Joseph Muscat ħabbar ir-riżenja taċ-chief of staff tiegħu Keith Schembri.

Keith Schembri kien il-moħħ wara l-ħolqien ta’ Joseph Muscat bħala prodott politiku. Iżda jingħad ukoll li kien il-moħħ wara l-korruzzjoni fi ħdan il-gvern. Ismu kien inkixef permezz tal-Panama Papers u l-isforzi tiegħu biex igawdi personalment mis-setgħa li kellu f’idejh kienu nbdew qabel l-elezzjoni ta’ Marzu 2013 li ntrebħet il-Partit Laburista.

Dan l-aħħar ċeda kawża ta’ libell li kien għamel kontra Simon Busuttil wara li l-istess Simon Busuttil kien xlieħ li huwa bniedem “korrott”. Ma kellux il-ħila li jiddefendi ruħu kontra din l-akkuża.

Ismu issa qed jissemma’ fl-investigazzjoni dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Għal tliet snin sħaħ Joseph Muscat tah il-kenn u ddefendieh saħansitra lejlet l-elezzjoni tal-2017 meta kien stqarr li Keith Schembri “huwa bniedem integru” minkejja dak li kien inkixef dwaru bis-saħħa tal-Panama Papers.

Ir-riżenja ta’ Keith Schembri m’għandhiex titqies bħala xi rebħa aħħarija għal dawk li qed jipprotestaw favur il-ġustizzja. Ir-riżenja mill-kariga tiegħu ta’ bniedem setgħan li jinsab taħt suspett li wettaq delitt kriminali ma twassalx għall-ġustizzja. Li hi meħtieġa hi investigazzjoni kriminali indipendenti li tkun sura ta’ nies. Sakemm Joseph Muscat jibqa’ fil-kariga din ma tistax isseħħ.

Joseph Muscat jeħtieġ li jwarrab.