Il-kummenti li għadda Sandro Chetcuti tal-għaqda tal-iżviluppaturi xi ġranet ilu m’għandhomx jibqgħu bla tweġiba. Waqt żjara li għamel Robert Abela, dan tkellem formalment dwar l-appoġġ li l-għaqda tiegħu qed tagħti lill-kampanja li tas-soċjetà ċivili qed jagħmlu biex ma jiġix permess il-finanzjament privat tal-partiti politiċi.
Tas-soċjetà ċivili isibu ruħħom kważi dejjem f’konfront mal-iżviluppaturi f’kull dibattitu li jsir. Il-komunità demokratika ta’ sikwit turi t-tħassib tagħha dwar in-nuqqas ta’ governanza tajba f’dawk li huma ppjanar, żoni ta’ żvilupp u regolamentazzjoni tal-bini. Il-ħsara kbira li tagħmel il-korruzzjoni f’dan il-qasam huwa ta’ natura permanenti.
L-hekk imsejjħa “business friendliness” ta’ Joseph Muscat fetħet il-bibien beraħ għall-mafja fil-qasam tal-industrija tal-gaming, għall-ħassiela tal-flus u għall-evażuri tat-taxxa fl-industrija bankarja u għall-evażuri tat-taxxa u għall-frodisti fl-industrija tal-bejgħ tal-passaporti. Iżda hi l-industrija tal-kostruzzjoni li tagħmel l-akbar ħsara bil-konkos li tferra’ u bis-siġar li teqred.
Jeżistu każijiet li huma tassew xokkanti u fost dawn hemm l-għoti ta’ biċċiet ta’ art f’San Ġorġ lil tad-DB Group u lil tal-Corinthia, il-bini fuq l-irdumijiet ta’ Għawdex u l-iżvilupp ta’ Joseph Portelli fil-Qala li jidher li għadu merfugħ f’kommtu.
Minħabba l-kobor tagħhom, dawn il-każijiet m’humiex biss stampa parzjali tal-ħsara li qed titwettaq iżda huma wkoll riżultat ta’ diġenerazzjoni sistematika li qed titħalla ssir bis-saħħa ta’ kompliċità burokratika. Biżżejjed li wieħed isemmi l-mod kif qed jingħataw il-permessi għall-bini ta’ pompi tal-petrol u dan fin-nuqqas ta’ tfassil min-naħa tal-awtorità ta’ politika li tirregolahom, it-twarrib ta’ pjan ta’ struttura dixxiplinat u l-abbandun totali tal-ippjanar lokali.
Din is-sitwazzjoni hi frott ta’ skema korrotta. Huma l-iżviluppaturi li jiffinanzjaw lis-sistema politika tagħna u huma l-partiti politiċi li jiddependu fuq il-ġenerożità finanzjarja tagħhom. Għaldaqstant min jista’ jemmen li l-politiċi għandhom is-saħħa li jwaqqfu r-regħba tal-iżviluppaturi dment li dawn jibqgħu jimirħu fil-bwiet tal-iżviluppaturi?
F’diskors li għamel Sandro Chetcuti tal-Għaqda tal-Iżviluppaturi Maltin huwa qal li jaqbel ma’ dak li kienu qed isostnu tas-soċjetà ċivili fis-sens li l-partiti politiċi m’għandhomx jiġu finanzjati minn interessi privati iżda mill-istat u dan biex tiġi mwarrba l-impressjoni li teżisti xi rabta korrotta bejn il-politika u n-negozju.
B’mod mill-aktar stramb, huwa qal ukoll li l-industrija tal-konstruzzjoni hi l-“vittma” tal-korruzzjoni fil-politika. Kien hemm min fil-pront wieġbu li bosta kienu dawk il-membri tal-għaqda tiegħu li kienu gawdew minn din ir-rabta u li għadhom qed igawdu sal-lum.
