Konna ilna nissuspettaw li hemm postijiet battala fl-uffiċċju tal-kummissarju tal-pulizija u dak tal-avukat ġenerali. U issa l-prim ministru dawn il-postijiet imliehom. Bih innifsu.

Huma ta’ tħassib serju l-istqarrijiet li għamel kuljum il-prim ministru f’dawn l-aħħar tlitt ijiem. Il-prim ministru qed iforni dettalji dwar dak li qiegħdin igħidu jew dwar dak li mhux qiegħdin igħidu persuni li qed jiġu interrogati. X’inhu dan l-interess kollu tal-prim ministru li jkun jaf? Għaliex għandu jkun jaf bid-dettalji ta’ kwalsiasi każ kriminali? B’mod partikolari, għaliex għandu jkun jaf b’din l-informazzjoni f’każ ta’ qtil li fih il-motiv x’aktarx kien li jgħatti l-korruzzjoni ta’ ċerti nies qrib tiegħu li jaqgħu taħtu u li hu baqa’ jirrifjuta li jkeċċi għal tliet snin sħaħ? Imissu jkun l-aħħar persuna li jkollu aċċess għal din l-informazzjoni.

Fil-każ tal-allegat “sensar” Melvyn Theuma, llum il-prim ministru stqarr li dan kien forna lill-pulizija b'”xi informazzjoni” iżda mhux “bl-informazzjoni kollha”.

Din l-istqarrija tal-prim ministru kienet kemmxejn stramba. X’informazzjoni kollha hi? Tgħid il-prim ministru għandu xi lista f’idejh ta’ affarijiet li dwarhom qed jistenna t-tweġibiet mingħand xhud dwar qtil?

Hawn Joseph Muscat qed jipprova jgħaddi ż-żmien bin-nies. Qed jagħmel stqarrijiet kuljum dwar il-possibilità li tingħata jew anki li ma tingħatax proklama ta’ immunità lil dan ix-xhud prinċipali. Li kieku l-istqarrijiet tal-prim ministru qed isiru mill-prosekutur, kont nasal biex nifhem li diskors bħal dan jifforma parti minn manuvra biex ix-xhud jiġi mġiegħel igħaddi kemm jista’ jkun informazzjoni.

Iżda Joseph Muscat la hu l-kummissarju u lanqas m’hu l-prosekutur. Bħal donnu nesa’ li huwa l-prim ministru.

Illum ġie mistoqsi jekk kienx lest idabbar l-irjus ta’ Keith Schembri u ta’ Konrad Mizzi u wieġeb li bi ħsiebu jħalli l-ġustizzja tieħu l-kors tagħha. Il-prim ministru hawn uriena kemm jinqala’ biex jitħaddet mill-warrani tiegħu.

L-ewwelnett, tieħux il-kors tagħha jew le l-ġustizzja, ma jiddependix minnu. Jekk huwa minnu li f’dan il-pajjiż l-istituzzjonjiiet huma tassew indipendenti – m’humiex, iżda hu jinsisti li huma – il-ġustizzja tieħu l-kors tagħha, jgħid x’jgħid.

Iżda l-importanti huwa li hu bħala prim ministru huwa l-kap tal-eżekuttiv. Keith Schembri u Konrad Mizzi jaqgħu taħtu. Jekk int sid ta’ ristorant u jkollok żewġ impjegati fil-kċina li jpixxulek mal-art, qabel tkeċċihom int ser toqgħod tistenna biex tara l-pulizija humiex ser jiċċaqilqu jew tistenna sakemm il-maġistrat jiddeċiedi dawn x’ikun ħaqqhom jeħlu?

Meta l-Pulizija ġabru lil Melvin Theuma u aktar tard lil Yorgen Fenech, niddubita ferm dwar kemm Joseph Muscat kellu l-kontroll tas-sitwazzjoni f’idejh. Iżda fl-istadju li ninsabu fih mhux diffiċli tintebaħ Joseph Muscat x’qed jipprova jagħmel.

Il-fatt li għandu s-setgħa legali li jiddeċiedi hu għandhiex tingħata l-immunità jew le hi problema legali. Tixbaħ xi ftit is-setgħa li għandu li jaħtar l-imħallfin u l-maġistrati. Din is-setgħa m’għandhiex tkun f’idejh iżda huwa wiret sistema li kienet tfasslet fuq assunzjoni li min jokkupa l-kariga ta’ prim ministru ma jippruvax jimmina s-sistema tal-ġustizzja kriminali. Iżda eżatt bħas-setgħa li għandu li jaħtar il-membri tal-ġudikatura, is-setgħa li jiddeċiedi għandhiex tingħata l-immunità jew le issa qed jużaha biex jieħu vantaġġ politiku.

U issa għadda ż-żmien ta’ Ġunju 2017 li fih Franco Fenech kien qed jiċċelebra r-rebħa knira ta’ Keith Schembri fl-elezzjoni. “Vantaġġ politiku” llum ifisser manipulazzjoni tal-kors tal-ġustizzja minn naħa ta’ Joseph Muscat bil-għan li politikament jipprova jiżgura li ma jegħriqx u li jibqa’ fil-wiċċ.

Tiftakru kemm kien wera’ ħerqa li jdabbar rasu mill-politika sa ftit xhur ilu? Araw issa x’ħerqa għandu biex jibqa’ f’postu.

Bi ħsiebu jagħmel minn kollox biex ma jegħriqx u biex jibqa’ mkaħħal mas-siġġu tas-setgħa.