L-inkjesta indipendenti dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia qiegħda tkun ta’ servizz pubbliku importanti. Bil-għan li jipprova jsib skuża biex tibqa’ ma titnediex l-inkjesta, lil ulied Daphne l-gvern kien akkużahom li huma ħatja ta’ ħafna affarijiet. U, aktar ma jgħaddi ż-żmien, wieħed jista’ jifhem aħjar għala l-gvern kien għamel dik l-oppożizzjoni kollha.

Bl-istess mod kif kienet taħdem Daphne permezz tal-ġurnaliżmu tagħha, l-inkjesta dwar l-assassinju tagħha qiegħdet mera quddiem wiċċ il-pajjiż biex l-poplu jkun jista’ jintebaħ bid-difetti. Huwa tassew dnub li l-inkjesta m’hix qed tiġi mxandra fuq it-televiżjoni.

Fl-inkjesta, kull xhud qed jingħata l-ispazju kollu li jirrakkonta l-verżjoni tiegħu tal-istorja. U dan kollu qed iseħħ b’mod simultaneju mal-bqija tal-proċessi legali u politiċi u max-xogħol investigattiv li qed jitwettaq mill-ġurnalisti.

Mill-istejjer li qed nisimgħu, qed jinkixfu partita borom.

Nieħdu l-każ ta’ Silvio Valletta. Bniedem li l-gvern iddefendih bil-qawwa tul żewġ kawżi fil-qorti bil-għan li jkun jista’ jżommu bħala investigatur prinċipali fil-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Minħabba l-fatt li hu miżżewweġ ministru tal-gvern, l-impressjoni immedjata li ttieħdet kienet waħda ta’ kunflitt ta’ interess. Kien hemm min tħasseb li għad jista’ jasal żmien li fih il-lejaltà lejn il-karriera ta’ martu u d-dmir tiegħu li jikxef il-verità setgħu jkunu f’kunflitt. Kien hemm ukoll tħassib għall-fatt li l-ħtiġijiet politiċi ta’ martu bħala ministru tal-gvern setgħu jservu ta’ xkiel għalih.

Mal-mogħdija taż-żmien, il-fatti taw raġun lil min kien espriema dan it-tħassib. Għal xhur sħaħ, il-pulizija baqgħet tirrifjuta li tgħarbel sewwa l-istejjer li kienet kienet kitbet Daphne u dan biex setgħet titkixxef dwar il-motivazzjonijiet veri ta’ dawk li kienu assassinawha. Fil-frattemp, Silvio Valletta baqa’ jitkellem mal-ġurnalisti dwar l-allegat ħjiel li qal li kellu dwar kuntrabandu taż-żjut. Iżda meta għadda aktar żmien, dan l-hekk imsejjaħ “ħjiel” beda’ jidher bħala dak li fil-fatt kien. Jiġifieri mezz biex seta’ jiżvija kemm lill-ġurnalisti u forsi wkoll lill-investigaturi li kienu qed jaħdmu taħt il-gwida ta’ Silvio Valletta.

U issa sirna nafu li Silvio Valletta ma tantx kien ħabbel rasu dwar il-kunflitti ta’ bejn id-dmir tiegħu li jikxef il-verità u l-kariga pubblika li kellha martu. Mhux talli ma ħabbel rasu xejn iżda l-kunflitti beda’ jiekolhom bil-ħobż. Filwaqt li ħerġin aktar dettalji dwar kemm kienu ħobża u sikkina Yorgen Fenech u Silvio Valletta, issa sirna nafu li dan tal-aħħar ġie jaqa’ u jqum li l-pożizzjoni tiegħu setgħet toħloq problemi politiċi kbar għal martu. Għalkemm f’idejħ kellu l-għodda li bihom seta’ jsib tarf ta’ dan id-delitt mill-aktar faħxi, l-għodda li kellu f’idejh użahom biex joqgħod jitbaskat fil-lussu.

