Repubblika, #occupyjustice u manueldelia.com qed itennu l-protesta tagħhom u se jiltaqgħu quddiem il-Berġa ta’ Kastilja nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Novembru fis-18:30 biex jitolbu r-riżenja tal-prim ministru Joseph Muscat.
Joseph Muscat għandu responsabbiltà politika ċara. Kieku keċċa lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi meta l-Panama Papers ikkonfermaw ir-rappurtaġġ ta’ Daphne Caruana Galizia li dawn it-tnejn kienu fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama, Daphne Caruana Galizia kienet tkun ħajja llum.
Biex jipproteġi ‘l sħabu Joseph Muscat ħonoq is-saltna tad-dritt, ħawwel l-impunità u grazzi għalih Malta ħasdet il-vjolenza.
Qatlu ġurnalista biex jevitaw il-ħabs.
Issa jrid ikun il-Parlament li jagħti tmexxijja lill-Malta. Il-maġġoranza ta’ Deputati onesti fil-Parlament, min-naħat kollha tiegħu, għandhom ineħħu lill-korrotti u lill-kompliċi tal-qattilin u jibdew it-tindif tal-ħajja pubblika f’Malta.
Insejjħu lis-soċjetà ċivili u lill-persuni kollha ta’ rieda tajba biex iseħbuna f’din il-protesta.