Il-Parlament Ewropew għadu kemm xandar rapport li ġie mniedi mid-delegazzjoni li kienet żaret lil Malta f’nofs il-kriżi li matulha dawk li kienu qed jipprotestaw iltaqgħu kważi kuljum fil-Belt Valletta biex jitolbu għar-riżenja immedjata ta’ Joseph Muscat.
Ir-rapport jagħti r-raġunijiet il-għala d-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew effettivament qablet ma’ din it-talba għar-riżenja immedjata tal-prim ministru u jsemmi l-laqgħat li saru ma’ avukati, ma’ ġurnalisti, ma’ attivisti u mal-membri tal-Parlament Ewropew innifishom li lkoll esprimew il-biża’ tagħhom li jekk Joseph Muscat jibqa’ fil-kariga seta’ jbagħbas il-provi, seta’ jkompli jippreġudika l-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, kien se jżid il-firda li kienet qed tikkaġuna l-kriżi politika u kien se jkompli jnaqqas il-fiduċja fir-rieda u fil-ħila ta’ Malta li tirrispetta s-saltna tad-dritt.
M’għandniex xi ngħidu, Joseph Muscat għadu sal-lum prim ministru. U l-biżgħat kollha li ssemmew, seħħew. Joseph Muscat dar nofs id-dinja biex jara li t-tluq tiegħu ikun bla skossi u l-Partit Laburista baqa’ ma ċċaqlaqx u żamm fil-wiċċ minkejja l-majnata li kien ħa wara li ġie arrestat Yorgen Fenech.
Il-mistoqsija li bosta partitarji Laburisti qed jagħmlu minn kollox biex jevitaw li jwieġbu hi: ‘x’inhi r-raġuni vera l-għala Joseph Muscat ser iwarrab?’ Fid-dinja li jgħixu fiha huma biss – jiġifieri għall-One TV u għaż-żewġ kandidati li qed itellqu biex jieħdu post Joseph Muscat – kollox ward u żahar. Għaliex fil-fatt Joseph Muscat ser iwarrab għax hu eroj.
Ta’ min igħid li l-Partit Laburista tant għandu ħila tal-ġenn li jikkontrolla l-imħuħ li ebda skandlu dwar tixħim, korruzzjoni u qtil ma jista’ jeffettwa l-kontroll politiku strett li għandu fuq il-pajjiż.
Dawn m’humiex biss bħal dak ir-raġel li jkun xeba’ jaqliba lil martu u xorta jibqa’ jgħaddiha lixxa. Ikun irid ukoll iħokk il-melħ fuq il-ferita u lill-ħabiba jkun irid jistedinha d-dar u jordna lill-martu biex issajrilha u titmagħha. Dan l-eżempju wieħed faċilment jista’ jxebbħu mar-relazzjoni li l-Partit Laburista għandu mas-segwaċi tiegħu.
Din hi r-raġuni l-għala l-imrar u t-tħanfis li għad irridu nħossu fil-pajjiż ser jintensifika malli ma’ wiċċna jitfaċċaw il-konsegwenzi ta’ dak kollu li ilu għaddej.
M’għandux jaħti l-Partit Laburista. Huwa bniedem mill-agħar u kattiv dak ir-raġel li jistieden lil ħabibtu d-dar u li jordna lil martu ssajrilha u titmagħha. Iżda l-mara ħadd m’hu jġiegħelha toqgħod għall-ordnijiet ta’ żewġha.
It-tixbiha hi waħda pjuttost estrema. Iżda, bħal dik il-mara fit-tixbiħa, l-partit ewlieni tal-oppożizzjoni f’Malta m’għandux jibqa’ jbaxxi rasu għall-ordnijiet tal-Partit Laburista.
L-unika ħaġa li rnexxielha li tagħmel b’suċċess it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista hi li ssikket lil kull min ażżarda jsostni li l-kap tal-partit u dawk ta’ madwaru għandhom iwarrbu u li għandu jkun hemm strateġija ġdida biex b’hekk l-elettorat Malti ikollu tama li jeżisti xi forma ta’ gvern alternattiv. It-tmexxija preżenti tal-PN ukoll qed tipprova tpinġi lill-mexxej tagħha bħallikieku hu xi eroj. Adrian Delia m’għandux iwarrab għaliex jinsab skreditat bħalma hu Joseph Muscat. Għandu jwarrab għaliex jinsab liebes żarbun li ma jiġieħx.
