Għal dawn l-aħħar sentejn u fuqhom, is-sit tal-protesta faċċata tal-bini tal-qorti sar kamp tal-battalja fit-taqtieha bejn id-diċenza bażika u l-jedd għal ħajja demokratika minn banda, u l-korla mbeżża’ tal-ħatjin li m’humiex lesti li jittolleraw il-protesti, l-aktar minħabba l-fatt li m’għandhomx is-saħħa li jwaqqfuhom.
Wieħed m’għandux għalfejn ikollu xi ħiliet psikoloġiċi biex jintebaħ li jekk ikun hemm avversarju b’ras iebsa li jkun qed jikkonfrontak, it-tendenza x’aktarx tkun li ma tibqax tippersisti. Kull darba li, fis-satra tal-lejl, il-gvern kien jibgħat in-nies tiegħu biex jikinsu t-tifkiriet tal-protesta li jkunu tħallew madwar il-Mafkar tal-Assedju l-Kbir (ritratti, xemgħat, fjuri u x’naf jien), ma kienx biss qed juri d-disprezz tiegħu lejn dawk li jipprotestaw. Din l-azzjoni għamilha għal aktar minn ħames mitt darba.
Gvern diċenti, disprezz kemm jista’ jkollu disprezz, lil dawk li qed jipprotestaw kien jerħilhom, kien jinjorahom u kien jistenna sakemm dawn igħajjew u sakemm isibu xi ħaġ’oħra x’jagħmlu b’ħajjithom.
Il-fatt li l-gvern kien qed jibgħat lin-nies tiegħu kuljum biex jikinsu x-xemgħat, ir-ritratti u l-fjuri minn madwar il-Mafkar, lil dawk li qed jipprotestaw tahom kull motivazzjoni biex lil dawn it-tikiriet jerġgħu iqiegħduhom fis-sit ftit wara li jitneħħew. Is-soppressjoni tat enerġija ġdida lill-protesta li kienet qed tiġi maħnuqa u kompliet tisqi s-sens ta’ sfida.
X’kienet ir-raġuni li l-gvern xorta waħda kompla bis-soppressjoni tiegħu?
Is-sens ta’ ħtija m’huwiex imsejjes fuq ir-raġuni. Dawk fostna li għandhom l-ħila li jifhmu sew is-sinjifikat ta’ dak li kien qed iseħħ frott l-imġieba tal-ħatjin fehmu li ma setgħux iċedu u li jekk jibqgħu jippersistu bit-tqegħid tax-xemgħat u tal-fjuri, il-verità għad tfeġġ.
Ħadd m’għandu jaħseb li issa l-kwistjoni nstab tarfha. Joseph Muscat għadu kemm għamel irtirata ta’ natura strateġika meta reħa minn idejh is-setgħa li jwaqqaf jew ifixkel il-protesti .
Ironikament, it-triq li tista’ twassal għall-kisba tal-verità u l-ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia u għall-każijiet ta’ korruzzjoni u ta’ kriminalità li kienet kixfet issa saret aktar iebsa.
Il-ħallelin u tal-klikka tal-Panama m’għadhomx daqstant taħt pressjoni tal-istituzzjoni Ewropej u dawk ta’ madwar id-dinja u jinsabu inqas esposti għall-iskrutinju tal-istampa internazzjonali.
Dan ma jistax ħlief ifisser li dawk li qed jipprotestaw jeħtieġ li jkomplu jeżerċitaw il-pressjoni tagħhom fuq il-ħallelin u tal-klikka tal-Panama biex il-ħruġ tal-verità jissokta.
Ix-xogħol ta’ dawk li qed jipprotestaw issa jeħtieġ li jintensifika u mhux jonqos. Dawn mingħalihom li ssodisfawna dan kollu għax issa hemm b’wiċċ ġdid bħala prim ministru. Dawk li qed jipprotestaw għandhom jagħmluha ċara li l-ġesti u l-illużjonijiet ta’ normalità bħal dawn ma jimpressjonawhom xejn u li jeħtieġ jiżguraw li, fl-aħħar mill-aħħar, issir ġustizzja.