L-implikazzjonijiet ta’ din l-istorja huma kbar ħafna. Silvio Valletta kien il-kap tad-dipartiment tal-investigazzjonijiet kriminali u kien membru tal-bord tal-financial intelligence unit. B’eċċezzjoni tal-Kummissarju inkompetenti Lawrence Cutajar, kien l-uffiċjal tal-pulizija l-aktar setgħan f’Malta. Mingħand Yorgen Fenech kien ukoll irċieva rigali u kumplimenti. Naf li Valletta stqarr li l-ispejjeż tas-safra li kien għamel mal-persuna li l-pulizija qed takkużah li kien il-moħħ wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, kien ħariġhom minn butu. Iżda huwa diffiċli li wieħed jiblagħha li membru tal-korp tal-pulizija li jkun għadu kemm irtira mis-servizz kien ser jasal biex minn butu jħallas għal titjira business class u għal VIP box biex isegwi partita futbol. Din mhix ħaġa li wieħed jasal biex jemminha kif ġieb u leħaq.

Jeħtieġ li niftakru li, għal żmien twil, il-prosekuturi fl-Italja kienu talbu l-għajnuna tal-pulizija Maltija bil-għan li jkunu jistgħu jinnotifikaw lil Yorgen Fenech b’akkużi li kien imdaħħal f’xiri fil- logħob tal-futbol fl-Italja. Jeħtieġ li niftakru wkoll li l-prosekuturi Taljani ma setgħux imexxu legalment kontra Yorgen Fenech għaliex il-pulizija Maltija baqgħu jgħidulhom li ma kienux jafu fejn kien joqgħod. Iżda d-Deputat Kummissarju din l-informazzjoni ċertament kien jafha.

Fuq ħoġor il-pulizija issa hemm kawlata sħiħa. Min jaf Silvio Valletta bagħbasx f’provi li seta’ kellu f’idejh waqt li kien qed imexxi l-investigazzjoni fil-każ ta’ Daphne? Min jaf jekk it-tluq tiegħu mit-tmexxija tal-każ – u forsi anki t-tluq tiegħu mill-korp – kienx fisser li sieħbu Yorgen Fenech ma kellux aktar fejn jistkenn?

Ma tagħtix tort lil min jissuspetta li seta’ kaxkar saqajh fuq investigazzjonijiet kriminali oħra li fihom huwa mdaħħal il-ħabib tiegħu. Tgħid għandu ħbieb oħrajn fid-dinja tal-kriminali li wkoll jinsab qaqoċċa magħhom?

U l-kwistjoni ma tispiċċax miegħu biss. Yorgen Fenech, li ċertament m’huwiex baħnan u li lil Silvio Valletta jafu sew, qed jagħmel minn kollox biex jiskredita lill-Ispettur Keith Arnaud li qed imexxi l-prosekuzzjoni kontra tiegħu. Filwaqt li sirna nafu li Yorgen Fenech kien ħobża u sikkina ma’ Silvio Valletta, Yorgen Fenech qed jallega Keith Arnaud huwa ħobża u sikkina ma’ Keith Schembri.

Yorgen Fenech dan jaqbillu li jġiegħlna nemmnuh. Iżda l-verità hi li dan is-suspett ma nistgħu qatt inneħħuħ minn moħħna fil-kuntest tal-fatt li sal-lum għadna ma nafux il-għala Keith Schembri baqa’ jgawdi minn impunità sħiħa minkejja l-eżistenza ta’ provi dejjem jiżdiedu li qed ikomplu jgħarrqulu r-reputazzjoni tiegħu.

Yorgen Fenech mhux biss ma’ Silvio Valletta għamel kollox biex jindiehes. Jidher ukoll li ndiehes sewwa mal-eks prim ministru Joseph Muscat li, min-naħa tiegħu, ppermettielu ċerta familjarità żejda. Ir-rigali lussużi li għaddhielhom jidher li ntużaw biex jissiġillaw ir-rabta bejn il-kriminalità li tixbaħ in-negozju u l-korruzzjoni li tixbaħ il-politika.

