Ir-regolatur tal-iskema tal-bejgħ tal-passaporti kkonkluda li dak li tant ftaħar biħ Jean Philippe Chetcuti mal-ġurnalisti ta’ M6 TV ma setax seħħ. Dan ikkonkluda li mhux veru li Chetcuti jirnexxielu jġibha żewġ ma’ kull applikazzjoni li jagħmel għall-ħruġ ta’ passaport. Ir-regolatur qal li “mhuwiex probabbli” li bis-saħħa ta’ xi themiża ‘l hawn u ‘l hinn dan għandu s-saħħa li jġiegħel Ministru jirranġalu biex jinħareġ passaport għal applikant li għandu kondotta kriminali .
Ir-regolatur ma qalx li ma jistax jieħu bis-serjetà dak li ftaħar dwaru Jean Philippe Chetcuti u qgħad attent biex igħid li m’għandux is-saħħa li jivverifika li l-persuna b’wiċċha mħassar li dehret fuq it-televiżjoni hi fil-fatt Jean Philippe Chetcuti. Wara kollox, qal ir-regolatur, huwa m’huwiex uffiċjal tal-pulizija. Madankollu jidher li r-regolatur huwa lest jassumi li l-persuna b’wiċċha mħassar m’hi ħadd ħlief Jean Philippe Chetcuti li tant ftaħar li għandu s-setgħa li jagħmel il-mirakli għal biljunarju Afrikan b’kondotta kriminali bis-saħħa tal-kuntatti li għandu fil-gvern u bis-saħħa tal-fatt li Joseph Muscat kien jirkeb il-vann tal-iskola miegħu u tal-fatt li Owen Bonnici kien jaħdem mad-ditta legali tiegħu. U dan biex ma nsemmux lil Julia Farrugia, li hi ħobża u sikkina ma’ mart Chetcuti.
Hu u jibbaża ruħu fuq dak li assuma, r-regolatur jidhirlu li Chetcuti bil-ftaħir kollu tiegħu, lill-“Iskema IIP” għamlilha l-ħsara. Li jfisser li r-regolatur jidhirlu li Jean Philippe Chetcuti parla żejjed u ġab ruħu qiesu bejjiegħ tat-triq. Madankollu r-regolatur igħid li l-proċess tal-approvazzjoni tal-bejgħ tal-passaporti huwa mfassal b’tali mod li dak li wiegħed Jean Philippe Chetcuti diffiċli ħafna li jseħħ u jgħid li jeħtieġ li jsiru tibdiliet biex jiġi żgurat li kandidat ineliġibbli ma jgħaddix mill-għarbiel.
Iżda r-regolatur – is-Sur Carmel Degabriele – jonqos li jammetti ħaġa waħda. In-nuqqas ta’ trasparenza li hemm fl-iskema qed toħloq opportunità biex iseħħu l-abbużi u biex dawn l-abbużi jibqgħu mistura. U hija proprju din is-sitwazzjoni li qed tippermetti lil Jean Philippe Chetcuti jwiegħed dak li Carmel Degabriele jikkunsidraħ bħala improbabbli. Ta’ min igħid ukoll li Carmel Degabriele ma tantx jista’ jkun ċert minn dak li qed igħid għaliex dan jammettiħ huwa stess. Jekk f’kamra jkun hemm biss Jean Philippe Chetcuti u wieħed mill-isħab ministerjali tiegħu u dawn jitkellmu bejniethom dwar applikazzjoni pendenti għall-ħruġ ta’ passaport Malti lil klijent dubjuż, wara l-fatt ir-regolatur ma jkun jagħmel xejn.
Dawn huma nies korrotti, iżda ċertament m’humiex boloħ. Ikun qed jinsultahom ir-regolatur li kieku dan jaħseb li huma boloħ. Iżda jkun qed joffendina bil-kbir jekk jaħseb li tant aħna bħaħan li ninsabu lesti li naċċettaw il-konklużjonijiet tat-taparsi investigazzjoni nterna li għamel.
