Il-partitarji Laburisti ser jagħżlu l-prim ministru ta’ Malta li jmiss. Iżda dak li ser jingħażel mhux ser ikun “prim ministru” biss.
Dan għaliex il-prim ministru tagħna – hu min hu – huwa wkoll ir-re elett b’setgħat kbar – qisu l-papa. Il-prim ministru jagħmel il-ħatriet tal-imħallfin, tal-impjegati għolja tas-servizz ċivili, tal-ministri, tal-kapijiet tad-dipartimenti, tal-ogħla uffiċjali tal-pulizija, tal-avukati tal-gvern, tal-ogħla uffiċjali tal-armata, insomma tista’ tgħid ta’ kulħadd.
Diġà mhix ħaġa sewwa li mexxej jingħażel minn partit bejn elezzjoni u oħra u li dawk li ser ikunu ggvernati minn min ser jintagħżel, ma jingħataw ebda opportunità li jesprimu l-fehma tagħhom. Iżda hi sitwazzjoni ħafna agħar meta dawk li għandhom is-setgħa li jagħmlu l-għażla jiġu mċaħħdin mill-għażla tagħhom minħabba t-tbagħbis fil-proċess elettorali.
Immorru lura għas-sena 1992 meta Lino Spiteri kien tilef tellieqa elettorali ma’ Alfred Sant dwar min minn dawn it-tnejn kellu jkun is-suċċessur ta’ Karmenu Mifsud Bonnici. Snin wara li kienet saret din l-elezzjoni, Lino Spiteri kien allega li Alfred Sant kien rebaħlu għaliex in-nies ta’ dan tal-aħħar kienu bagħbsu fil-proċess tal-voti bis-saħħa ta’ voti finta mixħutin favur Sant. L-allegazzjoni kienet waħda plawsibbli u kellha mir-raġuni għalkemm Alfred Sant baqa’ jlissen il-kelma “illeġittimi” kull meta kien jitħaddet dwar l-elezzjonijiet ta’ ħaddieħor, ovvjament ħlief għal dawk li fihom kien imdaħħal hu.
Meta Lino Spiteri kien irrakkonta din l-istorja, kien espriema wkoll in-niket tiegħu għal dak li kien seħħ. Iżda l-vittma vera ta’ din l-istorja kien il-poplu Malti li għal żmien twil baqa’ jitħasseb dwar kif setgħet tiżviluppa s-sitwazzjoni li kieku ma kellux mexxej politiku li għal 16 il-sena sħaħ mexxa’ kampanja favur l-idea ambigwa ta’ ‘Svizzera fil-Mediterran’.
Bħalissa l-Partit Nazzjonalista jinsab għaddej mill-fażi ta’ “dak li seta’ kien”. Fi żmien il-kampanja biex jinħatar Kap ġdid tal-PN, kienu saru allegazzjonijiet li Jean Pierre Debono, li kien qed jaħdem b’riżq Adrian Delia, kien bagħbas il-proċess biex seta’ jgawdi l-kandidat favorit tiegħu. Uħud minn dawn l-allegazzjonijiet jidher li kienu ġew verifikati minn investigazzjoni interna indipendenti li, madankollu, ma kienet għamlet xejn biex isewwi dak kollu li kien sar ħażin.
Jekk huwa minnu li l-mexxej tal-PN, kif xi drabi huwa allegat b’nofs qalb, kien ġie elett bis-saħħa tat-tbagħbis elettorali, ma kienux il-PN u l-membri tiegħu li ġew imċaħħda mill-għażla alternattiva. Huwa l-pajjiż li jeħtieġ u jistħoqq li jkollu l-aħjar Kap tal-Oppożizzjoni possibbli. Din hi kariga li fit-teorija hi waħda influwenti u tista’ twassal biex min jokkupaha eventwalment isir prim ministru.
M’aħna qatt ser insiru nafu kienux sinċieri jew le r-rivali ta’ Alfred Sant, Adrian Delia u Chris Fearne meta kienu għamlu l-allegazzjonijiet tagħhom dwar tbagħbis elettorali.
Il-fatt li qatt m’aħna ser insiru nafu l-fatti u l-fatt li m’hemmx proċess indipendenti li wieħed jista’ jserraħ fuqu biex ikun verifikat x’tassew kienu l-fatti, jwassal biex iherri l-fiduċja tal-poplu fil-proċess demokratiku.