L-allegazzjonijiet ta’ tbagħbis f’elezzjonijiet interni tal-partiti saru ħwejjeġ li wieħed jisma’ dwarhom ta’ spiss. Hi ħaġa tassew tal-waħx li dan it-tbagħbis jista’ jitħalla jseħħ. Għalkemm l-elezzjonijiet li jseħħu fi ħdan partit huma kwistjoni interna, l-implikazzjonijiet huwa ta’ natura nazzjonali. Għaldaqstant min ibagħbas fil-proċess elettorali ta’ partit ikun qed iqarraq mhux biss bil-partit iżda wkoll bil-pajjiż.
Aħsbu ftit x’qiegħed jiġri bħalissa. Robert Abela qed jallega li Chris Fearne qed igawdi mill-manipulazzjoni tar-reġistru tal-votanti li huwa miżmum fil-kwartier tal-Partit Laburista. L-ogħla uffiċjal tal-partit qal Robert Abela qed igħid il-ħmerijiet. Jidher li m’hemmx mod indipendenti li permezz tiegħu wieħed ikun jista’ jsir jaf aktar dwar dak li jinsab għaddej bħalissa.
L-uniku skrutinju veru qed isir biss permezz tal-Facebook.
“Choice for spoil” tabilħaqq!
Il-membri tal-Partit Laburista ser jagħżlu l-persuna li ser tmexxilhom lill-partit. Il-ġustizzja titlob li dawn għandhom jingħataw iċ-ċans li jagħmlu għażla libera. Madankollu, l-għażla li ser jagħmlu se tħalli effett kbir fuq il-pajjiż għaliex, skond is-sistema tagħna, l-mexxej tal-partit fil-prattika huwa wkoll il-prim ministru ġaladarba dak il-partit ikollu l-appoġġ tal-maġġoranza fil-Parlament.
Fit-teorija, prim ministru għandu jkun kontabbli lejn il-Parlament u maġġoranza ta’ membri tal-Parlament għandha s-setgħa wkoll li tibdel lill-prim ministru. Fil-prattika dan ma jseħħx. Biżżejjed wieħed jiftakar fil-mod kif ġabet ruħha l-maġġoranza Laburista fil-Parlament. Dawn naqsu li jneħħu mexxej ta’ partit minkejja l-fatt li l-uffiċċju tiegħu jinsab implikat fi qtil. Aħseb u ara kemm ser jaslu biex jagħmlu dan mas-suċċessur tiegħu.
Id-demokrazija għamluha trietaq.