L-aħħar stħarriġ li tagħmel il-Malta Today kull xahar jindika tnaqqis fl-appoġġ fil-konfront ta’ Joseph Muscat u żjieda żgħira għal Adrian Delia. L-appoġġ għal tal-ewwel xorta waħda jibqa’ jiżboq bid-doppju lill-appoġġ għal dan tal-aħħar. Iżda ċ-ċaqlieq huwa interessanti għaliex tul dawn l-aħħar ftit ġimgħat il-PN għamel ħiltu biex jingħoġob mal-ksenofobiċi li jkunu lesti li jibdlu fehmithom f’stħarriġ telefoniku meta jiġu mistoqsija liema partit ikunu lesti li jappoġġjaw.
X’aktarx li dawn ikunu ħaddiema li joqgħodu f’lokalitajiet fejn igħixu l-immigranti u dawn tal-aħħar jispiċċaw jeħlu għat-tbatijiet li dawn il-ħaddiema jkollhom jiffaċċjaw.
Adrian Delia qabad it-triq tad-demagoġija meta tkellem dwar il-ħtieġa li “ssir xi ħaġa” dwar l-immigranti u fl-istess waqt naqas li joffri s-soluzzjonijiet. U meta mbagħad ħalla f’idejn dawk il-waħdiet ta’ madwaru biex iwarrbu kull ambigwità. Xi xhur ilu, tal-PN kienu ġiegħlu lil Justin Schembri jirtira stqarrijiet razzisti li kien għoġbu jagħmel. Din id-darba żammew lura milli jagħmlu l-istess ħaġa.
Tal-PN kellhom għażla quddiemhom: jekk ma jikkundannawx l-istqarrijiet ta’ Justin Schembri, jkunu qed jaqblu miegħu. Spiċċaw għażlu li ma jikkundannawx kliem Justin Schembri.
X’aktarx li dan jista’ jkollu effett pożittiv fuq ir-riżultat tal-istħarriġ. Bħalma kellha effett politiku pożittiv għall-PN ir-rewwixta fost l-immigranti li wkoll xejjnet it-tamiet li kellu l-gvern li jidher f’dawl politiku sabiħ minħabba l-baġit.
Madankollu fil-qasam tal-politika vantaġġ momentanju jista’ jispiċċa jmurlek żmerċ. Lejlet l-elezzjoni stennew lill-Partit Laburista jaqbad linja iebsa kontra l-immigranti u kontra dawk l-imsejkna li jkunu fuq qxur tal-baħar bejn sema u ilma billi jtellaq ‘il barra bl-ajruplani u lura lejn l-infern li minnu jkunu ħarbu lil xi wħud minn fosthom li ma jitkellmux bl-Ingliż. Manuvra li tista’ twassal biex il-ksenofobiċi li tradizzjonalment jivvutaw Labour jerġgħu lura fi ħdan il-partit.
Hu u jirbaħ l-appoġġ ta’ xi ftit waħdiet li, sa dakinhar tal-elezzjoni x’aktarx ikun tilifhom, il-PN qed ikompli jnaffar dejjem aktar lill-votanti tradizzjonali tiegħu.
It-tmexxija tal-PN qasmet lill-votanti tradizzjonali tal-PN fi tnejn. Għall-bidu dawn ma kienux jaqblu dwar kemm huwa adattat Adrian Delia biex imexxi l-partit. Din hi kwistjoni li ma tibqax is-suġġett ta’ kontroversja dakinhar li Adrian Delia ma jibqax fit-tmun tal-partit. Issa Adrian Delia jista’ jibqa’ jmexxi l-partit għal ħafna iktar żmien milli jaħsbu x’uħud. Li huwa ċert madankollu huwa l-fatt li Adrian Delia jaf li m’huwiex ser ikun hemm għal dejjem.
Iżda minbarra l-qasma li teżisti bejn dawk li jappoġġjaw lil Adrian Delia u dawk li m’għandhomx grazzja miegħu, t-tmexxija tal-partit tidher li qiegħda toħloq qasma oħra minħabba s-skiet tagħha dwar il-korruzzjoni, dwar l-attakki kontra l-libertà tal-kelma, dwar id-diversifikazzjoni ekonomika u dwar iż-żarmar tas-servizzi pubbliċi tas-saħħa.
Issa l-PN għadda biex jikkonsolida l-qasmiet li jeżistu u qed jitkellem dwar suġġetti bħalma huma l-immigrazzjoni, id-drittijiet fundamentali tal-immigranti, l-integrazzjoni u l-umanitarjetà – suġġetti li qatt ma kienu kontroversjali għall-PN u li issa qed joħolqu kunflitti fi ħdan il-partit stess.
Dwar dawn is-suġġetti, t-tmexxija tal-PN – biex mingħaliha tikseb vantaġġ – qiegħda titfa’ l-ħatab fin-nar billi tipprova tidher ħelwa ma’ dawk il-ftit li jsegwu lil Norman Lowell u ma’ dawk il-ħaddiema razzisti li tradizzjonalment jappoġġjaw lil tal-Labour. Il-PN bħal speċi jrid jidher ma’ dawn in-nies bħala l-partit li “jitkellem ċar u tond” dwar ir-razziżmu. Anki li kieku wieħed kellu jwarrab l-implikazzjonijiet etiċi ta’ din ix-xorta ta’ prostituzzjoni politika, r-realtà tibqa’ li tattika bħal din ma tagħmilx frott.
