Ir-realtà dawwarniha f’ħolma u waqqafna ħesrem it-twettiq tal-ambizzjonijiet tagħna. L-għoġol tad-deheb ilellex u miksi bil-flus ippermettejnilu jaljenana mill-verità li konna drajna dejjem infittxu. Mit-tfittxija tal-verità issa sirna naqgħu u nqumu.
Tal-Economist Intelligence Unit m’għadhomx jikkunsidraw lil Malta bħala demokrazija sħiħa. Tal-EIU m’għamlux ġudizzju kif ġieb u leħaq u xogħolhom hu li jagħtu pariri lill-investituri dwar dawk il-pajjiżi li fihom ikunu jistgħu jinvestu b’rashom mistrieħa. Fi ftit kliem lill-investituri jispjegawlhom x’għandhom jistennew f’kull pajjiż li jagħżlu li jinvestu fih.
Min ikun irid jinvesti fil-bjar taż-żejt ikun jeħtieġ li jagħżel pajjiżi bħalma huma l-Veneżwela, n-Niġerja, l-Għarabja Sawdita jew ir-Russja. Investitur ikun jeħtieġlu jsir jaf aħjar is-sitwazzjoni politika f’dawn il-pajjiżi. Ikun jeħtieġlu jsir jaf jekk il-ħaddiema tiegħu ikollhomx bżonn il-ħarsien ta’ gwardji tas-sigurtà armati, jekk jistax iserraħ rasu dwar il-mod kif titħaddem il-ġustizzja fil-qrati lokali f’każ ta’ tilwim jew jekk ikollux joqgħod ixaħħam lis-setgħana biex ikun jista’ jinqeda’.
X’jistgħu jistennew minn Malta l-investituri? Malta hi pajjiż li fih inqatlet ġurnalista. Hi pajjiż li fih politiċi setgħana ppermettew it-twettiq ta’ assassinju u li mbagħad għamlu minn kollox biex jgħattuh. Hi pajjiż li fih uffiċjali għolja tal-pulizija jinsabu qaqoċċa mal-kriminali. Hi pajjiż li fih iċ-ċittadini sistematikament qed jiġu milgħuba mill-kbarat.
Jien ħdimt f’Harare, f’Lagos, fi Freetown u f’Johannesburg. Qabel toħroġ fit-toroq ta’ sikwit iwissuk dwar l-hekk imsejjħa ‘African handshake’: jiġifieri hi ħaġa komuni li uffiċjal tal-pulizija jwaqqfek fit-triq u jitolbok ixxaħħmu u, jekk tirrifjuta li xxaħħmu, tkun qed tistiednu li jwaħħlek multa jew inkella anki xi ħaġa agħar minn hekk.
F’pajjiżna korruzzjoni bħal din lanqas biss noħolmu biha. Għalkemm l-entużjażmu għax-xogħol, l-effiċjenza, t-taħriġ, il-kwalità tas-servizz u l-kortesija ta’ impjegati tal-gvern – bħalma huma l-uffiċjali tal-pulizija, għalliema, infermiera, tobba, impjegati tal-kunsilli lokali u ta’ uffiċini tal-gvern – tvarja minn bniedem għall-ieħor, ġeneralment dawn m’humiex nies korrotti. F’Malta mhix ħaġa tas-soltu li jindilku bix-xaħam il-pali ta’ jdejn uffiċjal tal-kunsill li jilqa’ applikazzjonijiet, tal-uffiċjal tal-pulizija li jwaqqfek fit-triq jew tal-infermier li jaħdem fid-dipartiment tal-emerġenza.
U minkejja dan, il-prim ministru skreditat li kellna qabel dan li għandna llum, kellu jwarrab wara li spiċċa ġġarraflu t-torri li kien bena’ fuq sisien ta’ tafal korrott.
Iċ-ċittadini bieżla u onesti ta’ pajjiżna – dawk li jħallsu t-taxxi, dawk li bil-paċenzja kollha u mingħajr ma jgorru jistennew fi sriebet twal biex jinqdew mill-iskejjel u mill-isptarijiet, dawk li jagħtu mill-ftit li jkollhom għall-ispejjeż tan-nar tal-festa meta tal-każin tal-banda jħabbtulhom il-bieb tagħhom u li kull sena jikkontribwixxu dik ix-xi ħaġa għall-Istrina – ma kienx jistħoqqilhom li Malta issa qed tissejjaħ bħala ‘demokrazija difettuża’.