Carmel Degabriele seta’ għamel ħafna aktar milli għamel. Seta’ għarbel l-indirizzi li kienu taw il-klijenti ta’ Chetcuti Cauchi lill-gvern biex jippruvaw li għexu f’Malta qabel akkwistaw passaport Malti. Jien naf b’wieħed mill-klijenti tagħhom li jismu Fahdi Mehio. Dan huwa bniedem mill-Emirati mdaħħal fin-negozju tal-bini li tgħidx kemm ftaħar bis-servizz li kienu tawħ ta’ Chetcuti Cauchi fil-fuljett li dawn stampaw. Lill-gvern kien qallu li huwa jgħix fi Triq is-Sebuqa f’San Ġwann. Meta mort fuq il-post b’ritratt tiegħu f’idi u kellimt lil dawk li suppost huma l-ġirien tiegħu, ebda wieħed minn dawn ma qatt raħ. U dan suppost qed igħix f’kantina ma’ negozjant tal-ilbies sportiv Russu, persuna oħra li l-ġirien qatt ma raw b’għajnejhom.
Mhux hekk!
F’għajnejn Carmel Degabriele, hu m’huwiex ir-regolatur u fir-rapport tiegħu jgħid li l-liġi li tagħti s-setgħa lill-Ministru li jagħti passaport lil persuni b’kondotta kriminali għandha titneħħa. Meta kiteb dan, wera’ li l-governanza tajba ma tinteressaħx u b’mod speċifiku jgħid li t-tibdiliet legali huma meħtieġa biex b’hekk “min ma jaqbilx mal-iskema” – jiġifieri xi ħadd bħali – ikollu jsodd ħalqu.
Fl-imgħoddi Carmel Degabriele kien ippropona li l-gvern m’għandux ixandar l-ismijiet ta’ dawk li jingħataw il-permess li jixtru passaport Malti. B’nuqqas kbir ta’ trasparenza, bħalissa l-ismijiet ta’ dawk li jakkwistaw passaport qed jitniżżlu b’isimhom l-ewwel (minflok b’kunjomhom) u qed jitħalltu mal-ismijiet ta’ dawk li jakkwistaw passaport bis-saħħa ta’ xi żwieġ jew b’wirt. Iżda anki dan huwa meqjuż żejjed mis-Sur Carmel Degabriele.
Min jaf għaliex hux? Ma nagħmlux mod li r-regolatur irid jeħles minn min – bħali – ikun irid jassigura li l-passaporti ma jiġux akkwistati mill-kriminali?
Huwa ħalef bil-korrettezza tal-għarbiel li suppost igħaddu minnu l-applikanti. Fuq dan ma nistax inmerieħ għaliex minn hawn barra diffiċli wieħed igħid x’iseħħ jew ma jseħħx. Iżda biżżejjed wieħed isemmi li mill-inqas 5 applikanti spiċċaw fl-inkwiet f’pajjiżi oħra meta, huma u jippretenduha ta’ ċittadini Maltin, ħolqu entitajiet biex jaħslu l-flus maħmuġin u biex jaqdu l-imġieba kriminali tagħhom.
Jean Philippe Chetcuti appella minn digriet ta’ Maġistrat li permezz tiegħu ġiet ordnata t-tnedija ta’ inkjesta dwar l-imġieba tiegħu. Għaliex hekk kien jaqbillu. Għaliex dan mhux interessat li jara li – jekk tassew huwa innoċenti – ismu jiġi mnaddaf. Jippreferi jibqa’ bid-dell fuqu għaliex moħħu mistrieħ li sħabu – jiġifieri dawk li ftaħar bihom fuq it-televiżjoni Franċiża – jkunu lesti jirranġaw kollox biex il-pulizija tħallieħ bi kwietu. U fil-frattemp, f’attentat biex b’tibjida titgħatta l-qassata li saret, sħab Jean Philippe Chetcuti qabbdu lil Carmel Degabriele — l-hekk imsemmi regolatur — li tant huwa indipendenti li dawk li qabbduh biex jikteb ir-rapport għandhom is-setgħa li jdabbrulu rasu meta dan itemm it-terminu tiegħu.
Ftakru f’ħaġa waħda. Li kieku ma ħloqniex l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti, m’għandniex il-ħtieġa ta’ regolatur biex jissorveljaha. Nistaqsi: x’kien jagħmel Jean Philippe Chetcuti li kieku m’huwiex ibiegħ il-passaporti? Nistaqsi wkoll: x’kien jagħmel Carmel Degabriele li kieku Jean Philippe Chetcuti m’huwiex ibiegħ il-passaporti.
Nimmaġina li t-tnejn ikunu qegħdin isaffru l-Aida.