Iżda hi ta’ sinjifikat is-sejħa li għamlet l-MDA biex ikun hemm sistema politika “professjonali” b’parlament li jiffunzjona u b’partiti politiċi armati b’mod li jkunu f’pożizzjoni li jagħmlu xogħolhom indipendentement mill-“ġenerożità” tan-negozjanti l-kbar. Hi ta’ sinjifikat għaliex il-korruzzjoni hi sikkina li taqta’ minn żewġ naħat. It-tixħim mhux biss jiġu offrut iżda jintalab ukoll. U wieħed jista’ jimmaġina minn fejn beda’ triqtu Sandro Chetcuti qabel l-2013 mir-raba’ sular taċ-Ċentru Nazzjonali tal-Labour u li llum wasal f’destinazzjoni differenti wara li politikament inqala’ ‘l barra Joseph Muscat.
Meta Joseph Muscat kien ħa r-riedni f’idejh, il-partit tiegħu ma kienx fdat, kien iżolat u ma kellux sold fuqhiex jaħlef. In-negozjanti, anki dawk li tradizzjonalment kienu jappoġġjaw lil tal-Labour, kienu ilhom jilmentaw is-snin dwar il-politika anti-Ewropea tal-partit. Dak iż-żmien, dawk li kienu kontra l-Unjoni Ewropea kien meqjusa bħala li huma kontra n-negozjanti, kontra t-tkabbir ekonomiku u saħansitra kontra l-futur.
Fl-2008 bosta kienu dawk li ma setgħux jifhmu kif il-Partit Laburista ma kellux il-ħila joffri alternattiva vijabbli għall-PN li kien ilu fil-gvern – ħlief għal 22 xahar – mill-1987.
Kien Joseph Muscat li pprovda l-alternattiva u, talli għamel dan, mela l-karus tal-partit bil-flus bis-saħħa tal-wegħdiet li kien għamel. Il-Partit Laburista litterlment beda’ jgħum fil-liri bis-saħħa ta’ dawn il-wegħdiet.
Wegħdiet li spiċċaw li għamlu ħsara kbira lill-pajjiż.
Joseph Muscat kien wiret pajjiż normali li kien rispettat mad-dinja kollha u li kien qed jiġbed l-investiment. Lil Robert Abela, Sandro Chetcuti qallu li l-pajjiż tant għandu reputazzjoni ħażina li qed inaffar l-investiment saħansitra anki dak fl-industrija tal-bini.
Grazzi għall-ħsara li saret lill-pajjiż, dawk li issa qed jisgħobbihom li taw l-appoġġ tagħhom lil Joseph Muscat qed jintebħu li mhux lakemm jinħallu minn mar-rabtiet Fawstjani li kienu ħolqu fl-2013 mal-Partit Laburista.
Tal-Labour qed jgħumu fil-liri. Tal-PN jinsabu f’xifer il-falliment. U n-negozjanti jafu li l-iffinanzjar ta’ partit fallut ma jagħmilx sens.
Issa ninsabu fi stadju li fih qed tibqa’ tirrenja oligarkija ta’ rgħiba korrotti li tinsab f’pożizzjoni li tiggarantixxi s-setgħa perpetwa tagħha.
Dan m’huwiex sewwa. Fil-Parlament, tal-Labour qed igħidu li l-problemi finanzjarji tal-PN m’għandhomx isiru problema tal-PL jew tal-gvern. Din m’hi xejn ħlief skuża. In-nies bil-mod il-mod qiegħda tifhem li s-sitwazzjoni tal-korruzzjoni u tar-rabtiet bejn il-politika u n-negozju ma tistax tibqa’ dik li hi. Iżda tal-Labour mid-dehra jridu jibqgħu iħarsu l-interessi tal-korrotti li m’humiex interessati fir-riformi għax ma jkunx jaqblilhom.
Kull rivoluzzjoni taf iġġib flimkien lil dawk li mhux dejjem jaraw għajn m’għajn. U Sandro Chetcuti qed igħid li huwa lest li jidħlilha.