Issa li bdiet ħierġa l-verità, jonqos biss li ssir ġustizzja. Sakemm Joseph Muscat jibqa’ prim ministru, se jibqa’ ostaklu għall-ġustizzja. Joseph Muscat jeħtieġ jirreżenja jew jitneħħa mill-parlament.
Għalhekk Repubblika, #occupyjustice u manueldelia.com isejjħu lill-persuni kollha ta’ rieda tajba huma ta’ liem fehma politika huma għal protesta nazzjonali nhar il-Ħadd 1 ta’ Diċembru 2019. Tluq minn Bieb il-Belt fl-4pm.
Il-mument preżenti jeħtieġ għaqda nazzjonali u mhux polarizzazzjoni partiġġjana. Neħtieġu niġu lkoll flimkien Laburisti, Nazzjonalisti, nies minn partiti oħra u nies li m’għandhomx partit biex nibdew nibnu futur ġust għall-pajjiżna.
Ninnotaw li f’dan l-ispirtu l-Partit Nazzjonalista ħassar il-protesta li ħabbar li se jorganizza għal nhar il-Ħadd.
Għalhekk is-soċjetà ċivili tistieden lil kulħadd biex mingħajr distinzjoni biex flimkien nesiġu ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia u għal Malta.
Intant inħeġġu ‘l kulħadd ikompli l-protesta waqt li l-Parlament hu f’seduta llum l-Erbgħa 27 ta’ Novembru 2019. Se nkunu qed nitlaqgħu fis-6pm.