Rapporti mill-kwartier ġenerali tal-pulizija mxandra f’numru ta’ mezzi tax-xandir isostnu li Yorgen Fenech qed jagħmel minn kollox biex itawwal bil-għan li jipprova jtaffi xi ftit il-konsegwenzi ta’ ikla ħabs għal għomru fuq akkużi ta’ qtil. Għad irridu naraw x’se ssarraf ix-xhieda tiegħu. Il-ġurnalist tat-Times of Malta Ivan Martin illum jirrapporta li, skont l-għejjun tiegħu, li s’issa Yorgen Fenech “naqas li jipprovdi provi dwar ir-rabtiet ta’ xi individwu mal-assassinju”. Iżda Yorgen Fenech ukoll qed igħid li hu stess kien biss “sensar”. U dan ma jistax ħlief ifisser li jeżisti saff ieħor u qed jissemmew l-ismijiet ta’ Chris Cardona u ta’ Keith Schembri.
Qed jingħad li Yorgen Fenech qed igħid ukoll li Keith Schembri huwa mdaħħal f’aktar korruzzjoni minn dak li diġà nafu bih. Mhux għax dan għandu jġiegħlna niskantaw. Li forsi għandu jiskantana huwa l-fatt li Keith Schembri u s-“sensar” li ser jingħata l-proklama Melvin Theuma jafu lil xulxin u li dan tal-aħħar kien talab pjaċir mingħand Schembri biex idaħħlu jaħdem mal-gvern. Jiġifieri biex jibda’ jirċievi paga fix-xahar fuq dahar il-poplu mhux biex jagħmel xi xogħol partikolari. Mhuwiex ċar jekk dan il-pjaċir kienx ġie diskuss qabel jew wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. U jista’ jkun li Yorgen Fenech qed jipprova jeħles mill-inkwiet għalih innifsu billi jwaħħal f’ħaddieħor. Jidher li hekk qed jipprova jagħmel.
Madankollu huwa inaċċettabbli li Keith Schembri u Chris Cardona jibqgħu fil-kariga tagħhom waqt li l-allegat involviment tagħhom qed jiġi investigat. M’huwiex aċċettabbli li Keith Schembri u Konrad Mizzi jibqgħu fil-kariga tagħhom waqt li l-korruzzjoni tagħhom li hi pruvata bis-saħħa ta’ dokumenti jidher li tgħattiet minn qattiel, jiġifieri li l-istess persuna li xaħħmithom.
Mhux biss huwa inaċċettabbli, imma huwa wkoll ġenn, li Joseph Muscat jibqa’ jżomm il-kariga tiegħu qisu mhux hu. Dan huwa l-istess Joseph Muscat li ta l-kenn kollu tiegħu lil Keith Schembri, lil Konrad Mizzi u lil Chris Cardona u żammhom fil-kariga minkejja l-provi kollha li feġġew dwar l-imġieba tagħhom. Huwa inaċċettabbli li jibqa’ jindaħal f’investigazzjoni kriminali u jiddeċiedi dwar amnestiji. Waqt li qed iseħħ dan kollu, il-membri tal-grupp parlamentari tal-Labour ġabu ruħħom b’mod korrott u kompliċi meta l-bieraħ taw l-appoġġ unanimu tagħhom lil Joseph Muscat.
Il-pajjiż jinsab fix-xifer. Il-poplu għandu għajnejh imsammrin fuq Joseph Muscat biex jara x’ser ikun il-pass li jmiss tiegħu. L-amministrazzjoni tal-pajjiż tinsab mitluqa għal riħha. Id-dinja qed tosservana aħna u nittieklu minn ġewwa. X’bi ħsiebu jagħmel biex isalva ġildu?
Huwa ċar li Joseph Muscat moħħu biex jara kif ġildu jsalvaha, jiġri x’jiġri. Anki jekk dan iseħħ a spejjeż tal-verità u tal-ġustizzja.