Il-proċess biex jitwettaq tibdil serju fil-PN qed iservi ta’ tagħżiq fl-ilma għaliex, minkejja l-fatt li l-mexxej Laburista preżenti nqabad fl-agħar skandlu politiku fl-istorja, tal-Labour xorta waħda baqgħu jgawdu l-appoġġ ta’ maġġoranza fil-pajjiż.
Min jidħol għas-servizz pubbliku huwa moralment obbligat li jservi. Lill-ġudikanti nistennew li jaqdu dmirhom b’mod skrupluż. L-istess jista’ jingħad għall-ħaddiema tat-tifi tan-nar, għall-għalliema u għall-infermiera. Nistennew dan ukoll mingħand il-ministri tal-gvern. Dan m’għandux japplika wkoll għall-oppożizzjoni? Dawn ukoll huma mħallsa biex iwettqu xogħolhom.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni jitħallas mill-Istat bħal kull ministru tal-gvern. M’għandux xi paga fenominali iżda l-verità hi li x-xogħol jitkejjel ma’ dak li ħaddiem ikollu l-ħila li jipproduċi. Jekk jibbrilla f’xogħolu, ħaddiem jkun jista’ jitlob żieda fil-paga b’wiċċu minn quddiem. U bħalissa Adrian Delia ċertament ma jistax jingħad li qed jibbrilla.
Wara li għamel kważi sentejn sħaħ ma jindenjax ruħu li jitkellem dwar il-korruzzjoni għaliex in-nies tridu jitkellem fuq affarijiet li jolqtuhom aktar mill-viċin, issa dar dawra durella u jinsab iggranfat waħda nobis mas-suġġett tal-korruzzjoni bħallikieku l-issuktar tal-ħajja politika tiegħu tiddependi fuq dan is-suġġett biss.
Issa ħadha drawwa li ‘jindirizza lin-nazzjon’ bil-wieqfa fuq podju mingħajr udjenza quddiemu fl-istudjow, jipperora u fl-istess ħin jagħmel tabirruħu li hemm udjenza quddiemu tisimgħu. Ma tantx qed jaqta’ sandar. Il-figura li qed jaqta’ hi waħda mill-aktar patetika.
Tabilħaqq, li kieku l-avversarju politiku ta’ Adrian Delia kellu jinqabad fil-fatt f’investigazzjoni kriminali, Adrian Delia xorta waħda ma jkollux il-ħila li jgħelbu. Min jaf xi jrid iseħħ aktar qabel il-PN jintebaħ li jinsab f’nofs baħar imqalleb jiġġieled mal-mewġ u li, biex ma jegħriqx, jeħtieġ li jdawwar ir-rotta lejn l-art?
Il-membri parlamentari tal-PN, eżatt bħall-kollegi li jpoġġu faċċata tagħhom, jidher li nsew li għandhom biċċa xogħol xi jwettqu. Iva, Adrian Delia kien ġie elett demokratikament mit-tesserati tal-partit. Għaldaqstant it-tesserati għandhom iduru dawra magħhom infushom, jagħtu daqqa t’għajn lejn il-mera u jekk jirriżultalhom li kienu ħadu falza stikka, lil Adrian Delia għandhom iwarrbuh u jaħtru lil ħaddieħor floku.
Din mhix kwistjoni li tant hi kumplikata li bilkemm wieħed ikun jista’ jifhimha. Minkejja li għaddejna minn sena li fiha rajna l-karriera politika tal-agħar prim ministru fl-agħar kriżi politika li qatt kellna, f’dawk li huma voti tal-Labour għadhom qed igħaddu lill-PN bil-kbir.
M’għandniex xi ngħidu, dan kollu Adrian Delia qed jarah ċar. Kulma qed jittama issa hu li b’xi mod “iġibha żewġ” billi jitlef l-elezzjoni ġenerali b’marġni inqas mir-riżultat tal-2017 u jkun jista’ jipprova jbellagħha li “rebaħ”. B’hekk jara kif jagħmel biex jibqa’ f’postu biex ikun jista’ jibqa’ jiġbed il-paga għal 5 snin oħra sakemm jilħaq l-età tal-pensjoni. Imġieba bħal din m’hi xejn ħlief imġieba irresponsabbli u – metaforikament – imġieba kriminali.
