li Joseph Portelli kien xtara l-art mingħand Alfred Pulè u l-ħlas kien jikkonsisti parti fi flus kontanti u parti oħra f’appartamenti li kienu ser jinbnew fuq l-art mill-iżviluppatur Joseph Portelli. Dan ma jistax ħlief ifisser li Alfred Pulè u Joseph Portelli huma msieħbin fin-negozju. U issa, ftit jiem biss wara l-ħatra tiegħu fuq il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar li, skont kif stqarr Ian Borg f’din l-intervista ma’ Lovin Malta, saret biex tagħmel tajjeb għall-isem ħażin li Matthew Pace għamel lill-Awtorità tal-Ippjanar, Alfred Pulè approva wkoll applikazzjoni tinten, korrotta u ambjentalment qerrieda magħmula minn sieħbu fin-negozju.

Lill-Awtorità tal-Ippjanar jien staqsejtha jekk f’dan il-każ Alfred Pulè kienx iddikjara kunflitt ta’ interess ovvju. Ma rċievejt ebda tweġiba u dan x’aktarx għaliex dikjarazzjoni bħal din baqgħet qatt ma saret.

Tafu x’kien li Alfred Pulè spiċċa biex inħatar bħala membru fuq il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar? Milli jidher bintu hi ħabiba intima ma’ mart Ian Borg. Għax, imbierek Alla, b’dan il-mod isiru l-ħatriet f’dan il-pajjiż. U kien hemm drabi li fihom lanqas biss indenjaw ruħħom li jagħmlu l-ħatriet. Għal xhur sħaħ naqsu li jagħmlu l-ħatriet f’istituzzjonijiet li suppost għandhom ikunu indipendenti mill-gvern bir-riżultat li dawn baqgħu mdendlin u b’hekk is-setgħa bla qies tal-gvern u tal-bażużli tiegħu kompliet tissaħħaħ.

Jeħtieġ li nifhmu li nkunu qed ngħażqu fl-ilma jekk nibqgħu ninsistu fuq it-tkeċċija jew riżenja ta’ Elizabeth Ellul jew anki ta’ Alfred Pulè u dan għaliex il-gvern għandu bażużli kemm irid biex jieħdu post dawn it-tnejn biex b’hekk l-Ministru jinqeda’ xorta waħda b’pupazzi oħra minflok dawk li hemm bħalissa.  Il-Ministri għandhom dejjem jerfgħu ir-responsabbiltà tal-ħatriet li jkunu għamlu għaliex inkunu aħna l-vittmi tad-deċiżjonijiet li jittieħdu minn min ikun inħatar. Huma appuntu dawn il-ħatriet jintnu li ma’ wiċċna waħħlulna t-torri ta’ Pembroke u l-villa fuq l-irdum tal-Qala.

Dawn il-ħatriet saru minn Ian Borg u minn Joseph Muscat.

L-NGO ambjentali jmisshom qegħdin jitolbu r-riżenja ta’ dawn it-tnejn.