Huwa minnu li l-estremiżmu ta’ Norman Lowell diffiċli li wieħed ilaħħaq miegħu. Hawn min bħalu ma jaħmilx lil dawk li għandhom karnaġjon skur u jittrattahom daqslikieku huma xi xadini. Iżda tgħid il-PN ser jitħajjar igħaddi minn din it-triq, per eżempju, fil-konfront ta’ tfal li għandhom diżabilità? Għal Lowell, tfal bħal dawn – kemm jekk ikunu suwed jew bojod – għandhom jitqiesu anqas minn bnedmin tad-demm u l-laħam.
U tal-PN imisshom xammew in-nuqqas ta’ sinċerità ta’ kliem Joseph Muscat meta dan tkellem dwar ir-rispett lejn id-diversità razzjali u lejn l-inklusività. Ibqgħu ċerti li, malli tasal l-elezzjoni, jerġa’ jibda’ jitkellem favur il-pushbacks qiesu mhux hu.
Tal-PN għandhom jifhmu li kemm il-darba jersqu aktar lejn il-lemin, il-partit ser ikompli jnaffar lil dawk li lil Adrian Delia xejn ma jarawħ ħelu. U hekk kif il-PN ikompli jnaffar lill-Kattoliċi u lil liberali minn ħdanu, fl-istess ħin ikun qed jagħti aktar saħħa lil lemin estrem li huwa miżgħud b’dawk li huma nostalġiċi għall-faxxiżmu, bil-fanatiċi li jammiraw lil Salvini u bir-razzisti.
Skond l-istħarriġ imniedi mill-Malta Today nofs dawk li fl-2017 ivvutaw PN qed jibdlu fehmithom minkejja l-fatt li baqgħu fl-istess livell f’dak li huwa numru, jiġifieri madwar 24% tal-elettorat.
Fix-xhur ta’ qabel l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew, dawn kienu tal-fehma li ma jistgħu qatt jivvutaw PN sakemm Adrian Delia jibqa’ jmexxi lill-partit. Mil-lat pożittiv, dawn huma l-istess persuni li qed jistennew b’ħerqa dak il-mument li fih jitlaq ir-riedni Adrian Delia sabiex is-sitwazzjoni fil-PN terġa’ lura għan-normal u huma jkunu jistgħu jkomplu jappoġġjawh bil-qalb.
Is-sitwazzjoni issa jidher li nbidlet. Dawn il-votanti issa bdew jiġu, jaqgħu u jqumu jekk Adrian Delia jitlaqx ir-riedni tal-PN jew le. Bil-mod il-mod qed tintilef il-memorja tal-appoġġ li dawn kienu jagħtu lill-PN fl-imgħoddi u kważi kważi qed jistennew li Adrian Delia għad jeħodlu postu xi faxxist ieħor li jkun agħar minnu f’dik li għandha x’taqsam it-tmexxija ‘l quddiem ta’ politika ta’ mibgħeda.
Meta jisimgħu lil Justin Schembri jfaħħar lil Matteo Salvini u lil Lega Nord u jisimgħuh iħeġġeġ lill-PN jimxi fuq il-passi tagħhom, nies bħal dawn ikomplu jitnaffru. U meta t-tmexxija tal-PN ma titniffisx hekk kif isiru stqarrijiet bħal dawn, dawn il-votanti jispiċċaw biex jaqtgħu qalbhom.
Tal-PN għandhom raġun f’ħaġa waħda. Fl-elezzjoni li jmiss, dawn l-24% m’humiex ser jivvutaw Labour. Madankollu dan ma jfissirx li ser jivvutaw PN.
Meta jiġu biex jagħżlu bejn min huwa korrott u min hu nkompetenti, jkun hemm uħud li jagħżlu l-inkompetenti. Iżda, fl-isfond tad-diskors populista u razzista li qed jingħata prijorità, l-għażla qed issir aktar lampanti u l-qasma kulma jmur qed tikber.
Dan ma jistax ifisser ħlief li lill-oppożizzjoni tal-Labour irnexxielhom jaqsmuha. M’għandniex xi ngħidu, il-qasma fi ħdan naħa politika waħda jista’ jkollha l-effett li toħloq qasma fi ħdan il-Labour ukoll. Hemm bosta fil-Partit Laburista li xejn m’huma kuntenti li l-partit tagħhom jinsab maħkum minn klikka korrotta. Bħalissa m’humiex jitkellmu fil-beraħ għax jibżgħu li jistgħu jagħtu vantaġġ lil tal-PN. Iżda dan jista’ ma jibqax il-każ.
Dan huwa l-mod li, f’sistemi demokratiċi oħrajn, jinbtu partiti ġodda. Partiti ġodda li ma jmutux qabel jitwieldu minħabba l-konflitti tal-personalità li joħolqulhom, iżda partiti li jkampaw għaliex ikunu msejsin fuq solidarjetà ideoloġika li tiddistingwi partit minn ieħor.
Jista’ jagħti l-każ li ninsabu fuq l-għatba ta’ bidla storika.