Hemm mijiet ta’ eluf ta’ ċittadini komuni li qatt ma naqsu li jħallsu t-taxxi dovuti minnhom u li qatt m’għaddielhom minn moħħhom li ma jħallsuhomx. Xogħolhom iwettquh u jistennew li jitħallsu tiegħu. Dawn huma nies li ma jitkellmux dwar il-politika minn sbieħ il-jum sa meta jidlam u li meta jissejjħu biex imorru jivvutaw, iwettqu dmirhom bil-kwiet skont kif jidhrilhom. Dawn huma nies li bil-kemm qatt ikunu ltaqgħu ma’ persuni mdaħħlin fil-politika u li qatt ma jkun għaddielhom minn rashom li jmorru “jitolbu” għal xi pjaċir.
Dawn huma nies li jippretendu li għandhom igħixu f’soċjetà ġusta li fiha ma jkollhomx għalfejn joqgħodu jibżgħu għal drittijiethom.
U minkejja l-fatt li ċertament ma jistħoqqilhomx, dawn in-nies issa qed ikollhom igħixu f’pajjiż li huwa inqas demokratiku milli kien 10 snin ilu. Mur ipprova ifhem ir-raġuni il-għala bħala pajjiż sibna ruħna miexjin lura minflok ‘il quddiem minkejja l-wegħdiet kollha li kienu saru.
Il-bieraħ il-prim ministru stqarr li se jwettaq il-wegħda li kien għamel biex jitjieb il-metodu tal-għażla tal-kummissarju tal-pulizija. Mid-deċiżjonijiet diżastrużi kollha li ttieħdu, x’aktarx li kien l-abbuż tas-setgħa tal-prim ministru f’dik li hi l-għażla tal-kummissarju tal-pulizija li wassal biex id-demokrazija tagħna tmiegħket fit-tajn.
Fl-2013 Malta kellha kummissarju tal-pulizija serju li ma kienx ħasibha darbtejn li jaqfel żewġ imħallfin fil-ħabs. Kellha kummissarju tal-pulizija li fl-ajruport stenna r-ritorn fil-pajjiż ta’ Kummissarju Ewropew u dan bil-għan li jġiegħlu jagħmel il-kontijiet.
Dan il-kummissarju tal-pulizija serju twarrab u floku nħatar bażużlu. Flok il-bażużlu imbagħad inħatar imbeċilli. Flok l-imbeċilli, nħatar ġifa. U fl-aħħar, flok il-ġifa, nħatar buffu.
Fi żmien il-buffu, inqatlet ġurnalista u l-buffu baqa’ jagħmel il-buffunati. Id-deputat tal-buffu ma kien buffu xejn, iżda kien jiddiletta jagħmel il-buffunati bir-Rolls Royce tal-qattiel jew f’xi VIP box waqt xi partita futbol.
Dawn il-mijiet ta’ eluf ta’ ċittadini komuni li f’għomorhom qatt ma kienu ħabbtu difrejhom mal-liġijiet, raw il-mod li bih il-pulizija kienet saret qaqoċċa mal-agħar kriminali u kellhom seba’ mitt sena biex jaraw li dawn l-abbużi jitwaqqfu darba għal dejjem.
U l-bieraħ il-prim ministru ħabbar bidliet li prattikament ma jibdlu xejn u li ma jnaqqsu xejn mis-setgħat li l-prim ministru ta’ qablu kien tant abbuża.
Joseph Muscat kaxkarna lura għall-bidu tas-snin tmenin. Żmienijiet li ftit huma dawk li għadhom jiftakruhom. Żmienijiet li fihom id-demokrazija kienet taqla’ daqqa wara oħra. Robert Abela ma jistax jagħmilha tabirruħu li dawk iż-żmienijiet hekk koroħ fil-fatt ma kienu seħħu.
F’ġieħ uliedna, l-pajjiż jeħtieġ li jagħmel dawk il-bidliet li hemm bżonn. Intilef wisq żmien. Iċ-ċittadini onesti u bieżla ta’ dan il-pajjiż jistennew li l-politiċi tagħhom jagħmlu xogħolhom. Dawn iridu jgħixu ħajjithom mingħajr il-biża’ li jistgħu jitnaqqrulhom drittijiethom. Ma jridux joqgħodu jinkwietaw fuq il-politika. Dawn in-nies jitħoqqilhom li jitmexxew minn politiċi serji li jafu x’għandhom jagħmlu biex iħarsu d-demokrazija.
Min ser imexxi lil dan il-pajjiż lejn in-normalità sħiħa?