Jien hu nikteb dan li qed nikteb qed insib ruħi jkolli naċċetta ħaġa li kont nippreferi li kieku ma kienx ikolli għalfejn naċċettaha: jiġifieri li l-unika alternattiva għall-Partit Laburista huwa l-PN. Kont nippreferi li kieku ma kienx. Kont nippreferi li kieku fuq il-polza tal-vot ikolli għażla aktar wiesa’ ta’ partiti u ta’ fehmiet.
Bħalissa din l-għażla ma teżistix.
Il-partit ta’ Adrian Delia jidhirlu li din in-nuqqas ta’ għażla hi ħaġa tajba. Min qed imexxi lill-PN qed jirraġuna li, ġaladarba ma teżistix alternattiva, l-votanti tradizzjonali tal-PN ser jibqgħu jivvutaw PN minkejja d-dubji kbar li jista’ għandhom. Il-partit ta’ Adrian Delia diġà rrassenja ruħu li mhux ser ikollu l-ħila li jakkwista biżżejjed voti biex jirbaħ elezzjoni. Iżda jkun biżżejjed għal Adrian Delia li jitlef b’inqas voti mill-elezzjoni tal-2017 biex b’hekk ikun jista’ jżomm postu.
Niddubita ferm għandhomx raġun. Jien nista’ biss inkejjel b’xibri. F’kull elezzjoni ġenerali li għaddiet, dejjem ivvutajt PN. M’hemmx dubju li mhux bi ħsiebni nivvota Labour meta naf li l-gvern huwa mmexxi minn ċorma ministri li taw l-appoġġ kollu tagħhom lill-korruzzjoni ta’ Joseph Muscat. Dan lanqas ma jfisser li bi ħsiebni nivvota PN.
Adrian Delia kien beżgħan li se jkun hemm min jiġbor lil dawk li kienu jivvutaw PN – jiġifieri lill-“orfni” – f’partit politiku ġdid. Li kieku wħud minn dawk li fl-2017 vvutaw PN ħassew li kellhom alternattiva fl-elezzjoni li jmiss, x’aktarx li ċ-ċans li jivvutaw għal alternattiva kienu jieħduh u l-ħolma li tidjieq id-distanza minn ma’ tal-Labour tispiċċa ttir mar-riħ. U li kieku l-PN jitlef b’marġni akbar minn tal-2017, Adrian Delia jkollu jiffaċċja d-destin politiku tiegħu aktar kmieni milli qatt seta’ jaħseb.
Naħseb li smajtuhom ix-xniegħat li xxandru dan l-aħħar fis-sens li Repubblika għandha xi pjan sigriet biex tifforma partit politiku. Il-verità hi li ma kien hemm xejn ġdid dwar din ix-xniegħa. Qabel l- elezzjonijiet riċenti għall-Parlament Ewropew, il-PN kien mexxa’ xniegħat fis-sens li dawk tal-“klikka ta’ Daphne” kienu ser jippreżentaw kandidati għall-Parlament Ewropew.
X’kien l-iskop wara dawn ix-xniegħat? L-iskop kien li jippruvaw inaqqru mill-appoġġ tal-votanti tradizzjonali tal-partit għall-attivisti tas-soċjetà ċivili li ħadu l-inizjattiva minn taħt idejn it-tmexxija tal-PN fuq kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mad-drittijiet ċivili u mad-demokrazija. It-tmexxija tal-PN bħal donnha titmeżmeż meta tara li hawn nies li jaħsbu b’moħħhom u li jafu jieħdu azzjoni mingħajr ma joqgħodu jistennew li jiċċaqlaq il-partit.
Jeħtieġ niftakru li kien hemm żmien li fih tal-PN kienu ħaduha qatta’ bla ħabel kontra l-attivisti tal-Occupy Justice u saħansitra kienu xlewhom bit-tfassil ta’ pjan sigriet mal-gvern għall-introduzzjoni tal-abort. Qed insemmi dan l-episodju biss minn fost episodji oħra għaliex huwa wieħed li mhux diffiċli li wieħed jinsieħ.
