Kemm Chris Fearne kif ukoll Robert Abela jistgħu jissejħu kandidati tal-kontinwità – kelma li f’kampanji għat-tmexxija li jsiru f’pajjiżi oħra tista’ tfisser diżastru ċert għal min jużaha.

Bħalissa l-istampa fir-Renju Unit din il-kelma qed iddendilha ma’ għonq is-suċċessur potenzjali ta’ Jeremy Corbyn bħala mexxej tal-Partit Laburista ta’ dak il-pajjiż, li magħha l-aktar m’għandhomx grazzja. M’hemmx dubju li l-Partit Laburista tar-Renju Unit m’għandhiex bżonn ta’ xi Jeremy Corbyn ieħor. Il-mexxej preżenti tal-Partit Laburista tar-Renju Unit kien ġie “demokratikament elett” mill-membri ta’ dak il-partit. Tfakkarkom f’xi ħaġa din il-kantaliena?

Minkejja l-fatt li tal-Labour fir-Renju Unit kienu jafu li kellhom ma’ wiċċhom telfa ċerta u minkejja li kienu jafu li ma setgħu qatt jirbħu, l-leġittimità li kien kiseb Corbyn bis-saħħa tar-rebħa li kien għamel f’elezzjoni interna li fiha vvutaw il-membri tal-partit fissret li ħadd ma seta’ jwarrbu mingħajr ma jiġi mixli bi tradiment kontra l-istess membri tal-partit. Adrian Delia ma għeriqx u għadu jimraħ fil-wiċċ sal-lum minħabba mentalità simili.

F’Malta, l-istess bħal fir-Renju Unit, l-elezzjoni tal-mexxejja tal-partit direttament mill-membri tal-partit daħħlet fis-sistema parlamentari tagħna d-dinja tal-Primarji Amerikani li huma intenzjonati għal sistema presidenzjali. U kellna diżastru.

Meta l-membri tal-partit jiġu biex jagħżlu kandidat għall-elezzjoni presidenzjali, jkunu jridu jżommu f’moħħhom li l-kandidat tagħhom xorta waħda jkun għad irid jirbaħ l-elezzjoni presidenzjali li fiha jkollu dritt li jivvota kulħadd. Jekk, bl-għażla li jkunu għamlu, d-Demokratiċi jersqu wisq lejn ix-xellug, x’aktarx li l-magħżul tagħhom ma jkunx f’pożizzjoni li jirbaħ l-elezzjoni.

Iżda l-votanti Laburisti ta’ pajjiżna ser jivvutaw għal l-bniedem li l-ġimgħa d-dieħla ser ikun il-prim ministru.

Ilħaqna l-qiegħ f’radda ta’ salib. F’kitba preċedenti tiegħi, tkellimt dwar il-mod li bih Robert Abela qed iwiegħed il-bażużliżmu, l-favoritiżmu, n-nepotiżmu u l-klijenteliżmu lil Laburisti bħala tema politika ċentrali tat-tmexxija tiegħu.

Mill-banda l-oħra, Chris Fearne m’huwiex jitkellem biss. Bħala ministru tal-gvern, qed juża s-saħħa politika kollha li għandu biex jipprova jieħu vantaġġ fuq ir-rival tiegħu li bħalissa m’huwiex ministru tal-gvern. M’għandniex xi ngħidu, qed ikun galantom bi flus ħaddieħor.

Fi toroq tagħna ttellgħu billboards taħt il-firma tal-“Uffiċju tad-Deputat Prim Ministru” li jfaħħru l-“kisbiet” tal-ministeru tas-saħħa ta’ Chris Fearne. Tgħid proprju issa huwa ż-żmien għal dan il-ftaħir kollu? Tgħid se jkollna bżonn ta’ xi operazzjoni dalwaqt? Tgħid se jkollna bżonn ta’ xi dijanjosi ta’ xi marda permezz tal-kameras tas-CCTV li qed jitfaċċaw mat-toroq prinċipali tagħna?

Xejn minn dan. Chris Fearne qed juża flusek biex jipperswadi lill-membri tal-Partit Laburista (x’aktarx li int li qed taqra din il-kitba m’intix wieħed minnhom) jaħtruh bħala prim ministru tiegħek.

Dan m’huwiex biżżejjed. Hu u jara lil Robert Abela jersaq aktar viċin tiegħu fit-tellieqa, Chris Fearne qed iżid in-nies li qed jgħinuh fil-kampanja. Ir-riżorsi umani tal-ministeru tiegħu (dawn qed tħallas għalihom int, tafux) diġà jinsabu jiġru wara l-membri tal-Partit Laburista bil-mistoqsija “għandek bżonn xi ħaġa. Tinsiex taħseb f’Doktor Fern ta!” fuq fommhom.

Iżda issa Chris Fearne beda’ jirrekluta nies minn kullimkien. Is-segwaċi tiegħu f’diversi dipartimenti tal-gvern qed jabbandunaw xogħolhom (minkejja li qed jibqgħu jirċievu l-paga xorta waħda) biex ikunu jistgħu jaħdmulu mill-uffiċċju tiegħu, jiġifieri mill-Ministeru tas-Saħħa.

Kien ikun iktar faċli għal Chris Fearne li jirrikluta r-riżorsi umani minn ħdan il-ministeru tiegħu. Bħal ma kien faċli għalih, għal dawn l-aħħar snin, li jimpjega n-nies u l-kostitwenti tiegħu bis-saħħa tas-setgħa li għandu ta’ ministru kull meta kien ikun hemm xi post battal fid-dipartiment tas-saħħa.

Dawn in-nies issa qed jabbandunaw xogħolhom biex ikunu jistgħu jiġru wara l-membri tal-Partit Laburista u jitolbuhom il-vot għall-kandidat tagħhom.

Aħsbu ftit. Int tħallas il-paga tal-impjegat fid-dipartiment tas-saħħa u l-istess impjegat qed jabbanduna x-xogħol tiegħu biex jagħmel il-pjaċiri lill-membri tal-Partit Laburista li ser jagħżlu l-prim ministru tiegħek li jmiss min ser ikun.

Is-sitwazzjoni tista’ tkun aktar anti-demokratika minn hekk? X’differenza hemm illum minn mas-sitwazzjoni li ilna nissaportu għal dawn l-aħħar 6 snin?

Għal dawn in-nies, il-bidla m’hix meħtieġa. Xejn ma jista’ qatt jinbidel.

‘Kontinwità’ u ‘għaqda’. Is-soltu storja.