U minn din l-istorja kollha, tfaċċaw il-korrotti u l-imgħawwġin li kienu determinati li jostru l-verità biex b’hekk ikunu f’pożizzjoni li jħarsu ġid akkwistat b’mod illeċtu.

Iżda apparti l-korrotti u l-imgħawwġin, hemm oħrajn li huma ndaf u retti bħal Manfred Galdes li l-bieraħ xehed waqt l-inkjesta pubblika. Dan xehed dwar l-indħil tal-gvern, dwar in-nuqqas ta’ riżorsi, dwar sabutaġġi minn naħa ta’ persuni bħal Edward Scicluna u dwar il-ġjufija ta’ uffiċjali tal-pulizija bħal Michael Cassar. Galdes espriema l-iskantament tiegħu għall-fatt li investigazzjonijiet li, fl-2016, kienu kunsidrati bħala ta’ natura “urġenti”, sal-ġurnata tal-lum baqgħu ma nbdewx.

M’hemmx dubju li stqarrija bħal din tefgħet dell ikraħ fuq l-uffiċjali għolja tal-korp tal-pulizija u esponiet kompliċità u kollużjoni mal-kriminal u mal-korrott. Hi ukoll xhieda ħajja tal-perikli li jgħaddu minnhom uffiċjali pubbliċi onesti bħal Manfred Galdes meta dawn jibqgħu jinsistu li jwettqu xogħolhom kif suppost. U hawn m’aħniex nirreferu għall-whistleblowers u għall-ġurnalisti li d-dmir morali tagħhom u xogħolhom ftit li xejn huwa mifhum minn ħaddieħor bħala obbligu ħaj. Għaliex bosta huma dawk li lil dawn in-nies iqisuhom bħala persuni partiġġjani li huma determinati biss li jfixklu.

Stqarrija bħal din turi wkoll li għal kull Peter Grech, Lawrence Cutajar u anki Silvio Valletta, issib Manfred Galdes. Bniedem li r-riżenja tiegħu wara tant xhur baqgħet tidwi bħala ċanfira morali.

Jeħtieġ niftakru wkoll fil-Maġistrat Victor Axiaq li, f’Novembru li għadda, baqa’ ma ċediex għall-manuvri ta’ Keith Schembri li kien għamel minn kollox biex ma jiġix jiġi mġiegħel jixhed f’kawża ta’ libell li kien għamel hu stess kontra  Simon Busuttil.

Il-Maġistrat Victor Axiaq kien inħatar għall-ġudikatura riċentement flimkien ma’ oħrajn. Dawn il-ħatriet qed jiġu kontestati minn Repubblika minħabba l-fatt li l-gvern kien iddeċieda li jinjora l-parir tal-Kummissjoni ta’ Venezja  dwar il-mod kif għandhom jinħatru l-membri tal-ġudikatura biex tiġi żgurata l-imparzjalità u l-indipendenza.

Iżda huwa fatt li l-indipendenza tal-ġudikatura ma tiġix żgurata biss permezz tar-regolamenti. M’hemmx dubju li dakinhar, il-Maġistrat Victor Axiaq wera’ li uffiċjal pubbliku kuraġġuż u determinat li jaqdi dmiru jista’ jagħmel id-differenza kollha. Sa dakinhar, Keith Schembri kien għadu konvint li ħadd ma jista’ għalih u li jista’ jibqa’ jgħaddiha lixxa.

Dakinhar, il-Qorti wrietu li ma setgħax jagħmel li jrid u l-edifiċċju kriminali kollu ta’ Keith Schembri dlonk spiċċa biex iġġarraf madwaru.

Madankollu Keith Schembri xorta waħda għadu jiġri barra u bħalissa jinsab fit-Tuneżija. Tgħid qed jiġri wara r-ruħ ta’ Bettino Craxi fil-purgatorju tal-korrotti? Ma naħsibx li qed jagħmel dan. Naħseb li dalwaqt ser nerġgħu narawh f’Malta u qed jistenna li tibqa’ tiġi estiża l-impunità li gawda għal dawn l-aħħar snin.

Nistennew u naraw jekk dak li jidher li qed jistenna iseħħx jew le.