Ix-xniegħat komplew jintensifikaw matul tmiem il-ġimgħa li għaddiet fis-sens li Repubblika kien bi ħsiebha tħabbar il-formazzjoni ta’ partit ġdid. Il-PN uffiċjalment żamm lura milli jieħu sehem fl-aħħar protesta u dan wara li kien ħa sehem fil-protesti li seħħew is-sena li għaddiet f’Novembru u Diċembru.
Ninsabu llum f’sitwazzjoni li fiha l-moviment kontra l-korruzzjoni tal-partit u l-gvern ta’ Joseph Muscat jinkludi wkoll għaqdiet xellugin bħal Moviment Graffitti iżda li ma jinkludix lill-PN li hu l-akbar partit fl-oppożizzjoni parlamentari.
Ma ħadux sehem. Iżda għajnejhom fuqna kienu, tafux!
Agħtu daqqa t’għajn lejn din il-kitba ta’ Dione Borg fil-Facebook li permezz tagħha kkritika d-diskors tiegħi li fih ma ħabbart ebda formazzjoni politika ġdida. Lill-partitarji tal-PN xorta deherlu li kellu jgħidilhom li m’għandhomx jagħtu widen lil tas-soċjetà ċivili. Huwa stqarr li jien waħħalt fil-gvern ta’ Lawrence Gonzi (gvern li jien ħdimt fi ħdanu) għall-korruzzjoni tal-Labour.
Dawk li kienu taw l-appoġġ tagħhom lill-gvern ta’ Lawrence Gonzi ma kellhomx għalfejn jieħdu għalihom għaliex jien m’għamilt ebda kritika f’dan ir-rigward. Smajt li fil-fatt Lawrence Gonzi kien fost il-folla u ma kellux ilmenti x’jagħmel.
Iżda Dione Borg xorta waħda ħa għalih. Tgħid ħa għalih għaliex kont jien li għamilt id-diskors minn fuq il-palk u mhux Adrian Delia?
Dione Borg imissu jaf li dak li qed joħlom bih qatt m’hu ser iseħħ. Id-diskors ta’ Adrian Delia dwar il-biċċa blogger mhux bi ħsiebna ninsewh. Lanqas m’aħna ser ninsew il-karti dwar il-kont bankarju f’Jersey li hu baqa’ jiċħad l-eżistenza tagħhom. Daqs kemm mhux bi ħsiebna ninsew il-mod kif ġġiegħelna niskantaw meta kien keċċa lil Simon Busuttil dwar ir-rapport Egrant li kien għadu ma qarax.
M’hu tort ta’ ħadd li, wara rebaħ il-kawża dwar il-pubblikazzjoni tar-rapport Egrant, il-kredibilità tiegħu baqgħet dik li kienet.
M’hu tort ta’ ħadd li ż-żarbun li libes, baqa’ sal-lum jitfixkel fih għax ma jiġieħx.
Iżda huwa tort tiegħu – u tort ta’ Dione Borg u ta’ dawk li jħobbu jirrepetu li “kien elett demokratikament ħi” – li Adrian Delia baqa’ mkaħħal f’postu. Niġi naqa’ u nqum jekk dan li qed nikteb jagħmel ħsara lill-PN. Xi ħadd bħal Dione Borg jonqosni biex ikompli jgħaxxaqhieli!
Ninsab imnikket għal pajjiżi. Għax pajjiżi m’għadx għandu l-għażla li jisħoqqlu.
Teżisti xi xrara ta’ tama li tinbidel din is-sitwazzjoni? Tgħid ser ikollna niffaċċjaw elezzjoni mingħajr għażla, parlament mingħajr partiti, gvern magħmul minn qabda korrotti li ħadd ma jista’ għalihom b’oppożizzjoni masokista bil-qiegħda faċċata tagħhom?
Hemm deċiżjonijiet li jeħtieġ li jittieħdu. Fil-politika ma tkampax meta jkollok lil xi ħadd fil-kariga bħalma hu l-kap tal-PN.
Min jaf x’hemm lest għalina għall-ġejjieni.