Joseph Muscat, Konrad Mizzi, Keith Schembri u Chris Cardona m’għandhomx jitħallew igħadduha lixxa.
U dan mhux kollox.
Bil-għan li jħarsu lilhom infushom, li jippruvaw isibu skuża għall-imġieba mimlija ħtija tagħhom, li jagħmlu l-almu tagħhom biex il-protesti jsikktuhom bis-saħħa tal-biża’, l-intimidazzjoni u l-użu sfrenat tar-riżorsi pubbliċi, l-klikka ta’ Joseph Muscat ħejjiet armata ta’ segwaċi li huma misqijin bil-ħdura.
X’aktarx li Robert Abela kkalkula li jista’ jkun ta’ vantaġġ tattiku għalih li jwaqqaf it-tneħħija, fis-satra tal-lejl, tat-tifkiriet madwar il-Mafkar mill-ħaddiema tal-gvern. Allura m’għandux għalfejn ikun hemm ebda inkinar għad-deċiżjoni tal-prim ministru li jwaqqaf iċ-ċensura. Iżda għandu jkun hemm l-istennija li filwaqt li hu jagħmel xogħolu, aħna nagħmlu xogħolna billi nibqgħu nesiġu kontabilità minn naħa tiegħu.
It-tneħħija tat-tifkiriet mill-ħaddiema tal-gvern fis-satra tal-lejl hi biss parti mill-pjan ta’ soppressjoni ta’ Joseph Muscat. Hi wkoll att ta’ vjolenza anonima li organizza għal kontrina.
L-intimidazzjoni ġejja wkoll minn dawk li jobżqulna u jgħajjruna kull darba li nqiegħdu l-fjuri mal-Mafkar, minn dawk li lin-nisa tagħna li għal dawn l-aħħar sentejn ipprotestaw fil-misraħ fid-dawl tax-xemx għajjruhom prostituti u minn dawk li ma ħasbuhiex darbtejn li lill-protestanti jgħebbu għalihom, li jkissrulhom il-mobiles tagħhom u li jtuhom bil-ħarta.
L-armata tassew intimidatorja tikkonsisti f’politiċi tat-tieni klassi bħalma huma Jason Micallef jew Robert Musumeci jew Tony Zarb jew Jeffrey Pullicino Orlando jew Ray Azzopardi jew Josef Caruana li għoxew f’orġja ta’ attakki, tgħajjir, gideb u insinwazzjonijiet kontra dawk li jipprotestaw li wħud minnhom ġew identifikati apposta biex jiġu abbużati permezz tal-internet.
Dan kollu Robert Abela jeħtieġ li jwaqqfu għaliex huwa responsabbli li jara li dritt fundamentali li wieħed jipprotesta jiġi mħares. Huwa responsabbli li jwaqqaf lil dawk li moħħhom biss biex jintimidaw, li jabbużaw, li jheddu jew anki agħar minn hekk. Ħadd m’għandu dritt li jkun vjolenti fiżikament, psikoloġikament jew bi kliemu biex jinqeda’ politikament. Meta jkunu uffiċjali tal-istat li jwettqu dawn l-abbużi, ikun ksur tad-dritt fundamentali li wieħed jipprotesta.
Araw ftit x’għoġbu jikteb dalgħodu Mario Azzopardi, propagandist tal-Partit Laburista mħallas mill-istat. Li dan il-bniedem Robert Abela jeħtieġ li jiġbidlu ċ-ċinga. Iżda ħaġa bħal din ċertament mhux se tkun faċli – sa ftit ġimgħat ilu lil Mario Azzopardi, Robert Abela qallu li l-fjuri mal-Mafkar huma “provokazzjoni”.
Hekk hu. Il-fjuri li nqiegħdu se jwasslu biex jipprovokaw il-verità u l-ġustizzja għal Daphne u għal pajjiżna. U mhux bi ħsiebna nieqfu.