Skond l-istorja uffiċjali, Chris Cardona m’aċċettax li jkompli jservi bħala ministru għaliex ġie deċiż li d-dikasteru tal-ekonomija jgħaddi f’idejn ħaddieħor. Din il-verżjoni m’hix daqstant ‘il bogħod mill-istorja dwar ir-“riżenja” ta’ Neville Gafà.
Chris Cardona jidher li ddabbritlu rasu mill-gvern u li dan x’aktarx ma seħħx għaliex huwa vittma innoċenti ta’ xi frame-up maħdum minn Keith Schembri.
Huwa diffiċli li wieħed ikejjel l-influwenza li jista’ għandu Keith Schembri fuq il-proċeduri li jinsabu għaddejjin bħalissa. Iżda jidher li m’hemmx dubju li l-ferita li feġġet f’Novembru 2019 u li qasmet minn nofs lill-Kabinett ta’ Joseph Muscat għadha qed tnixxi. Din m’hix xi ġlieda dwar il-politika li għandha titħaddem jew dwar il-kwalitajiet tal-mexxej. Din hi ġlieda qalila dwar il-flus u dwar id-demm fi ħdan familja tal-mafja. Ma nafux dan kollu sa fejn se jwassal.
Malli jasal żmien li fih il-ħallelin jibdew iduru fuq xulxin, stennew aktar inkwiet. U dawn il-ħallelin qishom barrin feroċi jduru u jimirħu fin-negozju tal-fajjenza tal-istat. Il-ħsara li diġà seħħet hi waħda enormi.
Il-gvern, anki fl-aktar stadju vulnerabbli tiegħu, jibqa’ jaħtaf kull okkażjoni biex jiċċensura u jeqred id-dissens. Mifni kif inhu bl-inkwiet intern, qed jagħmel minn kollox biex jiffoka fuq l-għedewwa bit-tama li jintogħġob mal-partitarji.
Kemm ilu li ħa l-ħatra l-prim ministru l-ġdid, Owen Bonnici m’għadux il-ministru tat-tindif tat-toroq. Ħadd għadu ma ħadlu postu. Madankollu uffiċjali tal-gvern diġà marru darbtejn biswit is-sit tal-protesti quddiem il-bini tal-Qorti biex jikinsu s-simboli tal-protesta ta’ dawk li qed jitolbu s-sewwa u l-ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia.
Il-moħħ ċkejken li għandhom igħidilhom li taħti hi għall-inkwiet li jinsabu fih bħalissa.
Kienu żergħu r-riħ u issa qed jaħsdu t-tempesti.