Id-deċiżjoni tal-gvern li jappella mis-sentenza li tat il-qorti dalgħodu dwar il-metodu li tuża Malta biex taħtar il-ġudikanti tagħha, dwar jekk dan imurx kontra t-trattat tal-UE jew le u li għalhekk din il-kwistjoni għandha tkun mgħoddija lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja m’hi xejn ħlief eżerċizzju mmirat biex itawwal.

L-appell se jwassal biss biex jintilef iż-żmien. Dalgħodu l-qorti ma qalitx li Repubblika għandha raġun meta ssostni li l-metodu li tagħmel użu minnu Malta meta jiġu biex jingħażlu l-ġudikanti imur kontra t-trattat tal-UE. Repubblika jidhrilha li għandha raġun u sejset il-konklużjonijiet fuq fatti li huma magħrufin sewwa.

Fil-qosor dawn huma l-fatti:

L-ewwelnett, f’Malta l-ġudikanti huma magħżulin mill-prim ministru. Iċ-ċerimonji li jsiru qabel issir l-għażla finali huma biss ta’ natura simbolika u d-deċiżjoni aħħarija jagħmilha dejjem il-prim ministru. Dan il-fatt ġie konfermat mill-qorti tal-appell presjedut mill-Prim Imħallef. Il-Prim Imħallef il-fatti jafhom sew għaliex hu stess jifforma parti miċ-ċerimonja.

It-tieni, kemm ilu li Joseph Muscat ħa r-riedni tal-gvern inbidlu aktar minn nofs il-membri tal-ġudikatura u dawn daħlu flokhom attivisti tal-Partit Laburista u persuni li huma qrib dan il-partit.    Din m’hix xi akkuża bla bażi. Qed nitkellmu fuq madwar erba’ u għoxrin persuna. Uħud minn dawn m’għandhom ebda affiljazzjoni politika iżda fost l-oħrajn wieħed għandu jsib persuni li kienu f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija fil-PL, konsulenti tal-partit u persuni li huma qrib tagħhom.

It-tielet, biex id-demokrazija tkun tista’ titħaddem kif inhu xieraq, il-ġudikatura jeħtieġ li tkun indipendenti mill-gvern.

Ir-raba’, ġaladarba huwa l-prim ministru li jagħżel lill-ġudikanti u jagħżel ukoll lil min minnhom għandu jagħti l-promozzjonijiet, il-ġudikatura tagħna ma tista’ qatt tkun waħda indipendenti. Kienu tal-Kummissjoni ta’ Venezja – entità magħmula minn esperti mustaċċuni fil-qasam tal-liġi kostituzzjonali  –  li kienu għamlu din l-analiżi espliċita.

Il-ħames, Malta hi stat membru tal-Unjoni Ewropea u għaldaqstant tinsab marbuta bir-regoli u l-liġijiet tagħħa.

Is-sitt, bis-saħħa tat-trattat tal-UE, kull stat membru huwa obbligat li jħaddem id-demokrazija. U biex titħaddem id-demokrazija, stat membru tal-UE jeħtieġ li jkollu ġudikatura indipendenti. Dan l-aħħar, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ġiegħlet lill-Polonja treġġa’ lura bidliet li għamlet fil-liġijiet li taw is-setgħa lill-President tal-pajjiż li jiddeċiedi min għandhom ikunu dawk il-ġudikanti li jkunu jistgħu ikomplu jaħdmu minkejja li jkunu laħqu l-età tal-irtirar. Il-Qorti qalet li anki l-għotja ta’ din is-setgħa diskrezzjonali limitata tmur kontra l-indipendenza tal-ġudikatura.

Ma tridx tkun għaref wisq biex tifhem dan kollu.

Iżda dak li qed issostni Repubblika, l-qorti Maltija għad trid tiddeċiedi taqbilx miegħu jew le.

Wara li sena ilu xxandar ir-rapport tal-Kummissjoni ta’ Venezja, konna tlabna lill-gvern biex jagħmel it-tibdiliet li kienu meħtieġa. Il-gvern kien iddikjara li kien lest li jagħmel dawn it-tibdiliet. Iżda f’April qabad u ħatar madwar 13% tal-ġudikanti minn fost il-magħżulin tal-prim ministru.

Kien f’dan l-istadju li tlabna lill-qorti biex tiddikjara li l-imġieba tal-gvern ma kienitx waħda xierqa. Ilna li dħalna l-qorti minn April li għadda u minn dakinhar sal-lum il-gvern m’għamel xejn ħlief għamel il-bsaten fir-roti wieħed wara l-ieħor u m’għamel ebda sforz biex ifiehem il-għala qed igħid li Repubblika m’għandhiex raġun. Kull m’għamel il-gvern kien li jgħid li Repubblika ma kellhiex dritt tiftaħ il-kawża, li l-qorti ma kellhiex dritt li tismagħha u li l-kwistjoni m’għandhiex tiġi mgħoddija lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

X’aktarx li l-gvern irid iwaqqaf il-proċess għaliex jaf li, f’din il-kwistjoni, Repubblika għandha raġun biex tbiegħ. Ir-raġunijiet li ġabet Repubblika – li ma tridx wisq għerf biex tifhimhom – huma ċari għal kulħadd inkluż għall-gvern.

Jekk dan huwa minnu, allura dan ifisser li l-gvern qed iġib ruħu b’diżonestà liema bħalha bil-għan li kollox jibqa’ kif inhu u sabiex bis-saħħa tad-dgħjufijiet tas-sistema ġudizzjarja tagħna, tibqa’ tirrenja l-impunità.

F’dan l-istadju, kull min għandu għal qalbu l-interessi tal-ġustizzja – tkun xi tkun il-fehma tiegħu jew tagħha dwar il-mod kif qed jinħatru l-ġudikanti u dwar jekk il-ġudikatura tinsabx maħkuma jew le mill-partiġġjaniżmu – għandu jikkundanna l-imġieba tal-gvern li qed jipprova jagħmel minn kollox biex itawwal kemm jista’ l-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja għandhiex tagħti l-opinjoni tagħha dwar il-konformità ta’ Malta mat-trattat tal-UE.

Biex issib tarf ta’ problema, tkun trid tammetti l-eżistenza tagħha.

X’inhi l-vera raġuni il-għala l-gvern ma jrid jisma’ b’xejn?